Il-każ numru 22: il-konsulent Konrad Mizzi

Nhar it-Tnejn 12 t’Ottubru fis-2.30pm ser jiltaqa’ il-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Fuq l-aġenda għandu item wieħed:

Rapport dwar Investigazzjoni mill Kummissarju għall Istandards (Każ K/022).

Daqshekk biss tgħid l-aġenda.

Il-każ K/022 tressaq minni għall-attenzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards. Fil-fatt nhar it-28 ta’ Jannar 2020 kont ktibt lil Dr George Hyzler u wara li rreferejtu ghall-kuntratt ta’ konsulenza li l-Awtorita tat-Turizmu tat lil Onorevoli Konrad Mizzi wara li spicca minn Ministru, li dakinhar stess il-Ministru Julia Farrugia ħabbret li gie annullat, talbtu biex  jinvestiga l-ghoti ta’ dan il-kuntratt u dan bl-iskop li tkun ezaminata l-imgieba ta’ Joseph Muscat (Prim Ministru), Konrad Mizzi (ex-Ministru u Membru Parlamentari), Gavin Gulia (Chairman tal-Awtorita tat-Turizmu) u Johann Buttigieg (Chief Executive Officer tal-Awtorita tat-Turizmu).

Nhar it-Tnejn jiena ġejt infurmat mill-uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika li l-investigazzjoni li jiena, għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika, kont tlabt f’Jannar li għadda kienet konkluża u li r-rapport finali kien ġie sottomess lill-kumitat permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Fuq talba tiegħi jiena ltqajt ma’ Dr George Hyzler Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn tlabtu kopja tar-Rapport. Dr Hyzler infurmani li ma setax jagħtini kopja għax huwa l-Ispeaker biss li jista’ jagħmel dan skond il-liġi.

Jiena naf, anke minn informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika stess li rapport dwar investigazzjoni fejn jirriżulta nuqqas ta’ xi ħadd li jkun ġie investigat qatt ma jkun rilaxxjat mill-kummissarju. Għalhekk, fil-fehma tiegħi jidher li l-Kummissarju sab li hemm nuqqas gravi u miexi strettament ma’ dak li tgħid il-liġi, bħal meta ikkonkluda li Joseph Muscat kien naqas meta aċċetta l-inbid Petrus.

Hu fl-interess tat-transparenza li l-Ispeaker għandu jippubblika dan ir-rapport immedjatament.

Il-bieraħ kellimt lill-Ispeaker Anglu Farrugia u tlabtu kopja tar-rapport. Huwa assigurani li hekk kif ikollu l-awtorizzazzjoni tal-Kumitat tal-Kamra jippubblika r-rapport.

Nistenna li nhar il-Tnejn il-Kumitat Parlamentari jaqbel bla diffikulta li r-rapport kollu jara d-dawl tax-xemx.

Il-Gvern iżomm l-iStandards fil-Ħajja Pubblika ……………fuq l-ixkaffa

Standards signaturesStandards in Public Life Bill

 

Fl-24 ta’ Marzu 2014 Kumitat Magħżul tal-Parlament Malti ippreżenta lill-Parlament rapport finali dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Dan ir-rapport kien iffirmat mill-iSpeaker Anglu Farrugia u minn erba’ membri Parlamentari : George Vella, Justyne Caruana, Francis Zammit Dimech u Ryan Callus.

Fl-20 ta’ Mejju 2014 il-Parlament approva l-Ewwel Qari ta’ Abbozz ta’ Liġi imsejjaħ Att ta’ l-2014 dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika. L-approvazzjoni ta’ l-Ewwel Qari jfisser li l-Parlament ikun ta’ l-permess biex l-abbozz ta’ liġi ikun ippubblikat.

Fil-fatt l-abbozz ta’ liġi kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern bħala l-abbozz numru 63 nhar il-15 ta’ Lulju 2014.

Illum għaddew sittax-il xahar, u dan l-abbozz ta’ liġi għadu fuq l-ixkaffa jiġbor it-trab.

Tafu għalfejn hu importanti dan l-abbozz ta’ liġi?

Fost ohrajn għax jekk Membru tal-Parlament [inkluz Ministru] ma josservax il-Kodiċi tal-Etika jkunu jistgħu jittieħdu passi kontra tiegħu. Per eżempju,  l-Ministru għandu l-obbligu li ma jaċċettax rigali jew servizzi jekk “l-entità tagħhom tkun tali li jistgħu jpoġġuh f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun.” (regola 58 tal-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri)

Kien ikun ħafna aħjar kieku l-Parlament, flok ma qagħad ikaxkar saqajh approva dan l-abbozz ta’ liġi xhur ilu.

Kieku, forsi, l-Onorevoli Joseph Cassar kien ikollu jwieġeb għal għemilu fil-Kumitat Parlamentari Permanenti dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika.

Inutli li l-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern jgħidu li r-riżenja ta’ Cassar minn spokesman tal-Opposizzjoni dwar il-Kultura hi miżura insinifikanti. Kellhom f’idejhom miżura alternattiva b’saħħitha u ħallewha fuq l-ixkaffa. Kullma għandhom jagħmlu issa hu li jħarsu fil-mera u jgħidu: ħtija tiegħi.