Il-ħatra ta’ Joseph Cuschieri bħala ambaxxatur għall-Greċja

Joseph Cuschieri

It-Times online tal-bieraħ ħabbret li hu imminenti li l-Gvern iħabbar il-ħatra tas-Sur Joseph Cuschieri bħala ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja.

Kull Gvern jagħmel ħatriet bħal dawn. Uħud minn dawn il-ħatriet ikunu ta’ benefiċċju għall-pajjiż. L-oħrajn ikunu ta’ benefiċċju biss għall-partit fil-Gvern.

Wasal iż-żmien li l-ambaxxaturi li jkunu ser jinħatru ikunu mgħarbla fil-pubbliku mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Malti. Bl-istess mod li jimxi s-Senat Amerikan qabel ma jiddeċiedi jekk jikkonfermax jew le l-ħatriet ta’ ambaxxaturi mill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Advertisements

Is-siġġu ta’ Joseph Cuschieri u George Papandreou

Joseph Cuschieri bir-raġun kollu jrid is-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew. Wara kollox għandu dritt għalih mhux biss għax ivvutawlu n-nies, iżda fuq kollox għax hu kien li ċeda postu lil Dottor Joseph Muscat fil-Parlament Malti.

Għamel tajjeb Joseph Cuschieri meta qal li l-Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi għandu jinsisti mal-Prim Ministru tal-Greċja George Papandreou biex il-Greċja ma tibqax tkaxkar saqajha u tapprova l-protokol li permezz tiegħu jkun possibli illi huwa (Cuschieri) jieħu postu fi Brussels.

 Veru li Cuschieri żgarra waħda kbira meta qal li Malta għandha (sakemm il-Greċja tapprova s-siggu tiegħu) timblokka l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-Greċja biex din tkun tista’ tirpilja mill-kriżi finanzjarja li tinsab fiha frott il-korruzzjoni u t-tmexxija ħażina tul is-snin. Imma dak għamlu għax il-boy għadu ma jafx l-affarijiet sew miskin. Għadu qed jimmatura. U ngħiduha kif inhi, fil-Parlament Malti ma tantx kellu opportunitajiet biex jiftah ftit moħħu.  

Imma ngħid jiena George Papandreou imbarra Prim Ministru tal-Greċja mhux ukoll Mexxej tal-Partit Soċjalista Grieg?  U dawn mhux aħwa tas-Soċjalisti Maltin li illum isejħu ruħhom laburisti?

Ngħid jien ma jkunx għaqli li s-Sur Cuschieri jgħid lill-Kap tal-Partit Soċjalista Malti Dottor JosephMuscat biex jaqbad it-telefon u jkellem ftit lill-Kap tal-Partit Soċjalista Grieg  u jgħidlu biex jiċċaqlaq ftit? Jew forsi diġa ċempillu u injoraħ?

Forsi Joseph Cuschieri jgħidilna ftit, għax wara kollox huwa Dottor Joseph Muscat li l-iktar għandu jgħinu mhux hekk ?