M’għandi l-ebda dubju li l-parti l-kbira tal-membri tal-Korp tal-Pulizija huma persuni ta’ integrità. Huwa minħabba f’hekk illi dawk li m’humiex (ta’ integrità) jistonaw u jagħmlu iktar ħoss.
F’kull żmien ikun hemm xi problemi fil-forzi tal-ordni f’kull pajjiż. Nisimgħu bihom fl-aħbarijiet. Ġieli jindunaw bihom mill-ewwel u ġieli jdumu ftit. Imma ġeneralment jeżistu strutturi u għodda legali biex il-problemi li toħloq id-dgħjufija umana jkunu iffaċċjati mill-ewwel.
Ankè f’Malta, mhux l-ewwel darba li kien hemm il-problemi fil-Korp. Problemi żgħar li issolvew qabel ma kibru, jew problemi ferm ikbar, bħal meta l-Korp tal-Pulizija kien ikkankrat fi żmien li kien Kummissarju Lawrence Pullicino li kien instab ħati ta’ kompliċità ta’ qtil ta’ persuna li kienet qed tkun interrogata.
Il-Korp tal-Pulizija ankè illum qed jiffaċċja problemi serji.
Li l-kontenut ta’ file personali ta’ fizzjal tal-Korp [l-Ispettur Elton Taliana] jispiċċa għand il-gazzetta meta l-istess file kien fl-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija huwa inkwetanti. Għax kif tista’ tispjega dan in-nuqqas ta’ sigurtà minn l-iktar kamra f’Malta li suppost hi sigura?
Dan l-istess bħal meta f’Diċembru li għadda r-recordings tat-teatrin bejn l-Aġent Kummissarju Raymond Zammit, magħruf fil-Korp bħala l-Mulej, mill-Control Room tal-Korp spiċċaw għand il-Partit Nazzjonalista!
Issa ġiet ippubblikata storja oħra inkwetanti iktar minn dan kollu.
Il-familja tal-Mulej qed jingħad li hi azzjonista f’kumpaniji kummerċjali mal-familja ta’ persuna li hi taħt investigazzjoni fuq qtil li sar f’Ħal-Qormi xi snin ilu. Biex tgħaxxaqha, wieħed minn ulied il-Mulej, li sa ftit ilu kien ukoll spettur fil-korp [qabel ma sab xortih temporanjament fil-Korporazzjoni Enemalta] suppost li kien l-uffiċjal prosekutur f’dan il-każ.
Jekk il-Mulej fil-Korp ittollera (u kien parti hu u ta’ madwaru) dawn il-ħniżrijiet mhux ta’ b’xejn li ftit li xejn hemm fiduċja fil-Korp.
Kif ngħidu, l-ħuta minn rasha tinten, minn ras il-Mulej! F’dawn iċ-ċirkustanzi m’għandi l-ebda dubju lil min iħares il-Mulej. Żgur li mhux lilek, sieħbi.