Niffukaw fuq edukazzjoni sesswali sħiħa

Ann Marie Azzopardi Parliament

 

Nhar l-Erbgħa Ann Marie Azzopardi Segretarja Ġenerali taż-Żgħażagħ ta’ Alternattiva Demokratika attendiet għall-laqgħa tal-kumitat parlamentari konġunt (Saħħa, Familja u Affarijiet Soċjali) dwar l-introduzzjoni tal-Morning After Pill.

Hija emfasizzat il-bżonn illi d-diskors dwar l-introduzzjoni tal-Morning After Pill jiffoka iktar fuq l-attitudni lejn is-sesswalità u lejn l-edukazzjoni sesswali.

Qalet “importanti li dan il-kontraċettiv ikun disponibbli bħala l-aħħar ħarsien f’każ ta’ emerġenza. Huwa importanti wkoll li titneħħa l-attitudni negattiva lejn is-sesswalita’ għaliex din l-attitudni tista’ tkun ostaklu għal żvilupp tajjeb fil-ħajja u l-edukazzjoni sesswali tal-individwu.”

Hi kompliet tgħid: “Għalkemm ninkoraġġixxu l-aċċessibilita’ għall-Morning After Pill, nsostnu li għandha tkun akkumpanjata minn riforma fil-qasam tas-saħħa sesswali u fl-aċċessibilità għall-kontraċettivi u għall-counselling sesswali.”

 

Id-disgħa li huma kontra?

0-9

Ma kontx nistenna aħjar minn 8 minnhom.

Imma kont nistenna li l-Ministru Helena Dalli tkun taħsiba mod ieħor dwar il-Morning After Pill. Forsi mhiex l-aħħar kelma tagħha. Nittama, għax fil-Partit Laburista, hi waħda mill-ftit b’rashom fuq għonqhom.

Il-kampanja favur il-Morning After Pill għandha l-appoġġ ta’ Alternattiva Demokratika għax din tagħti kontroll iktar lill-mara Maltija fuq x’tagħmel b’ħajjitha. Hu kontroll li huwa meħtieġ li jkun f’idejn il-mara u f’idejn ħadd iktar.

Nifhem li hemm min ma jaqbilx u nirrispetta l-opinjoni ta’ dawn. Imma tajjeb li jkun emfasizzat li l-użu tal-Morning After Pill m’huwiex appoġġ għal abort. Għall-abort kimiku hemm pilloli oħra (differenti mill-Morning After Pill) li ħadd ma huwa qed jitkellem favur tagħhom.

L-introduzzjoni uffiċjali f’Malta tal-pillola kontraċettiva t’emerġenza [Morning After Pill] tista’ tgħin mara f’mumenti t’emerġenza, imma, kif qalu tant tajjeb Claire Azzopardi Lane u Anna Azzopardi fl-istqarrija li ħarġet Alternattiva Demokratika, din mhiex ser issolvi l-problemi moħbija ta’ natura psikosoċjali li jistgħu jkunu l-kawża ta’ tqala mhux mixtieqa jew mhux ippjanata.

L-introduzzjoni tal-pillola kontraċettiva t’emerġenza [Morning After Pill] għandha tkun parti minn strateġija fit-tul li jkollha fil-mira tagħha riforma mill-qiegħ tal-politika dwar is-saħħa sesswali tal-poplu Malti: kampanja li trid tibda minn edukazzjoni sesswali posittiva bbażata fuq ir-rispett reċiproku bejn il-mara u r-raġel.

Huwa ħażin, kif anke emfasizzaw Claire u Anna fl-istqarrija tal-bieraħ ta’ Alternattiva Demokratika, li ħafna drabi kwistjonijiet ta’ kontraċezzjoni u saħħa sesswali feminili jiġu mpenġija f’dawl negattiv. Għax din l-attitudni negattiva tista’ twaqqaf lin-nisa, b’mod partkolari lil dawk ta’ età żgħira, milli jfittxu l-għajnuna li jkollhom bżonn.

Hemm bżonn li nxammru l-kmiem biex nokkupaw l-ispazju li presentement huwa okkupat minn xi fundamentalisti li ħlief ħsara m’għamlux. Pajjiżna jixraqlu aħjar.