Id-disgħa li huma kontra?

0-9

Ma kontx nistenna aħjar minn 8 minnhom.

Imma kont nistenna li l-Ministru Helena Dalli tkun taħsiba mod ieħor dwar il-Morning After Pill. Forsi mhiex l-aħħar kelma tagħha. Nittama, għax fil-Partit Laburista, hi waħda mill-ftit b’rashom fuq għonqhom.

Il-kampanja favur il-Morning After Pill għandha l-appoġġ ta’ Alternattiva Demokratika għax din tagħti kontroll iktar lill-mara Maltija fuq x’tagħmel b’ħajjitha. Hu kontroll li huwa meħtieġ li jkun f’idejn il-mara u f’idejn ħadd iktar.

Nifhem li hemm min ma jaqbilx u nirrispetta l-opinjoni ta’ dawn. Imma tajjeb li jkun emfasizzat li l-użu tal-Morning After Pill m’huwiex appoġġ għal abort. Għall-abort kimiku hemm pilloli oħra (differenti mill-Morning After Pill) li ħadd ma huwa qed jitkellem favur tagħhom.

L-introduzzjoni uffiċjali f’Malta tal-pillola kontraċettiva t’emerġenza [Morning After Pill] tista’ tgħin mara f’mumenti t’emerġenza, imma, kif qalu tant tajjeb Claire Azzopardi Lane u Anna Azzopardi fl-istqarrija li ħarġet Alternattiva Demokratika, din mhiex ser issolvi l-problemi moħbija ta’ natura psikosoċjali li jistgħu jkunu l-kawża ta’ tqala mhux mixtieqa jew mhux ippjanata.

L-introduzzjoni tal-pillola kontraċettiva t’emerġenza [Morning After Pill] għandha tkun parti minn strateġija fit-tul li jkollha fil-mira tagħha riforma mill-qiegħ tal-politika dwar is-saħħa sesswali tal-poplu Malti: kampanja li trid tibda minn edukazzjoni sesswali posittiva bbażata fuq ir-rispett reċiproku bejn il-mara u r-raġel.

Huwa ħażin, kif anke emfasizzaw Claire u Anna fl-istqarrija tal-bieraħ ta’ Alternattiva Demokratika, li ħafna drabi kwistjonijiet ta’ kontraċezzjoni u saħħa sesswali feminili jiġu mpenġija f’dawl negattiv. Għax din l-attitudni negattiva tista’ twaqqaf lin-nisa, b’mod partkolari lil dawk ta’ età żgħira, milli jfittxu l-għajnuna li jkollhom bżonn.

Hemm bżonn li nxammru l-kmiem biex nokkupaw l-ispazju li presentement huwa okkupat minn xi fundamentalisti li ħlief ħsara m’għamlux. Pajjiżna jixraqlu aħjar.

Transport Malta w t-tappini ta’ Triq il-Kosta

road studs Coast Roadkarozza fis-cycle lane

Fi Triq il-Kosta, Transport Malta waħħlet numru ta’ tappini bojod fil-passaġġ riżervat għar-roti (cycle lane). Dawn it-tappini (road studs) huma mwaħħla b’mod li jnaqqsu l-wisa’ effettiv tal-passaġġ riżervat għar-roti.

Dawn it-tappini twaħħlu mingħajr ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-għaqdiet taċ-ċiklisti. Dan in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ser iwassal għal periklu għaċ-ċiklisti.

Triq il-Kosta minn dejjem kienet waħda mit-toroq ewlenin għal min jipprattika ċ-ċikliżmu. It-tqegħid ta’ dawn it-tappini fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-passaġġ riżervat għar-roti qed joħloq periklu kbir għaċ-ċiklisti, anki għaliex ċekknu l-wisa’ tal-istess passaġġ.  Allura, meta jkun hemm xi ostaklu fil-passaġġ, iċ-ċiklisti mhux biss ikollhom isuqu fuq it-tappini biex jevitaw dan l-ostaklu iżda wkoll ikun iktar diffiċli u perikoluż għalihom li jaqbżu xi karozza li tkun wieqfa abbużivament fuq il-passaġġ riżervat ghar-roti.

Kif qalet Dr Claire Azzopardi-Lane, kelliema ta’ Alternattiva Demokratika għall-Isports, kieku Transport Malta riedet tħares liċ-ċiklisti, dawn it-tappini kienu jitpoġġew barra mil-linja li timmarka l-passaġġ rizervat għaċ-ċiklisti. B’hekk kienet tkun enfasizzata l-linja li s-sewwieqa tal-karozzi għandhom joqgħodu attenti li josservaw u allura jżommu d-distanza mill-passaġġ rizervat għaċ-ċiklisti.

Imma Transport Malta waħħlet it-tappini b’mod differenti bil-konsegwenza li flok ma tħares liċ-ċiklisti, qed tpoġġihom fil-periklu.