Il-PN jilgħab bil-liġi tal-finanzjament

euros2

 

Il-PN għandu djun kbar. Jingħad li dawn ilaħħqu madwar it-€22 miljun euro. Kemm eżatt ma nafux għax s’issa m’hemmx l-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-accounts tal-partiti politiċi. Inkun nafu s-sena d-dieħla meta tkun bdiet taħdem il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.

Bħala riżultat ta’ titjib intern fl-amministrazzjoni tal-partit il-PN beda skema ta’ self li permezz tagħha jissillef mingħand in-nies ammont ta’ €10,000. Min jislef lill-PN jieħu 4% interessi, ferm iktar milli jagħtu l-banek, u l-PN min-naħa l-oħra jħallas ferm inqas milli jħallas f’interessi lill-bank kieku kellu jissellef minn hemm.

Skond il-liġi tal-finanzjament tal-partiti li approva l-Parlament fis-sajf li għadda ma hemm xejn irregolari f’dan kollu. Imma l-liġi (bħal dejjem) ma tipprovdix għal kull ma jista’ jinqala’.

Il-liġi ma tipprovdix biex skema bħal din ma tkunx tista’ tiġi użata kontra l-ħasil ta’ flus maħmuġin. Jiddependi biss mill-partiti infushom mingħajr kontrolli diretti mill-awtoritajiet biex ikun assigurat li dan mhux qiegħed isir.

Il-liġi l-anqas ma tipprovdi għall-ħarsien tal-flus ta’ min jislef flusu lill-partit. L-ebda awtorità pubblika m’għandha s-setgħa biex tara li l-assigurazzjonijiet li jagħti partit politiku li jissellef huma veritjieri u li allura li meta jagħlaq iż-żmien tas-self tieħu flusek lura. Trid toqgħod biss fuq l-assigurazzjonijiet li jagħtik il-partit.

Hemm imbagħad is-segretezza. Din m’hiex korretta għalkollox. Għax l-awdituri tal-Kummissjoni Elettorali jistgħu jagħmlu l-verifiki kollha li jidhrilhom meħtieġa. Ovvjament li mhux gravi daqskemm qed jgħidu imma ċertament mhux ta’ serħan il-moħħ biżżejjed kontra l-abbużi.

Il-PN b’din l-iskema ta’ self qed idur mal-liġi. Qed jobdi l-liġi fil-kelma imma mhux qed josserva l-ispirtu tagħha. Fi ftit kliem l-iskema ta’ self tal-PN tmur kontra r-regoli basiċi tal-etika politika. Hi skema maħduma minn avukati u accountants biex jgħattu x-xtur tal-politiċi.

Forsi hu l-mument li jingħalqu t-toqob permezz ta’ regolamenti ċari biex jinqata’ dan il-logħob.

 

ippubblikat ukoll fuq iNews illum l-Erbgħa 13 t’April 2016

Mill-Bank of Vassallo għaċ-ċedoli 2016

Bank of Vassallo

Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-Partit Nazzjonalista kien issellef kwart ta’ miljun euro mingħand Żaren Vassallo. Dakinnhar kien intqal li dak is-self kien ta’ natura kummerċjali. Ma kien ippubblikat xejn u allura xejn m’hu magħruf dwar dan is-self: la l-kundizzjonijiet u l-anqas jekk tħallasx lura, inkella jekk inħafirx.

Din hi informazzjoni li l-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu morali li jagħti.

Issa l-PN beda skema ta’ self imsejħa ċedoli 2016 li permezz tagħha numru ta’ persuni jsellfu €10,000 (r-ras) għal għaxar snin u ta’ dan jitħallsu imgħax ta’4% fis-sena.

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li għadda tirregola s-self li jagħmlu l-partiti politiċi b‘mod limitat. Dan tagħmlu billi jekk fost il-kundizzjonijiet tas-self ikun hemm kundizzjonijiet favorevoli, il-vantaġġi li jakkwista l-partit jitqiesu bħala donazzjoni, u  allura jkunu regolati skond ir-regoli tad-donazzjonijiet. L-ammonti ta’ interessi huma żgħar (€400 kull ċedola fis-sena) u l-vantaġġi minn kull ċedola li jistgħu jitqiesu bħala donazzjoni huma għaldaqstant ferm żgħar. Dan meta tqabblu mal-ammont ta’ €7,000 fis-sena li hu l-ammont li jekk jinqabeż bħala donazzjoni (minn persuna waħda f’sena) jkun meħtieġ li jkun dikjarat (anke l-isem tal-persuna li tagħmel id-donazzjoni tkun ippubblikata).

Il-mistoqsijiet li qed isiru huma diversi. Fosthom hemm mistoqsija dwar jekk il-lista tal-ismijiet ta’ dawk li ser isellfu lill-PN hiex ser tkun ippubblikata. Il-liġi li approva l-Parlament fl-2015 ma toħloqx dan l-obbligu. Imma huwa ċar li l-lista ma tistax tkun sigrieta. L-awdituri tal-PN ser jagħmlu l-verifiki tagħhom. Biex jagħmlu dawn il-verifiki jkun meħtieġ  li jeżaminaw id-dokumentazzjoni dwar iċ-ċedoli. L-istess jistgħu jagħmlu l-awdituri tal-Kummissjoni Elettorali li ukoll għandhom l-awtorità li jagħmlu l-verifika jekk ikun hemm ħtieġa għal dan.

Dan naħseb li mhux biżżejjed u jkun għaqli li l-liġi tkun emendata biex dawn it-tip ta’ skemi ta’ self ikunu trasparenti. B’żieda ma dan,  l-obbligu li l-flus jintraddu lura għandu jkun garantit, preferibilment b’insurance. Dejjem sakemm ma jkunux garantiti mill-Bank of Vassallo.