James Debono u s-suf t’għajnejja

 

Mela James Debono permezz ta’ artiklu ippubblikat illum fuq il-Malta Today żdied mal-lista ta’ dawk li qed jippruvaw joħorġu xi messaġġ politiku mis-suf t’għajnejja. Bħal dawk li jaqraw ix-xorti mill-weraq tat-te!

L-artiklu, avolja f’diversi aspetti hu inkorrett ma jdejjaqnix. Imma tajjeb li nwieġeb ftit.

James jargumenta li jiena u Arnold Cassola m’aħniex kapaċi nagħmlu kompromessi politiċi għax ma ftehmniex mal-PN bħalma għamel sieħbu, li waqt l-aħħar kampanja elettorali ipprova jaqdi l-funzjoni ta’ poster boy tal-PN.

Il-verità hi li l-PN mhux kompromessi ried imma sottomissjoni. Blank cheque. Ried jagħmel li jrid imma fl-istess ħin ried jgħodd il-voti flimkien għax kien mingħalih illi kien viċin u ħaseb li l-aritmetika setgħet tagħmel differenza.

Wara li dam tlett xhur itella’ u jniżżel jekk jiddiskutix magħna l-PN iddeċieda li jiddiskuti magħna ftit siegħat wara li kien ftiehem ma Marlene Farrugia.

Fi ftit kliem il-PN ried biss jimponi: jew fuq il-lista tiegħu jew xejn.

Stajna kieku ridna lagħbna id-double game bħal Marlene: taparsi niftehmu u nagħmlu ta’ rasna. Imma minnflok għażilna triq ċara u dritta.

Sal-lum jiena għadni konvint li f’AD għamilna l-għażla tajba, li bħal dejjem hi l-għażla d-diffiċli.

Advertisements