Simon qed joħlom, jew ………

Simon Busuttil + Anglu Farrugia

 

Il-każ tad-diesel tal-Kap tal-Opposizzjoni tfaċċa f’daqqa. Il-pubbliku ma kien jaf xejn bil-każ qabel il-bieraħ. Jidher li l-amministrazzjoni tal-Parlament innutat dak li dehrilha li kienu diskrepanzi bejn id-diesel ikkunsmat u l-użu effettiv tal-karozza mħallsa minn fondi pubbliċi li jagħmel użu minnha l-Kap tal-Opposizzjoni. Milli qed jintqal intalbet spjegazzjoni imma mid-dehra din l-ispjegazzjoni ma kienitx ta’ sodisfazzjon. Għalhekk infetħet inkjesta bil-maġistrat.

Mingħajr ma tkun taf il-fatti sewwa diffiċli biex tgħid jekk kienx meħtieġ jew le li tinfetaħ inkjesta bil-maġistrat.

Il-Kap tal-Opposizzjoni qed jgħid li hu għadu ma fehemx x’inhu jiġi allegat għax safejn jaf hu ma hemm xejn irregolari. L-infieq massimu stabilit għad-diesel ma nqabiżx. Skond il-Kap tal-Opposizzjoni, il-konsum tad-diesel m’huwiex wieħed eċċessiv, anke meta dan tqabblu ma karozzi oħra.

Huwa inkwetanti ħafna imma dak li qal il-Kap tal-Opposizzjoni li l-inkjesta dwaru hi xi forma ta’ vendetta għal dak li ġara matul dawn l-aħħar ġranet fil-Parlament. Simon Busuttil hu rappurtat li qal li hi ko-inċidenza stramba li l-inkjesta dwar il-konsum tad-diesel tħabbret l-għada li l-opposizzjoni ppubblikat dokument dwar it-tmexxija tajba (good governance) u ġimgħa wara li huwa ikkontesta ruling tal-Ispeaker (fil-kaz Joe Debono Grech/Marlene Farrugia).

X’ġara eżattament għad irid ikun stabilit għax dan s’issa m’huwiex magħruf ħlief (forsi) minn dawk direttament involuti. Hemm żewġ affarijiet serji involuti li jeħtieġ li jkunu ċċarati malajr kemm jista’ jkun: il-frodi allegati u agħar minn hekk l-allegazzjoni ta’ tpattija.

Minn dak li ntqal, hu possibli, li, fl-aħħar, wara kollox tinstab spjegazzjoni li tiġġustifika l-konsum tad-diesel imma dwar l-allegazzjoni ta’ vendetta għandna għaliex inkunu inkwetati ħafna. Għax jew Simon Busuttil qed joħlom inkella hemm problema serja ħafna fit-tmexxija tal-Parlament.

Wara d-dibattitu jibqa’ ċ-ċpar

fog-09

Fil-waqt li hu tajjeb li d-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Kap tal-Opposizzjoni dwar ir-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia sar mill-ewwel, sfortunatment  ma solva xejn.

Il-Gvern, m’għandix dubju, fehem li kien meħtieġ rimedju immedjat biex b’xi mod jittaffa l-messaġġ negattiv tar-ruling tal-Ispeaker fuq il-kaz Marlene Farrugia/Joe Debono Grech. Għalhekk l-apoloġija bil-miktub minn Joe Debono Grech. Apoloġija li giet 5 ijiem tard.

Id-diskorsi li saru ma tantx kienu ta’ għajnuna biex jasal messaġġ ċar. L-argument ta’ “aħjar tara x’għamilt int” , ma jikkonvinċi lil ħadd illum il-ġurnata. L-anqas it-tidwir mal-lewża, f’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jgħin.

Spiċċajna b’dibatttu bi Gvern jipprova jnaqqas l-impatti negattivi fil-media u l-opinjoni pubblika u Kap tal-Opposizzjoni jipprova jagħsar kemm jiflaħ is-sitwazzjoni għal kull vantaġġ politiku possibli.

It-tagħlima hi waħda għal kulħadd. Tippruvax tiġġustifika l-iżbalji tiegħek (jew tan-naħa tiegħek) billi tkabbar l-iżbalji ta’ ħaddieħor. Kif ukoll, fejn hemm il-problemi, ipprova solvihom, mhux tkabbarhom biex tidher sabiħ int!

Messaġġ żbaljat tal-Ispeaker Anġlu Farrugia

Speaker Anglu Farrugia

Ir-ruling iktar kmieni llum mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-battibekk bejn Marlene Farrugia u Joe Debono-Grech fil-Parlament iwassal messaġġ żbaljat.

Il-battibekki fil-Parlament m’humiex xi ħaġa rari. Pero b’daqshekk ma jfissirx li jsiru la aċċettabbli u l-anqas ta’ min jittollerhom.

Marlene Farrugia għandha raġun tħossha offiża mhux daqstant bl-insulti tas-soltu, li wieġbet spirtu pront, imma li l-kliem indirzzat lejha minn Joe Debono Grech “niġi għalik u nifqgħek” ma ġiex mogħti l-importanza li kien jixraqlu.

Il-kliem użat iwassal messaġġ ta’ vjolenza fiżika. L-istess kliem indirizzat lejn diversi nisa imsawwta li jispiċċaw vittma darbtejn: l-ewwel għax jiġu imsawta u wara għax jispiċċaw jingħataw it-tort.

Huwa f’dan is-sens li naħseb li r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia huwa żbaljat: Marlene Farrugia sfat vittma darbtejn: bl-insult/theddida ta’ Debono Grech u bir-ruling tal-Ispeaker  li sfortunatament ma għarafx il-gravità tas-sitwazzjoni.

Il-messagg li wasal hu wieħed ħażin ħafna: li n-nisa li jissawtu hu tort tagħhom.

Għamlet tajjeb Marlene li insistiet li titkellem u għamlet preċiżament dan l-argument.