Fir-Repubblika tal-Banana ……………..għandna ukoll Parlament

monkey_banana

Fil-Parlament il-lejla l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta’ ruling fuq każ ta’ ksur ta’ privileġġ li Joseph Muscat Prim Ministru ressaq kontra Simon Busuttil Kap tal-Opposizzjoni.

Muscat ħassu offiż li l-bieraħ, fil-Parlament, Busuttil qal li kien hemm indħil politiku minn Muscat fil-każ tal-pulizija fil-konfront ta’ John Dalli.

L-Ispeaker Farrugia ikkonkluda li kien hemm ksur ta’ privileġġ. L-Opposizzjoni telqet il-barra wara li Mario de Marco qam fil-Parlament u qal li r-ruling tal-Ispeaker ifisser illi l-Membri Parlamentari ma jistgħux jaslu għal konklużjoni politika dwar dak li jkun għaddej.

Naħseb li l-Membri Parlamentari qed jaġixxu qieshom tfal żgħar.

Muscat messu qam u spjega għaliex Busuttil wasal għal konklużjoni żbaljata, jekk inhu l-każ.  Il-fatt li dan m’għamlux ifisser li jħossu skomdu jidħol f’dan l-argument. Għax dak li qal Simon Busuttil hi konklużjoni li waslu għaliha ħafna nies hemm barra fit-triq.

Hija l-perception tan-nies.  L-istess perception li tul is-snin wasslet in-nies biex tikkonkludi li dan hu pajjiż korrott.  Jekk tistaqsi għall-provi ħadd ma jagħtihomlok. Mhux ser issibhom imma hekk taħseb in-nies.

Meta tara l-mod kif tkellmu kemm il-Kummissarju tal-Pulizija tal-lum Pietru Pawl  Zammit kif ukoll il-Kummissarju ta’ ftit ilu John Rizzo bil-fors tasal għal konklużjoni li hemm xi ħaġa m’hiex f’postha. Kif jista’ l-Kummissarju Rizzo jasal għal konklużjoni mod u wara ftit il-Kummissarju Zammit jasal għall-konklużjoni mod ieħor? It-tnejn qalu li qabel magħhom l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika, avolja dak li fil-fatt qal l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika s’issa ma jafu ħadd hlief Rizzo u Zammit!

Qiesna f’Repubblika tal-Banana.

Il-logħba ta’ Muscat hi waħda perikoluża u għalkemm ma naqbilx li hemm xi theddida għad-demokrazija kif qiegħed jgħid il-PN qed tinħoloq klima ta’ sfiduċja li fit-tul tista’ twassal għal konsegwenzi gravi.

Il-Gvern qed jieħu għalih bil-kritika u flok ma jwieġeb u jispjega juża l-ksur tal-privileġġ, metodu mhux adatt għas-seklu 21.

L-Opposizzjoni min-naħa l-oħra minflok ma tirreaġixxi bil-kalma bl-iskop li tesponi b’mod intelliġenti l-Gvern għal dak li hu, issabbat saqajha u titlaq il-barra.

L-anqas li kien Parlament tat-tfal ma jimxi b’dan il-mod.

Fir-Repubblika tal-Banana għandna ukoll Parlament!

Repubblika tal-Banana fil-Mediterran

800px-Banana_republic_svg

John Rizzo li sa Marzu 2013 kien il-Kummissarju tal-Pulizija jgħidilna fil-Qorti li hu kien iddeċieda li kien hemm biżżejjed provi biex itella’ lil John Dalli l-Qorti dwar il-każ oriġinalment investigat mill-OLAF in konnessjoni mat-taħwid u t-tixħim koness mal-industrija tat-tabakk.

John Rizzo jgħid ukoll li dwar dan kien qabel miegħu l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika.

Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Peter Paul Zammit l-ewwel qalilna li wara li studja sewwa l-każ hu tal-fehma li ma hemmx każ kontra John Dalli. Imbagħad qalilna li l-każ għadu mhux magħluq. Interessanti li s-Sur Peter Paul Zammit ukoll qalilna li l-Avukat Ġenerali jaqbel miegħu!

Tajjeb pero li qatt ma smajna x’qal verament l-Avukat Ġenerali. S’issa nafu biss x’qal ħaddieħor dwaru.

Qiesna qed ngħixu f’Repubblika tal-Banana fil-Mediterran.  L-opinjonijiet legali jiddependu fuq min ikun fil-Gvern. Hemm każ jew  m’hemmx każ?