Ħerba mill-ballut ta’ Ħal-Lija

Is-siġar tal-ballut f’Ħal-Lija dejquhom! Għamlu ħerba biex iwessgħu t-triq, biex jagħmlu l-wisa’ għal iktar karozzi. Bħal dak li qalu li m’hawnx biżżejjed minnhom! Għamlu ħerba għal xejn.

Kif jispjega l-ambjentalist veteran Alfred Baldacchino, kien hemm soluzzjonijiet oħra jekk riedu li bil-fors iwessgħu t-triq. Setgħu faċilment salvaw dawn is-siġar, kieku riedu. Uħud minn dawn is-siġar, probabbilment kellhom iktar minn 100 sena.

Sadanittant, l-Awtoritá dwar l-Ambjent u r-Riżorsi tibqa’ ċassa.

Min tafu, ssaqsix għalih

Malta Parliament

 

Marlene Farrugia m’hiex l-ewwel membru parlamentari li ma baqgħetx tappoġġa lill-partit li ġiet eletta miegħu u f’ismu.

Kellna diversi membri parlamentari oħra, li, fil-passat għamlu l-istess għal diversi raġunijiet.  Ħa nsemmi żewġ eżempji.

Kurunat Attard (missier Ġovanna Debono) fl-1962 kien wieħed mill-4 membri parlamentari li eleġġa l-Partit  Demokratiku Nazzjonalista ta’ Herbert Ganado. Fl-ewwel seduta tal-parlament wara l-elezzjoni ġenerali tal-1962,  irriżenja mill-partit ta’ Ganado u issieħeb mal-Partit Nazzjonalista. Bis-siġġu tiegħu, il-PN, dakinnhar fil-Gvern, kellu maġġoranza parlamentari ta’ 26 minn 50. Mingħajru ma kellux. Is-siġġu ta’ Kurunat Attard, il-Partit Nazzjonalista dakinnhar żammu.

Alfred Baldacchino kien daħal fil-Parlament mal-Partit Nazzjonalista fl-1973 b’bye-election wara l-mewt ta’ Tommy Caruana Demajo. Ftit wara, qasam il-Kamra. Il-Partit Laburista fil-Gvern, dakinnhar kellu bżonn il-vot tiegħu għax mingħajru ma kienx hemm is-saħħa numerika biex tkun emendata l-Kostituzzjoni fl-1974. Is-siġġu ta’ Alfred Baldacchino, dakinnhar,  il-Partit Laburista żammu ukoll.

Dan apparti l-kaz ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, li hu wieħed riċenti.

Marlene Farrugia, li qalet li ser tibqa’ indipendenti, rriżenjat minħabba l-posizzjoni li qed jieħu l-Partit Laburista dwar l-ambjent.

Sadanittant, il-PN, bid-dmugħ tal-kukkudrilli, qiegħed jipprova jikkonvinċi li hu biss jista’ jsalva lill-Malta mill-qerda ambjentali.  Kull min hu moħħu f’postu jaf li tal-PN qed jippruvaw jgħaddu n-nies biż-żmien, għax fis-siegħa tal-prova l-PN fil-Gvern mexa mod ieħor.

Nafu li Marlene, fuq punt ta’ prinċipju ivvutat favur l-emendi tal-Opposizzjoni. Għamlet sewwa. Dwar xi ħsibijiet iktar għandha, ma nafx. L-anqas ma naf safejn hi lesta li tafda.

Jiena, da parti tiegħi, lil min nafu m’għandix għalfejn nistaqsi għalih.