Iċ-ċavetta li tista’ tiftaħ il-bibien magħluqa ………………

Opening door with key

 

Mhux l-ewwel wieħed li ser nikkummenta li bir-riżultati elettorali ta’ tmiem il-ġimgħa kulħadd hu kuntent. Ovvjament din hi reazzjoni artifiċjali ħafna u għandha titqies biss bħala l-ewwel reazzjoni sakemm kulħadd ikollu ċ-ċans li jifli ftit ir-riżultati daqsxejn iktar fil-fond.

Iċ-ċifri uffiċjali, per eżempju jgħidu li Alternattiva Demokratika kisbet 1.10% tal-voti mitfugħa f’dan ir-rawnd ta’ elezzjonijiet lokali. Dawn iċ-ċifri huma korretti imma ma jagħtux l-istampa rejali. Dan minħabba li AD ikkontestat biss f’7 lokalitajiet minn 34. Il-lokalitajiet li fihom AD ikkontestat l-elezzjonijiet nhar il-11 t’April l-anqas ma huma għal kollox l-istess lokalitajiet li fihom AD ikkontestat fl-2012 u allura ftit li xejn tista’ tagħmel paraguni.

Fil-Qala, fin-Nadur u f’Ħal-Qormi AD kisbet numru żgħir ta’ voti li huma kumparabbli kemm ma dawk miksuba fl-elezzjoni ġenerali kif ukoll, fejn applikabbli, ma’ parteċipazzjoni f’elezzjonijiet oħra tal-Kunsilli Lokali fl-istess lokalitajiet. F’dawn il-lokalitajiet mela jkun ġust li wieħed jikkonkludi li AD baqgħet fl-istess ilma.

Imma mhux l-istess jista’ jingħad fil-lokalitajiet l-oħra. F’Ħ’Attard reġa’ ġie elett għal darba oħra s-Segretarju Ġenerali ta’ AD Ralph Cassar li fl-ewwel għadd kiseb 7.3% tal-voti mitfugħa.  Mhux biss reġa’ ġie elett imma kiseb ammont ta’ voti iktar mis-soltu, u, iktar importanti minn hekk, wiret biżżejjed voti mingħand kandidati oħra (PN, PL u Indipendenti) biex ġie elett f’lokalita fejn il-Partit Laburista naqqas il-presenza tiegħu billi tilef kunsillier. Issa dan il-fatt għandu l-importanza tiegħu prinċipalment għax ifisser li Alternattiva Demokratika qed tikkonsolida l-egħruq tagħha f’dik iż-żona ta’ Malta li hi iktar sensittiva minn żoni oħra għal materji ambjentali.

Argumenti simili jistgħu jingħadu għal-lokalita’ ta’ San Ġiljan fejn il-kandidat ġdid u żgħażugħ Gulio Caruana irdoppja l-voti (ġieb 5.4%) li kisbet il-kandidat ta’ AD fl-istess lokalita fl-2012. Żieda simili kellu Simon Galea fuq San Pawl il-Baħar fejn irid jingħad li kienu bil-voti tiegħu, meta ġie eliminat, li l-PN seta jirbaħ il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. L-istess kif kien ġara fil-Mosta fl-2012 bil-voti li dakinnhar kienu inkisbu minngħand Robert Callus.

Min-naħa l-oħra kienet esperjenza ġdida l-kandidatura taż-żgħazugħa Monique Agius fuq Ħaż-Żebbuġ li kisbet 3.1% tal-voti l-ewwel darba li kkontestat.

Dan kollu jrid ukoll ikun ikkunsidrat fl-isfond tad-49.6% miksuba mill-LE fir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan ir-referendum kien riżultat ta’ petizzjoni li bdiet Alternattiva Demokratika flimkien ma’ 13-il għaqda ambjentali fil-pajjiż. Fil-parti l-kbira tagħhom dawk li ivvutaw LE m’humiex votanti li soltu jivvutaw Alternattva Demokratika. Huwa ovvju li fil-parti l-kbira tagħhom is-soltu jivvutaw lill-partiti oħra. Ta’ l-inqas fil-konfront ta’ uħud, dan mhux bil-fors jibqa’ l-każ u dan in vista tal-kummenti diversi minn dawk li ma qablux mal-posizzjoni li ħadu l-partiti l-kbar.

Din hi storja li għad trid tiżviluppa matul it-tlett snin li ġejjin. Jekk tiżviluppax jew le f’ċaqlieq ta’ votanti min-naħa għall-oħra tal-ispettru politiku huwa kmieni biex jingħad imma l-ingredjenti biex dan iseħħ qegħdin hemm. Għandek persentaġġ għoli ta’ votanti li ma mxewx mad-direzzjoni indikata mill-mexxejja tal-partiti l-kbar. Għal uħud mhux importanti li kellhom opinjoni differenti mill-mexxejja. Imma għal oħrajn li ivvutaw LE fuq prinċipju tal-ħarsien tal-bijodiversita fir-rebbiegħa il-mistoqsijiet mhux imwieġba huma interminabbli. Huwa l-ewwel darba li l-partiti l-kbar kellhom l-opportunità li jagħmlu għażla ċara. Għamluha u issa ħadd ma għandu l-iskuża li ma jafx fejn hu.

Għax bla ma trid bil-fors tirrifletti u tistaqsi lilek innifsek : kif tista’ tieħu posizzjoni favur l-ambjent fir-referendum u mbagħad ma tagħtix l-istess piz lill-ambjent f’elezzjonijiet oħra?  Għal uħud mill-votanti ma hemm xejn ħażin li l-ambjent jingħata prijorita sekondarja, imma għal numru dejjem ikbar jidher li dan mhux il-każ.

Kemm hu kbir dan in-numru għad irridu naraw. Kliem l-ambjentalista Alan Deidun fis-Sunday Times ta’ nhar il-Ħadd li għadda huwa ċar:

“Effectively, the spineless stance taken by both PL and PN MP’s effectively meant that over 124,000 Maltese citizens were not represented by their elected parliamentarians, bar one. This is the boldest of statements about our political class…..the aspirations of such a large minority have only been voiced by a party – AD – which is not even represented in Parliament…..yet another quirk of democracy.”

Din hi l-isfida li Alternattiva Demokratika għandha quddiema bħala riżultat tal-votazzjoni tal-11 t’April. Hi opportunità unika li mhux ser tirrepeti ruħha fil-futur qarib. Il-futur ta’ Alternattiva Demokratika jiddependi fuq kemm ser tkun kapaċi matul ix-xhur li ġejjin taddatta ruħha biex issarraf din l-opportunità.

Bħala konsegwenza tar-riżultat tal-11 t’April diversi qed jinteressaw ruħhom iktar fil-ħidma ta’ Alternattiva Demokratika. Dan jawgura tajjeb għall-futur għax jagħti l-possibilità lill-Alternattiva Demokratika li torganizza ruħha aħjar, biex twassal b’mod iktar effettiv il-messaġġ tagħha li l-ħarsien tal-ambjent jiddetermina l-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna peró l-iktar ta’ dawk fil-periferija tas-soċjetà.

Ir-riżultat tal-votazzjonijiet tal-11 t’April fih iċ-ċavetta li biha jistgħu jinfetħu ħafna bibien li illum huma magħluqa.

Dejjem sakemm ma tilħaqx tinbidel is-serratura.

Advertisements

7 kandidati ta’ Alternattiva għall-Kunsilli Lokali

AD Local Council candidates 2015

Alternattiva Demokratika nhar is-Sibt li ġej ser tippreżenta

7 kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Ħ’Attard : Ralph Cassar

Ħaż-Żebbuġ : Monique Agius

San Ġiljan : Julio Caruana

Ħal-Qormi : Henrik Piski

San Pawl il-Baħar : Simon Galea

In-Nadur : Toni Falzon

Il-Qala : David Camilleri

Il-Manifest : SOĊJETÀ EKOLOĠIJA KONTABILITÀ

 

SOĊJETÀ – Il-Kunsilliera ta’ Alternattiva Demokratika jaħdmu favur aktar investiment fil-libreriji pubbliċi u koperazzjoni mal-iskejjel u l-għaqdiet tal-lokalità biex iħeġġu l-qari. Jaħdmu biex jipproteġu l-ispazji miftuħa, biex fit-toroq residenzjali n-nies jieħdu prijorità u jiżdiedu l-aċċessibilità u s-sigurtà fit-toroq. Jaħdmu biex jippromwovu spazji fit-toroq u faċilitajiet għal min jimxi, juża r-rota, anzjani, persui b’diżabilità u ġenituri bi tfal żgħar. Jaħdmu biex ikollna toroq li jaqdu lin-nies. Jaħdmu biex jiżdied is-sens ta’ komunità u flimkien mal-għaqdiet tal-lokal jiġu organizzati attivitajiet kulturali, edukattivi u sportivi. Il-kunsilliera ta’ AD jaħdmu biex isiru tabelli jew pubblikazzjonijiet b’informazzjoni dwar postijiet storiċi fil-lokalità u jippromwovu r-restawr u l-użu mill-ġdid tagħhom. Il-prinċipju li jiggwida lill-kunsilliera ta’ AD huwa l-ġid komuni tas-soċjetà u l-bini ta’ sens ta’ komunità.

 

EKOLOĠIJA – Is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiddependi mill-ambjent urban, għaldaqstant il-kunsilliera ta’ AD jaħdmu biex jitħawwlu aktar siġar indiġeni fit-toroq, art pubblika, u ġonna u fejn possibbli jsiru msaġar ġodda. Fejn possibbli jaħdmu biex jiżdiedu ż-żoni riżervati għan-nies permezz tal-pedestrijanizazzjoni, biex b’hekk ikollna arja aktar nadifa. Huwa fatt magħruf li s-siġar f’żoni urbani jgħinu biex tissaffa l-arja, jitnaqqas l-istorbju tat-traffiku u jnaqqsu l-effetti tas-sħana fis-sajf. Jiżdiedu l-bicycle racks madwar il-lokalità. Il-kunsilliera ta’ AD jaħdmu biex jiżdied ir-riċiklaġġ permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u insistenza fuq l-infurzar. Jaħdmu biex jinġabar materjal ieħor regolarment għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, pereżempju l-ħwejjeġ. Jaħdmu fuq il-kunċett tal-‘freecycling’. Jaħdmu biex fil-mixja lejn il-mira nazzjonali ta’ skart-zero fl-2050, isir pjan lokali dwar it-tnaqqis tal-iskart. Jaħdmu biex faċilitajiet u binjiet tal-Kunsill Lokali jużaw enerġija nadifa u mezzi ta’ konservazzjoni tal-ilma. Il-kunsilliera ta’ AD jagħmlu pressjoni biex ma jkomplix l-isfreġju tal-bliet u l-irħula tagħna u l-ftit kampanja li baqa’ u huma kontra kull estensjoni fiż-żoni tal-iżvilupp. Il-prinċipju li jiggwida l-kunsilliera ta’ AD huwa li ambjent nadif ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar u saħħa aħjar.

 

KONTABILITÀ – Il-kunsilliera ta’ AD jimpenjaw ruħhom li jkunu ċari u tondi mar-residenti u jgħidu l-affarijiet kif inhuma. Jinsistu fuq responsabbiltà finanzjarja, jigifieri li l-Kunsill Lokali ma jidħolx għal xogħol jew proġetti li mhux sostenibbli finanzjarjament, bħal per eżempju l-public-private partnership dwar it-toroq li spċċa biex falla numru ta’ kunsilli. Il-kunsilliera ta’ AD iżommu kuntatt mar-residenti permezz tal-media soċjali, kuntatt personali u jaħdmu biex iżommu lir-residenti infurmati b’dak li qiegħed jiġri fil-lokalità. Il-prinċipju li jiggwida lill-kunsilliera ta’ AD huwa li t-trasparenza u s-serjetà fil-finanzi isaħħu d-demokrazija.