Ir-riżenja ta’ Arnold Cassola

Iktar kmieni, ghall-5.00pm illum, ircevejt ir-riżenja ta’ Arnold Cassola minn membru tal-Partit. Din hi rappurtata fuq il-media online u għalhekk għandi l-obbligu li nikkummenta fuqha.

Arnold qed jgħix illużjoni. Huwa żbaljat meta jgħid li hemm differenza bejnietna dwar l-abort. Id-differenza hi dwar xi ħaġa ferm iktar importanti: Arnold sabha diffiċli li jaċċetta li ninkuraġixxu diskussjoni pubblika dwar il-materja.

Il-posizzjoni tagħna f’Alternattiva Demokratika dwar l-abort għadha kif kienet, jigifieri kontra. Kulħadd hu urtat li, minn nhar il-Ġimgħa lil hawn, b’mod partikolari minn dakinnhar li Mina Tolu xandret il-veduti tagħha, Arnold Cassola għamel minn kollox biex jagħti x’tifhem u jinkoraġġixxi il-perception li l-affarijiet huma differenti minn hekk.

Hi ta’ sfortuna li Cassola ħa din l-attutudni: rifless ovvju ta’ biża’ kbira u tat-taboo li hawn madwarna dwar il-materja.

Huwa kontra dan it-taboo li qed niġġieldu: huwa b’iktar informazzjoni u diskussjoni biss li nistgħu nassiguraw ruħna li kull persuna tagħraf iżjed dak li qed jiġri madwarha u tkun kapaci tiddeċiedi dwaru.

Għax wara kollox, ngħidu x’ngħidu, l-abort qiegħed magħna u l-incidenza tal-Maltin li jirrikorru għalih hi kbira daqs dik f’kull pajjiz Ewropew.

Il-bidla fil-klima: mill-kliem għall-fatti

Fit-tmiem ta’ attivita’ dwar il-bidla fil-klima organizzata minn Alternattiva Demokratika Żgħażagħ (ADŻ), dalgħodu jiena u Mina Tolu (flimkien miegħi u ma Arnold kandidat għall-Parlament Ewropew) indirizzajt konfernza stampa dwar il-bidla fil-klima.
Tajjeb li Alternattiva Demokratika Żgħażagħ ħadet din l-inizjattiva għax hemm ħtieġa li insemmgħu leħinna anke dwar dan.

Il-bidla għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-heavy fuel oil għall-gass kien pass tajjeb. Il-gass iżda, jitqies bħala fjuwil ta’ tranżizzjoni għal enerġija rinnovabbli. Neħtieġu iktar energija mix-xemx u mir-riħ kif ukoll li naraw li jkun hemm użu tal-energija mill-mewġ li bħala gżira aħna mdawwrin bih is-sena kollha. L-applikazzjoni tat-teknoloġija li qegħda dejjem tiżviluppa twasslu għal tipi ta’ xogħol ġdid u sostenibbli u fl-istess ħin jikkontribwixxu lejn kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

It-trasport għadu problema kbira u jidher li l-problema se tkompli tikber minħabba żieda astronomika fin-numru ta’ karozzi fit-toroq Maltin u Għawdxin. Sfortunatament l-Gvern minflok jinvesti f’trasport sostenibbli u nadif qiegħed għaddej fuq programm qawwi ta’ xogħol infrastrutturali li qed iservi biex jinkoraġġixxi iktar użu tal-karozzi u per konsegwenza qiegħed iħassar il-progress li qed jinkiseb biż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku. Irridu investiment serju f’infrastruttura għar-roti u r-roti elettriċi, kif ukoll fl-użu ta’ mezzi alternattivi għat-trasport li jinkludu dawk bil-baħar.

Il-mina proposta għal bejn Malta u Ghawdex hi essenzjalment mina għall-karozzi u mhux mina għan-nies. Fil-fatt huwa stmat li fi żmien 15-il sena l-ammont ta’ movimenti ta’ karozzi bejn il-gżejjer ser jiżdied minn 3000 għal 9000 karozza kuljum. Servizz għan-nies ifisser servizzi ta’ fast-ferry minn Għawdex sal-qalba ta’ Malta. Il-mina tinkoragixxi l-uzu tal-karozzi għax il-ħlas li jinġabar minn dawk li ser jinvestu fil-mina ser jiddependi esklussivament fuq in-numru ta’ karozzi li jgħaddu mill-mina.

Huwa essenzjali li n-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna jonqos. Dan wara kollox hu ukoll wiehħed mill-iskopijiet ewlenin tal-istrateġija Nazzjonali tat-Trasport approvata mill-Gvern Malti fl-2015. Il-Gvern Malti ma jistax jibqa’ għaddej kif inhu. Bħalissa qed jagħti messaġġi konfliġġenti kontinwament.

Jekk irridu nindirizzaw il-bidla fil-klima bis-serjetà huwa essenzjali li nindirizzaw l-impatti ikkawżati mit-trasport. Żmien il-paroli għadda. Għandna ngħaddu mill-kliem għal fatti.