L-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne taħt il-lenti

Fiċ-ċirkustanzi kif qed jiżviluppaw, ħadd ma jista’ jagħti tort lill-familja Caruana Galizia li jkollha dubji serji dwar il-proċess kollu tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-investigazzjoni bdiet fuq sieq ħażin mill-ewwel, meta tfaċċat il-Bidnija l-Maġistrat Consuelo Scerri-Herrera. Il-Maġistrat damet ħin twil iddur mal-lewża sakemm iddeċidiet li tastjeni u titlob li jinħatar Maġistrat ieħor. Biex tagħqad sakemm iddeċidiet ordnat numru ta’ familjari ta’ Daphne Caruana Galizia biex ikunu l-Qorti propju fl-ewwel siegħat tal-investigazzjoni, kważi immedjatament kif inqatlet.

Bla dubju l-Maġistrat Scerri-Herrera ittratta ħażin ħafna lill-familja ta’ Daphne.

Imbagħad sirna nafu li l-investigazzjoni kienet taħt id-direzzjoni tad-Deputat Kummissarju (tal-Pulizija) Silvio Valletta li hu miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Xahar ilu ktibt li kien ikun għaqli kieku l-investigazzjoni qed imexxiha fizzjal ieħor tal-Pulizija. Dan minħabba d-dellijiet politiċi li bil-fors iġorr miegħu d-Deputat Kummissarju. Tajjeb li nfakkarkhom x’kienet irrappurtat il-gazzetta Illum meta Silvio Valletta kien qed jissemma’ għal Kummissarju tal-Pulizija:

“L-ILLUM tista’ tiżvela li fost il-persuni li ġew avviċinati biex jokkupaw il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Is-sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li minkejja li Valletta kien ikkunsidrat bħala kandidat mill-aktar idoneu għall-kariga, hu rrifjuta.
Għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma r-raġunijiet kollha għal dan ir-rifjut, dawk li tkellmu magħna qalu li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Valletta ma xtaqx li jokkupa l-ogħla kariga fil-korp kien minħabba l-kariga politika ta’ martu, Justyne Caruana. Nies li tkellmu ma’ Valletta qalu li l-Assistent Kummissarju jħoss li l-fatt li Caruana hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.”

Dan kollu seta jkun evitat, bi ftit ħsieb. Inutli noqgħdu nparlaw żejjed fil-konfront ta’ xulxin. Kieku l-affarijiet isiru sewwa, mill-ewwel, jkun tajjeb għal kulħadd.

Advertisements

Is-siġġijiet tal-PN fil-Parlament

PN seats

Għaddej ħafna paroli bħalissa dwar dawk iż-żewġ siġġijiet li l-Qorti ordnat lill-Kummissjoni Elettorali biex tagħti lill-PN.

L-istorja hi ħafna iktar ikkumplikata minn hekk.

Fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 il-Partit Laburista rebaħ 39 siġġu Parlamentari u l-PN rebaħ 26. Dwar tnejn mis-siġġijiet li rebaħ il-Partit Laburista kien hemm l-iżbalji. Qed nirreferi għas-siġġu Parlamentari li rebaħ Edward Scicluna fuq id-Distrett ta’ B’Kara (8) u għas-siġġu Parlamentari fuq id-Distrett ta’ Għawdex (13) li rebħet Justyne Caruana. Li kieku ma sarux l-iżbalji flokhom kienu jitilgħu Claudette Buttigieg u Fredrick Azzopardi.

X’għandu jiġri mela? Il-loġika tgħidlek li jekk il-Qorti ikkonfermat l-iżball il-Kummissjoni Elettorali għandha tkun ordnata tikkoreġi l-iżball.

Hemm mod wieħed kif jiġi ikkoreġut l-iżball. Dan isir billi ir-riżultat finali issirlu korrezzjoni. Fit-tmien Distrett flok Edward Sicicluna titla’ Claudette Buttigieg u fit-Tlettax-il Distrett flok Justyne Caruana jitla’ Fredrick Azzopardi. Dan ifisser ukoll li r-riżultat finali flok ma jaqra 39 siġġu għall-PL u 26 siġġu għall-PN jibda jaqra 37 siġġu għall-PL u 28 siġġu għall-PN.

Id-differenza ta’ siġġijiet bejn il-PN u l-PL ma tibqax 13 imma issa issir 9. Dan kollu jfisser li wieħed ikun irid jara mill-ġdid jekk ikunx hemm ħtieġa illi tkun applikata l-emenda Kostituzzjonali li tirrestawra l-proporzjonalita’ billi iżżid is-siġġijiet.

Il-helicopter għal Justyne

helicopter AFM

Justyne twasslet l-ajruport malajr bil-helicopter. Għax inkella ma kienitx tlaħħaq, qalulna, u dan minħabba li damu ma iddeċidew. Il-problema ma kienitx Justyne, iżda l-fatt li damu ma iddeċidew.

Il-każ tal-helicopter, kif qalulna, mhux biss ta’ Justyne iżda ukoll il-każ ta’ Lawrence Gonzi. Ta’ meta għamel użu mill-helicopter għal xi tieġ, għall-opra jew biex ilaħħaq jattendi għal xi funeral ukoll. Issemma ukoll meta Lawrence Gonzi għamel użu minn ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jattendi Palermo għal attivita tal-Partit Popolari Ewropew.

Issa dan kollu huwa tajjeb jew ħażin? Għall-PN Justyne abbużat! Għall-Labour il-PN m’għandux dritt jakkuża b’abbuż għax il-PN fil-Gvern “abbuża ħafna iktar minn hekk”!

Ir-realta’ hi li dan hu każ fejn għandu jkun ċar għal kulħadd liema huma dawk il-faċilitajiet u servizzi li joffri l-istat li jistgħu jkunu użati mill-politiċi kif ukoll taħt liema kundizzjonijiet dan jista’ jsir..

Jiena ma nara xejn ħażin li fiċ-ċirkustanzi partikolari li nqalgħu Justyne utilizzat il-faċilita’ tal-helicopter. Nittama biss li f’ċirkustanzi simili jintużaw l-istess kriterji ma kulħadd.

Jibqa’ l-każ ta’ Lawrence Gonzi. Kien ġustifikat jew le li juża ajrulan tal-Forzi Armati ta’ Malta biex imur Palermo jattendi laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew . Jiena kont dakinnhar ikkritikajt il-kaz billi fuq dan il-blog għidt li l-PN jisserva bl-Armata.

L-impenji ta’ Lawrence Gonzi, kienu qalulna dakinnhar, kienu tali li meta tqis kollox dan kien l-unika mod kif jasal għall-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew f’Palermo. Wieħed jista’ jasal biex jaċċetta dan it-tip ta’ argument biss meta jkun ċar li l-Armata mhux ser tintuża biex tissussidja lill-Partit Politiċi. F’ċirkustanzi bħal dawn, meta jkunu ġustifikati, għandu jintbagħat kont mill-Armata lill-partit politiku li jkun utilizza s-servizzi tagħha.

Dan ukoll hu wieħed mill-materji ta’ relevanza kbira għal Standards fil-ħajja pubblika.

Jekk nifhmu dan, il-helicopter għal Justyne ikun sewa għal xi ħaga!

Franco jgħid biss biċċa …………… aħjar jispjega l-vot tiegħu kontra l-mozzjoni 110

Fuq il-blog tiegħu Franco Debono biex iwieġeb dak li qalet Alternattiva Demokratika dwaru dalgħodu irriproduċa d-diskors li kien għamel fil-Parlament nhar is-6 ta’ Mejju 2012 fejn jitkellem dwar l-impatti tal-estensjoni tal-power station. Jgħid ukoll illi wara d-diskors tiegħu  Austin Gatt ma baqax resposnabbli għall-Enemalta!

Ma nafx kif wasal għal din il-konklużjoni. Imma apparti dan. Il-punt tiegħi hu li meta l-mozzjoni numru 110 tressqet għall-vot Franco Debono ivvota kontra. X’jiswa li tgħid ħafna kliem sabiħ jekk imbagħad dak li tagħmel ma jaqbilx ma dak li tgħid?

Nhar is-6 ta’ Mejju 2010 l-Parlament ivvota fuq il-mozzjoni numru 110 imressqa mill-Opposizzjoni. L-mozzjoni kienet fost oħrajn :

  1. Turi nuqqas ta’ qbil dwar il-mod kif mexa l-Gvern fl-estensjoni tal-Power Station,
  2. Tesprimi nuqqas ta’ qbil għall-għażliet teknici li saru li f’dan l-istadju warrbu l-gass, ekoloġikament superjuri u ekonomikament orħos għall-konsumaturi,
  3. Tikkundanna lil Austin Gatt li ħalla l-pjani jaqgħu lura b’mod li l-power station eżistenti m’hiex tlaħħaq mad-domanda,
  4. Tikkundanna t-tibdil fil-leġislazzjoni ambjentali li sar, għax b’hekk biss il-BWSC setgħet tirbaħ il-kuntratt,  l-iskart tossiku li ser ikun iġġenerat, it-tniġġiż iġġenerat mill-Heavy Fuel Oil

Nhar is-6 ta’ Mejju 2010 kienet dik is-seduta li fiha kien hemm taħwida fil-votazzjoni dwar kif fil-fatt ivvutaw Mario Galea u Justyne Caruana. Wara t-taħwida l-Ispeaker iddeċieda li l-Parlament jerġa’ jivvota ħalli jkunu iċċarati l-affarijiet. L-Opposizzjoni dehrilha li dan kien logħob bir-regoli tal-Parlament u ħin minnhom ħarġet il-barra.  Meta l-Ispeaker sejjaħ il-vot mill-ġdid l-Opposizzjoni bi protesta ma ivvutatx.

Il-minuti tal-Parlament  fil-fatt jgħidu hekk :

“ Il-Membri qablu li din il-votazzjoni tittieħed dak il-ħin stess.

Il-Kamra ivvotat hekk:

VOTAZZJONI NRU.  88                                ĦIN: 1.21 am

ĦADD FAVUR

 

KONTRA :  35

L-Onor.

 

Agius David Galea Mario
Agius Francis Gatt Austin
Arrigo Robert Gonzi Lawrence
Azzopardi Frederick Gonzi Michael
Azzopardi Jason Gouder Karl
Bonnici Charlo’ Micallef Peter
Borg Tonio Mifsud Philip
Cassar Joseph Mifsud Bonnici Carmelo
Cristina Dolores Mugliett Jesmond
de Marco Mario Puli Clyde
Debono Franco Pullicino George
Debono Giovanna Pullicino Orlando Jeffrey
Deguara Louis Said Chris
Falzon Joseph Spiteri Stephen
Farrugia Jean Pierre Vassallo Edwin
Fenech Tonio Zammit Ninu
Fenech Adami Beppe Zammit Dimech Francis
Galea Censu

Il-mozzjoni m’għaddietx.”

 

Hu veru li dak li qed jgħid Franco Debono issa jaqbel ma dak li qal nhar is-6 ta’ Mejju 2010. Imma jibqa’ l-misteru li dakinnhar ivvota kontra. Li jfisser li qal mod u aġixxa mod ieħor.

Naħseb li ħaqqna spjegazzjoni!

Għax mhux biżżejjed li jingħad kliem li jdoqq għall-widna. Fl-aħħar il-vot irid jirrifletti dak li jkun intqal.

Is-7 ta’ Ġunju : biex insarfu r-rieda popolari

Illum is-7 ta’ Ġunju infakkru ġrajja meta l-poplu Malti qam. Għolla rasu u l-irvell li irriżulta wassal għal l-ewwel Parlament Malti.

L-Ispeaker Michael Frendo din is-sena għamel diskors meqjus dwar il-ħtieġa li l-Parlament jiffunzjona dejjem aħjar.  Michael, kif ilni nafu għal iktar minn 50 sena, ħa bosta inizzjattivi kemm ilu Speaker. Bħala riżultat tagħhom il-Parlament mexa aħjar. Kien hemm xi okkazjonijiet fejn iffaċċa diffikultajiet bħal meta kien hemm min sema’ lil Justyn Caruana d-Deputata Għawdxija tivvota mod u mhux ieħor. Inċident li wassal biex ġie mwaqqaf il-proċess tal-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kien qed jiddiskuti bosta materji ta’ importanza. Materji li ilhom jiġu diskussi imma jidher li qajla hemm rieda li jiċċaqalqu. Għalhekk, naħseb jien, ma l-iċken opportunita ikun hemm min iħoss l-utilita’ li jwaqqaf il-proċess.

Is-7 ta’ Ġunju 1919 wassal lil missierietna biex fl-1921 eleġġew l-ewwel Parlament Malti. Kien Parlament b’ħafna kuluri:  4  partiti fl-Assemblea Leġislattiva u 3 minnhom fis-Senat.

Iż-żminijiet inbidlu u l-Partiti tal-lum li qegħdin fil-Parlament għad għandhom ħeġġa kbira għar-rappresentanza  proporzjonali, imma din il-ħeġġa qegħda hemm biss sakemm teffettwa lilhom. Għalhekk bagħbsu l-Kostituzzjoni diversi drabi biex jassiguraw li bejniethom jaqsmu. Imma qagħdu attenti li jieqfu hemm.

Infakkar għal darba oħra li Alternattiva Demokratika ippreżentat proposta quddiem il-Kumitat Magħżul tal-Kamra biex dak li ġie mbagħbas fil-Kostituzzjoni mill-PN u l-PL flimkien, jissewwa’ . Biex ir-rappresentanza proporzjonali tkun tapplika għal kulħadd. Mhux għalihom biss.

F’Malta għandna sistema elettorali li f’Marzu 2008 ippremjat lill-PN b’siġġu parlamentari extra għall-1580 vot li l-PN kellu iktar mill-PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Imma l-istess sistema elettorali tagħmilha possibli li t-3810 vot li ġiebet Alternattiva Demokratika ma jkunux rappreżentati.

Dan il-PN u l-PL ma jridux jibdluh.

Il-proporzjonalita’ m’għandhiex tibqa’ privileġġ tal-PN u l-PL iżda strument biex tissarraf ir-rieda popolari.

Fuq dan il-blog tista’ tara ukoll is-segwenti :

17/09/2008 : Electoral reform

21/06/2010 :  AD protests in Court on discriminatory electoral legislation

23/06/2010 : AD discusses electoral reform with Speaker Michael Frendo