Ir-riżenja tal-avukat żagħżugħ Charles Mercieca mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, malajr, biex immedjatament jassumni d-difiża ta’ Yorgen Fenech mhiex riżenja komuni.
F’ċirkustanzi differenti ma kienet tfisser xejn.
Tassumi sinifikat fil-kuntest li saret u fid-dawl tal-ismijiet diġà magħrufa. Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tfisser ħafna.
Edward Zammit Lewis, Ministru tal-Ġustizzja, ddeskriva r-riżenja bħala insensittiva. Għal min insensittiva?
Naħseb li ż-żmien għad juri li hi agħar minn hekk.
Qed tifforma għanqbuta minsuġa bi kważi perfezzjoni u b’finanzi bla limitu. Uħud li qed jissemmew rari jidhru fil-pubbliku. Anzi jevitaw li jidhru bħal donnhom jistħu jidhru. Imma donnhom jippjanaw sew u rari jfallilhom.
Żelqilhom wieħed Melvyn Theuma. Jidher li għadhom qed jippruvaw jirrimedjaw il-konsegwenzi.