Toni Abela f’Xarabank

Toni Abela

Waqt Xarabank tal-bieraħ il-Ġimgħa suppost li ġie diskuss il-każ Manwel Mallia.

Għal diversi drabi waqt il-programm Toni Abela Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għoġbu jsemmi dak li ktibt jiena dwar il-każ. Għandu kull dritt li jagħmel dan, għax dak li nikteb jiena fuq dan il-blog huwa pubbliku u kulħadd għandu dritt jikkummenta u jikkritika dak li nikteb dwaru.

Minn dak li qal Toni Abela kien ovvju li qed jirreferi għall post intitolat Lil hinn minn Manwel Mallia.

Toni Abela ikkwota ftit b’mod żbaljat mill-post tiegħi tant li min semgħu seta fehem li jiena għidt affarijiet ħafna differenti minn dak li fil-fatt għidt.

Naħseb li tajjeb illi nfakkar illi dwar il-każ ktibt mat-13-il post fuq dan il-blog. Repetutament argumentajt li kien ikun għaqli għal Manwel Mallia kieku irreżenja mill-ewwel ma sbieħ l-20 ta’ Novembru 2014, mhux għax għamel xi ħaġa ħażina imma biex jerfa’ ir-responsabbilta’ politika għall-persuni ta’ fiduċja (persons of trust) li kellu madwaru. Hekk jagħmlu l-politiċi serji.

Il-Partit Laburista permezz tal-mexxej tiegħu żbalja meta dam biex iddeċieda x’għandu jagħmel. Għax il-konklużjoni tal-inkjesta mit-tlett imħallfin ma iddeterminatx ir-responsabbilta politika. Fiċ-ċirkustanzi imma l-inkjesta ħasset il-ħtieġa li tfakkar kemm lill-PN kif ukoll lill-PL li għandhom ħabta kif meta jkunu fl-Opposizzjoni jitkellmu favur il-ħtieġa li jqegħdu fil-prattika kultura ta’ responsabbilta politika imma hekk kif ikunu fil-Gvern jinsew kollox. Dwar dan Toni Abela ġustament qal waqt Xarabank li l-inkjesta ġibdet widnejn iż-żewġ partiti.

Fil-waqt li l-Gvern dam ħafna biex iddeċieda, huwa tajjeb li nirrikonoxxu illi d-deċiżjoni li Manwel Mallia jispiċċa minn Ministru kienet deċiżjoni tajba. Imma l-fatt li damet ħafna ma ittieħdet kien żball li kompla għamel il-ħsara lill-politika f’Malta.

M’għandix dubju li Toni Abela jaqbel ma dan ukoll. Imma dan x’naħseb jien!

Lil hinn minn Manwel Mallia

Manwel Mallia 11

Id-dibattitu tal-bieraħ fil-Parlament kien, fil-fehma tiegħi, wieħed fqir. Kif kien mistenni l-linja ġenerali tal-Gvern kienet waħda difensiva: għax ma tarawx x’għamiltu intom? Fiċ-ċirkustanzi, għal darba, hemm ftit validita’ f’din il-linja ta’ argumentazzjoni.  Għax jekk irridu inkunu onesti, l-Opposizzjoni Nazzjonalista hi l-inqas fil-pajjiż li tista’ titkellem fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbilta’ politika.

Il-ħtija unika tal-Gvern hi li mexa bil-mod u li dam biex iddeċieda. Imma min-naħa pożittiva hu fatt li Ministru tneħħa bħala riżultat ta’ dak li ġara. Dan qatt ma ġara sal-lum u l-fatt li fl-aħħar ġara huwa importanti ħafna għall-politika Maltija.

Joseph Muscat kaxkar saqajh biex ħa din id-deċiżjoni. Nifhmu. Għax fehem li l-konsegwenzi  tad-deċiżjoni imorru lil hinn minn l-ex Ministru Manwel Mallia u dak li kien Aġent Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit.

Il-konsegwenzi huma fit-tul. Huma konsegwenzi fuq is-sistema politika ta’ żmien il-ħaġar li għandna f’pajjiżna.

Mill-kummenti hu ċar li bosta għad ma fehmux eżattament x’ġara. Biż-żmien jifhmu ukoll.

Li l- politiku jkun kapaċi jerfa’ r-responsabbilta politika tiegħu, anke’ permezz ta’ riżenja (jekk meħtieġ) mhux sinjal ta’ djufija. Uħud mill-aħjar politiċi fl-Ewropa kellhom jirriżenjaw propju għalhekk. Ħarsu ftit lejn Willy Brandt, Kanċellier Soċjal Demokratiku tal-Ġermanja (tal-Punent) jew lejn Francesco Cossiga, Ministru tal-Intern tal-Italja, it-tnejn fis-snin 70.

Minkejja l-bosta kummenti  negattivi li ntqalu matul dawn l-aħħar ġimgħat, fl-aħħar għandna lkoll nirrikonoxxu li d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jneħħi lil Manwel Mallia minn Ministru kienet waħda tajba.  Kien ikun aħjar kieku irriżenja minn rajh, ħafna qabel. Imma għadna qegħdin nitgħallmu. Bil-mod u bl-iżbalji.

Anke’ jekk dam biex iddeċieda, Joseph Muscat għandu mertu li fl-aħħar kien kapaċi jieħu din id-deċiżjoni. L-ikbar mertu imma huwa tal-media Maltija u tal-opinjoni pubblika. Grazzi. Huwa b’dawn id-deċiżjonijiet li nimxu l-quddiem.

Dwar ir-responsabbilta’ politika, il-PN jipprietka biss

Muscat + Busuttil

 

Meta tisma’ lil Simon Busuttil u lil Joseph Muscat jitkellmu dwar ir-rapport tal-inkjesta ippubblikat tard it-Tnejn, faċli tasal għall-konklużjoni li t-tnejn li huma għadhom ma tgħallmu xejn minn din l-esperjenza.

Joseph Muscat meta kellem lill-istampa fi Press Briefing għoġbu jagħżel raġuni inkorretta bħala r-raġuni għaliex fil-fehma tiegħu Manwel Mallia kellu jirriżenja. Joseph Muscat, meta għamel hekk, injora l-iktar parti importanti tar-rapport tal-inkjesta (paġna 11) li titkellem dwar ir-responsabbilta’ politika.

Din id-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Inkjesta hi waħda qawwija ħafna.

Id-dikjarazzjoni tibda b’battuta li l-politiċi Maltin wara li jipprietkaw mill-Opposizzjoni, hekk kif jitilgħu fil-Gvern malajr jinsew kollox. Ir-rapport imbagħad jgħaddi biex jispjega għaliex (fil-fehma tal-awturi) dan qiegħed iseħħ. Il-ħatriet fil-pajiż (mill-iċken sal-għola) jsiru “fuq bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbibierija u konsiderazzjonijiet mhux xierqa bħal dawn”.  Dan, ikompli r-rapport, iwassal għal ħsara fit-tmexxija tal-pajjiż.

Din il-ħsara mhux dejjem issir magħrufa. Iżda meta dan iseħħ (jiġifieri li tkun magħrufa) “il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha.”

Minflok, ikompli jgħid ir-rapport, “dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara”. Jekk imbagħad ikun seħħ reat kriminali l-politiku “jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.”

Filwaqt li fil-prinċipju naħseb li lkoll naqblu ma dan, il-problema hi li waqt li l-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni dan jipprietkah, fil-Gvern ma ipprattikaħx. Irid ikun rikonoxxut li din hi ir-raġuni ewlenija għar-reżistenza biex Manwel Mallia jirreżenja. L-eżempji ma jispiċċaw qatt, imma nistgħu nsemmu s-segwenti żewġ eżempji:

Tonio Fenech ma irreżenjax minn Ministru tal-Finanżi meta s-Segretarju Privat tiegħu ammetta fil-Qorti li kien irċieva flus ta’ korruzzjoni.

Austin Gatt ma irriżenjax minn Ministru meta sar magħruf li l-każ ta’ korrużżjoni dwar ix-xiri taż-żejt seħħ taħt Chairman tal-Enemalta li appunta hu.

 

Il-kritika fil-konfront ta’ Joseph Muscat hi li dam ħafna biex iċċaqlaq. U allura meta iċċaqlaq li messaġġ li ngħata kien li għamel dan mhux b’xi konvinzjoni li kellu jaġixxi b’dan il-mod imma minħabba l-pressjoni tal-opinjoni pubblika li saret iktar qawwija iktar ma għadda żmien.

B’hekk il-valur tal-pass il-quddiem li Ministru tneħħa f’dawn iċ-ċirkustanzi intilef minħabba d-dewmien li kien hemm.

Fi ftit kliem, dwar ir-responsabbilta’ politika, il-PN jipprietka biss, u meta kellu l-opportunita’ li jaġixxi m’għamel xejn. Imma fil-kaz ta’ Manwel Mallia il-Labour dam wisq biex iċċaqlaq.

L-inkjesta tikkundanna lill-politiċi Maltin

letter of resignation

 

Ngħid għalija kont sorpriż meta fir-rapport tal-inkjesta tat-tlett imħallfin sibt kundanna ċara tal-politiċi Maltin li jipprietkaw ir-responsabbilta’ politika meta jkunu fl-Opposizzjoni u jinsew kollox meta jkunu fil-Gvern.

Fil-fatt fil-paġna 11 tar-rapport tal-inkjesta jingħad hekk:

“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali għall-operat ta’ persuni li Ministru jkun għażel  u ħatar biex jaqdu funzjonijiet pubbliċi. Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena  huma jkunu fil-Gvern.

Intqal li l-kultura tar-risenja, sfortunatament ftit li xejn qabdet għeruq f’pajjiżna. Wieħed isaqsi jekk waħda mir-raġunijiet għal dan toħrogx mill-fatt li ċerti għażliet u nomini – minn xufier ta’ Ministru sal-għola karigi fil-pajjiż – mhux dejjem isiru skond il-mertu, ħila u kwalitajiet intrinsiċi ta’ dak li jkun, iżda inveċe sikwit isiru fuq il-bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbiberija u konsiderazzjonijiet oħra mhux xierqa bħal dawn. Meta jiġri hekk, huwa ferm faċli, li persuni hekk magħżula, li ma jkollomx il-kwalitajiet kollha neċessarji biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiżolqu fin-niexef. Ta’ spiss żelqiet bħal dawn ma jinkixfux, u kollox jibqa’ għaddej daqs li kieku ma sar xejn, iżda s’intendi bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu. Jekk inveċe n-nuqqas li jkun isir magħruf, il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha. Minflok dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara u jekk si tratta ta’ rejat kriminali, minnufijh jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.”

 

Għalija din hi l-konklużjoni ewlenija tar-rapport tal-inkjesta. Kundanna lis-sistema politika Maltija li kontinwament taħrab milli terfa’ r-responsabbilta’ politika. Hi konferma tal-posizzjoni li ħadet Alternattiva Demokratika li kien l-unika partit li insista li għandna inmorru lil hinn mill-cover-up li allegat l-Opposizzjoni.

Ir-rapport tal-inkjesta qed titlob lill-poltiċi Maltin biex jifhmu li kull wieħed minnhom għandu jġorr ir-responsabbiltajiet politiċi għad-deiżjonijiet tiegħu.  Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista naqas milli jagħmel dan tul is-snin.

Dan kollu tikkonkludi l-inkjesta, sar u qiegħed isir “bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu”.

Tajjeb li Joseph Muscat u Simon Busuttil jibdew it-tindifa meħtieġa.

 

Ir-rapport sħih tal-inkjesta tista’ taqraħ hawn.

 

 

Min hu l-Prim Ministru ta’ Malta?

question mark

Ir-rapport tal-inkjesta għadu m’huwiex pubbliku. Eventwalment ikunu nistghu nitkellmu aħjar dwaru.

Imma l-konklużjonijiet li wasal għalihom il-Prim Ministru Joseph Muscat huma ċari: r-responsabbilta’ ewlenija spiċċat fuq l-Aġent Kummissarju. Imma Manwel Mallia ma setgħax jeħlisha u intalab huwa ukoll biex jirriżenja. Probabbilment jirriżenja għada matul il-jum.

Il-Prim Ministru seta wasal għal dawn il-konlużjonijiet nhar il-Ħamis 20 ta’ Novembru 2014, l-għada tal-inċident. Mhux biss għaddew 18-il ġurnata. Fuq kollox saret ħsara kbira lill-Korp tal-Pulizija li naqqas ħafna mill-kredibilita’ tiegħu u mill-istima li għandu jkollu.

Dan kollu seħħ għax Joseph Muscat ma kienx kapaċi jaġixxi ta’ leader. Verament hi flokha l-mistoqsija li staqsew uħud: min hu l-Prim Ministru ta’ Malta?

Dawn huma l-ewwel reazzjonijiet tiegħi. Hemm ħafna iktar x’jingħad.

Għada Alternattiva Demokratika tindirizza konferenza stampa dwar is-suġġett.

 

Ir-Responsabbilta Politika dwar is-Sigurta’ Nazzjonali

Home Affairs & National Security

 

Fil-kaz tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Mallia, s’issa ġew ippubblikati sitt telefonati li għaddew mill-Control Room tal-Pulizija. Jinvolvu prinċipalment lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Mhux l-iskop tiegħi li nikkritika lill-mezzi ġurnalistiċi li ippubblikawhom għax dawn it-telefonati jservu biex jitfgħu dawl fuq dak kollu li ġara. Mingħajr dawn it-telefonati ħafna minn dak li ntqal kien possibilment jibqa’ mistur bejn l-erba’ ħitan tad-Depot inkella fil-files tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta li hu mistenni aħbarha fis-siegħat li ġejjin.

Imma l-pubblikazzjoni ta’ dawn it-telefonati twassal ukoll għal problema oħra ta’ serjeta’ kbira.

Is-Sigurta’ tal-Istat Malti qegħda f’idejn id-dilettanti biex hemm kważi aċċess liberu għat-telefonati tal-Kummissarju tal-Pulizija. Għax bħalma kellhom aċċess il-ġurnalisti jista’ xi ħadd jagħti garanzija li ma kellhomx aċċess ukoll il-kriminali  jew sorsi ta’ spjunaġġ ta’ pajjizi barranin? Din hi issue serja oħra li dwarha l-Ministru Manwel Mallia għandu jerfa’ r-responsabbilta’ politika.

 

L-isparatura : il-PN jagħti informazzjoni bis-sulluzzu

Police HQ Malta

Tard il-bieraħ fil-għaxija is-sit elettroniku tal-PN ippubblika l-audio ta’ żewġ telefonati oħra li fihom ix-xufier tal-Ministru Mallia iċempel lill-Control Room tal-Pulizija fid-Depot tal-Furjana.

L-informazzjoni mill-PN ġejja bis-sulluzzu. Qatra qatra. Bil-biċċiet. Fl-aħħar ftit ħin siegħat qabel ma jkun konkluż ir-rapport tal-inkjesta.

Fl-ewwel telefonata jinstemgħu tiri ta’ revolver li qed jingħad li huma it-tiri sparati mix-xufier ta’ Mallia fuq dak li ġie deskritt bħala l-Iskoċċiż. Fit-tieni telefonata jinstema jgħid li ħarablu darbtejn!

Fit-tieni telefonata jinstema’ jhedded lix-xufier l-ieħor waqt li fl-ewwel telefonata x-xufier jgħid li kellu lill-Ministru miegħu. Informazzjoni li tikkuntrasta ma dak li kien magħruf s’issa.

Għax s’issa l-informazzjoni kienet illi l-Ministru Mallia kien fid-depot tal-Pulizija l-Furjana waqt il-ħin tal-isparatura.

X’taħwid. X’ġara eżattament?

l-ewwel telefonata

it-tieni telefonata

L-isparatura fi Triq il-Wied tal-Kappara: lil hinn mill-cover-up

cock fighting

 

L-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2014 fil-għaxija fi Triq il-Wied tal-Kappara l-Gżira issa ilha sbatax-il ġurnata li seħħet. Kull jum li jgħaddi joħorġu ftit iktar dettalji dwar dak li ġara u min għamlu.

L-aħħar biċċa aħbar hi dwar it-telefonati : min tkellem, ma min u meta. S’issa li qed nikteb it-telefonati għadna ma smajnihomx, ħlief waħda ippubblikata dal-għodu. Nafu biss dak li qalulna tan-NET TV dwar dak li suppost fihom. Ħadd s’issa (ħlief forsi Joe Mikallef tan-NET TV) għadu ma jaf jekk dan hux kollox.  Jew jekk hemmx iktar.

Dawn huma kollha dettalji importanti. Imma jibqgħu dettalji. Id-dettalji li qed jiffukaw fuqhom il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.

Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista, it-tnejn li huma, ħadu l-posizzjoni politika li l-politiku li qed jokkupa uffiċċju politiku (holder of political office) għandu jerfa’ r-responsabbilita politika tiegħu billi jirreżenja jekk għamel xi ħaġa li m’għandux jagħmel,  inkella jekk naqas milli jagħmel dak li kellu jagħmel. Għalhekk il-PN ilu mill-bidu nett jemfasizza li f’dan il-każ sar cover-up. Għalhekk ukoll il-Partit Laburista fil-Gvern qed jiġġieled kontra dan l-argument u fetah inkjesta biex jiġi stabilit eżattament x’ġara. Bħal dak li qallu li mhux kulħadd jaf ! Kulħadd, jiġifieri, minbarra l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Pulizija.

Il-Partit Nazzjonalista jidhirlu li l-cover-up hu ovvju. Il-Gvern qed jittama li bit-tidwir tal-legaliżmi tal-inkjesta dak li hu ċar jiġi mċajpar.

Huwa interessanti li la l-Partit Nazzjonalista u l-anqas il-Partit Laburista fil-Gvern ma tkellmu dwar ir-responabbilta’ politika li għandu l-politiku f’ħatra politiku għal dawk ta’ madwaru: dawk ta’ fiduċja (f’position of trust) kif ukoll dawk fid-Dipartimenti/Awtoritajiet li għalihom ikun responsabbli.

Huwa ovvju għalfejn kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista qagħdu lura minn dan. Li ma qagħdux lura kieku ilna 17-il ġurnata b’Ministru tal-Intern ġdid. Li ma qagħdux lura l-Partit Nazzjonalista kien jeħtieġlu jispjega għalfejn ma kellniex riżenji fis-snin li għaddew.

Dan kollu huwa l-konsegwenza diretta ta’ sistema politika dominata minn żewġ partiti. Fejn l-interessi tagħhom jiġu qabel l-interessi tat-tmexxija tajba tal-pajjiż.

 

Mażra m’għonq il-Gvern

Mallia + Scerri

Wara li l-bieraħ fil-għaxija NET News żvela informazzjoni dwar x’intqal f’telefonati diversi in konnessjoni mal-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia is-skiet tal-Ministru, ta’ Joseph il-goalkeeper u tal-kuġin tal-Ministru, l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija jtarrax.

Kienu jafu x’inhu jiġri kważi mill-ewwel u allura r-responsabbilta’ ta’ kull wieħed minnhom hi ħafna ikbar milli kien magħruf s’issa. Issa huwa iktar ċar li d-difiża ta’ Manwel Mallia mill-Prim Ministru ma tagħmilx sens.

Manwel Mallia sar mażra m’għonq il-Gvern.

Il-ħsara m’hiex qed issir lil Manwel Mallia biss, imma lil Joseph Muscat u lill-Kabinett tiegħu li issa huma kollettivament responsabbli għal dak li qed jiġri.  Forsi għalhekk bħalissa qed jiltaqa’ l-Kabinett.

Il-goalkeeper ta’ Manwel Mallia

Joseph il-goalkeeper

 

Nhar il-Ħadd, Varist Bartolo ma tkellimx biss fuq l-operazzjonijiet “tat-€30”. Tkellem ukoll li mhux xieraq li uħud iġiegħlu lil Joseph jagħmilha tal-goalkeeper, meta għandhom bżonnu bħala centre forward.

Kif nafu l-attenzjoni tal-medja kien fuq l-operazzjonijiet “tat-€30” li sfortunatment difnet il-messaġġ ħafna iktar qawwi tal-goalkeeper.

Il-messaġġ dwar Joseph, li  qed ikun imġiegħel jilgħab ta’ goalkeeper, hu wieħed ċar ħafna fil-kuntest ta’ x’inhu għaddej bħalissa fil-pajjiż: il-każ tax-xufier ta’ Manwel Mallia.

Il-każ għadu qed jiżviluppa u xejn ma neskludi li joħorġu affarijiet li s’issa għadna ma nafu xejn dwarhom.

Il-Ministru Mallia kellu żewġ toroq quddiemu. Jew jerfa’ r-responsabbilta’ politika għal dak li ġara inkella jitfa’ r-responsabbilta’ politika fuq sħabu fil-Kabinett.

Manwel Mallia għażel it-tieni triq. Ir-responsabbilta’ ma refagħhiex hu. Minflok qed iġiegħel lill-Kabinett kollu jerfagħħa floku.

L-ebda Gvern ma jieħu pjaċir jagħmilha ta’ goalkeeper għal Ministru li daħal jew daħħluħ fl-inkwiet, irrispettivament minn jekk għandux tort jew le.

Manwel Mallia seta għażel it-triq tal-irġulija. Minflok qed jippretendi li r-responsabbiltajiet tiegħu iġorruhom sħabu, li ttrasformhom kollha f’goalkeepers.

L-anqas rispett lejn sħabu fil-Kabinett m’għandu: irid jitfa’ fuqhom il-piżijiet tal-Ministeru tiegħu.

Kieku Manwel Mallia irriżenja mill-ewwel kien ikun għamel pass tajjeb, pass ta’ irġulija . Issa, jekk jirriżenja ikun pass ta’ mistħija.