Xogħol il-Membru tal-Parlament

carrots

Il-Gvern permezz ta’ diversi dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat repetutament qed jgħid li jrid jinvolvi lill-Membri tal-Parlament taż-żewġ naħat tal-Kamra fil-ħidma tal-Gvern.

Dan nissel reazzjonijiet diversi inkluż, u b’mod partikolari, mill-Opposizzjoni. Il-bieraħ fil-fatt Simon Busuttil Viċi Kap tal-PN qal li l-Opposizzjoni mhiex ser tinxtara. Dan qalu kemm fil-Parlament kif ukoll fl-artiklu tiegħu ta’ kull ġimgħa fit-Times intitolat A flawed “executive” offer .

Xogħol il-Membru tal-Parlament hu fil-Parlament. Jiġifieri jagħmel il-liġijiet u jgħarbel il-ħidma tal-Eżekuttiv. Minflok iżda qed tiġi żviluppata l-idea li dawk il-Membri Parlamentari li mhumiex Ministri jew Segretarji Parlamentari jkun aħjar jekk jinstabilhom xi ħaġa biex ikollhom biex jgħaddu l-ħin għax inkella jsibu huma l-mezz biex jgħaddu l-ħin. Il-konsegwenzi ta’ dan ma jkun xejn pjaċevoli kif jaf sewwa Lawrence Gonzi!

Din m’hiex xi ħaġa li ivvinta Joseph Muscat. Esperimentaw biha l-Prim Ministri kollha ta’ qablu. Kemm Mintoff fis-snin sebgħin kif ukoll Gonzi fis-snin li għadhom kif għaddew fittxew modi kif jokkupaw il-ħin tal-Membri Parlamentari. Mintoff u Gonzi din għamluha mal-Membri Parlamentari tal-Gvern li kienu jmexxu. Joseph Muscat qed jipprova jifrex il-ħsieb iktar minn hekk u jsib applikazzjoni tiegħu mal-Opposizzjoni ukoll.

Naħseb li l-idea hi fil-prinċipju żbaljata. Għax il-kapaċita u l-kompetenza ta’ kull Membru Parlamentari għandha tkun applikata fil-ħidma tal-Parlament.

L-ewwel nett fil-ħidma diretta tal-Kamra u l-kumitati tagħha, fil-parteċpazzjoni fid-dibatti dwar liġijiet u l-politika tal-oqsma differenti. It-tieni fis-sorveljanza tal-ħidma tal-Gvern inkluż fil-mod kif jaħdmu l-awtoritajiet: kif jonfqu l-fondi allokati kif ukoll kif titfassal u tiġi applikata l-politika fl-oqsma differenti.

Fost oħrajn il-Parlament għandu jkun full-time. Jiġifieri l-Membri Parlamentari għandhom jokkupaw il-ħin kollu tagħhom fil-Parlament. Jekk u meta jagħmlu dan m’għandix dubju li jsibu ħafna x’jagħmlu. Wisq nibża’ iżda li la l-PN u l-anqas il-PL ma jixtiequ dan għax jekk il-Parlament jiġi f’posizzjoni li jagħmel xogħolu aħjar ikun diffiċli ħafna iktar li xi rokna tal-ħidma tal-Gvern tibqa’ mistura.

Din hi l-problema reali li qed jaffronta Joseph Muscat. Iffaċċja qablu Lawrence Gonzi. Kemm Muscat kif ukoll Gonzi jaħsbu li jkun għaqli li l-Membru Parlamentari jinżamm okkupat. Bħala riżultat t’hekk il-ħidma tal-Gvern tkun mgħarbla ħafna inqas milli hu neċessarju.

Snippets from AD’s electoral manifesto: (16) Election of the Republic’s President

president-of-malta-flag-over-blue-sky

The following extract is taken verbatim from Chapter 6 of AD’s Electoral Manifesto

The President of the Republic should be elected by an electoral college made up of all Members of Parliament and all elected Mayors of the 68 localities . The widening of the franchise would ensure a wider acceptance of the selected Head of State.

L-Estratt segwenti hu mehud kelma b’kelma mill-Kapitlu 6 tal-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika

Il-President tar-Repubblika għandu jkun elett minn kulleġġ elettorali magħmul mill-Membri Parlamentari kollha u mis-sindki eletti kollha tat-68 lokalita. It-twessigħ ta’ din l-approvazzjoni jista’ jiżgura li jiġi aċċettat aktar il-kap tal-istat li jingħażel.

Gonzi jaħseb fit-tul !

Veru li Lawrence Gonzi jaħseb fit-tul.

Fl-2004 meta Josef Bonnci irreżenja minn Membru Parlamentari biex ħa l-ħatra fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropeja ġie co-opted floku t-Tabib Pjiskjatra Joe Cassar.

Min qatt ħaseb daqshekk bil-quddiem dwar x’kien ser ikolllhom bżonn l-Onorevoli Membri Parlamentari.

Issa f’mossa oħra li tħares fil-bogħod ser jippreżenta bħala kandidat fuq Tas-Sliema lill-kardjoloġista Albert Fenech. Jidher li li l-politika ftit tinteressah b’tali mod li jekk jitla’ fil-Parlament ser jagħti kontribut daqs numru ta’ tobba oħra Onorevoli li rari ħafna jersqu lejn il-Parlament.

Jidher imma li anke fil-Parlament jista’ jkun hemm bżonn tas-servizzi professjonali tiegħu meta jkun magħruf x’inhi l-qagħda reali tal-finanzi tal-pajjiż.

Kif intqal fi blog oħra “il-profs Fenech se jkollna bżonnu fil-Parlament, għax ħafna qlub mhux se jkunu jifilħu iżjed, x’ħin inkunu nafu f’liema stat huma l-finanzi tal-pajjiż.”

Ara vera Gonzi jaħseb fit-tul. L-ewwel psikjatra u issa kardjoloġista!

Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni

Dak li għaddej fil-Parlament bħalissa hu serju ħafna.

L-ewwelnett hu serju fih innifsu li l-Parlament jiddiskuti mozzjoni ta’ ċensura f’Ministru. Hemm bżonn li jkun hemm iktar okkazjonijiet fejn Membri tal-Parlament li jkollhom il-fehma li Ministru jew ieħor naqas iġibu l-materja għad-diskussjoni.

Imma dak li qed jiġri issa fil-Parlament m’huwiex biex jiġi diskuss l-operat ta’ Ministru li naqas jew ta’  Ministeru li ma ħadimx.  L-affarijiet illum fil-Ministeru tal-Intern m’humiex wisq differenti milli kienu meta kien Ministru tal-Intern Tonio Borg matul il-perjodu 1998-2008. Pjuttost huma ftit aħjar.  Imma matul dawk l-għaxar snin l-Opposizzjoni Laburista ma ressqet l-ebda mozzjoni ta’ ċensura fil-Ministru tal-Intern.

Fil-qasam tal-ambjent hemm disastru. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Mario de Marco.

Fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd kif ukoll fil-qasam tar-Riżorsi l-affarijiet m’humiex sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura  ma tressqet kontra Ġorġ Pullicino.

Fl-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma l-affarijiet huma ferm il-bogħod milli jkunu sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni  ta’ ċensura ma tressqet kontra Tonio Fenech.

L-Opposizzjoni ressqet ukoll mozzjoni ta’ ċensura kontra Richard Cachia Caruana.

Dwar Richard Cachia Caruana u Carm Mifsud Bonnici tkellem b’mod kritiku Franco Debono. Għamel dan għar-raġunijiet tiegħu li spjega fil-pubbliku. Bħalissa l-Opposizzjoni taf kif jaħsibha Franco Debono fuq dawn it-tnejn min-nies u qed tipprova tisfrutta l-opportunita li għandha quddiema. L-ambjent, l-agrikultura, is-sajd, ir-rizorsi, l-enerġija u l-ilma għandhom importanza inqas għal Franco Debono f’dan il-mument meta tqabbilhom mal-Ministeru għall-Intern jew ma  Richard Cachia Caruana.

Li qegħda tagħmel l-Opposizzjoni hi ħaġa sempliċi ħafna: sabet punt dgħajjef tal-Partit fil-Gvern u qed tattakkah fejn iweġġa’. Hi għażla politika tal-Opposizzjoni li ssib fejn il-Gvern hu l-iktar debboli u tiftaħ attakk feroċi . Ilha għaddejja b’din l-istrateġija minn Novembru meta tressqet il-mozzjoni dwar Austin Gatt li dwarha, Franco Debono wara li għamel ħafna dikjarazzjonijiet favur il-mozzjoni bidel il-ħsieb u astjena.

Jidher li l-Opposizzjoni  ser tibqa’ għaddejja b’din l-istrateġija sakemm tinfed u jkollha vot favur tagħha.  Lil min tolqot u tweġġa’ fil-proċess m’hux wisq ta’ relevanza għaliha. L-oġġettiv tal-Opposizzjoni hu l-kollass tal-Gvern. Dan il-kollass, bid-dikjarazzjonijiet ta’ Franco Debono jidher li hu possibli.

Meta l-Opposizzjoni titlob iċ-ċensura ta’ Ministru u dak il-Ministru jsib l-appoġġ ta’ sħabu kollha ifisser li l-attakk fuq il-Ministru hu ukoll attakk fuq il-Gvern kollu. Għax meta l-Gvern jagħżel li jiddefendi lill-Ministru ifisser li qed jagħtih l-appoġġ u jidentifika ruħu miegħu. Dan wara kollox hu t-tifsira tad-dutrina tar-responsabbilta kollettiva. Il-Gvern bid-difiża li qed jagħmel lil Carm Mifsud Bonnici qed jgħid bla tlaqliq li r-responsabbilta’ mhiex ta’ Carm iżda hi waħda kollettiva tal-Gvern. Għalhekk  attakk (politiku) fuq membru tal-Gvern qed jiġi ikkunsidrat li hu attakk politiku fuq il-Gvern kollu.

X’ser jiġri  nhar l-Erbgħa naħseb li ħadd m’għandu idea. L-iktar meta wieħed iqis li saru diversi dikjarazzjonijiet li imbagħad ma issarfux.

Nistennew u naraw fejn ser tasal l-Opposizzjoni.

Sadanittant il-ħin għaddej. Dak ma jistenna lil ħadd.

Lenti fuq ir-rewwixta: 3) Il-ġarra ġejja w sejra

Uħud qed jgħidulna li ħadd m’hu ikbar mill-partit. Jgħidulna hekk biex ifissru li l-Membri Parlamentari għandhom ibaxxu rashom għat-tmexxija meta jitkellem il-Leader.

Il-Partit hu kbir skond kemm jirrispetta lill-membri tiegħu. Kemm jirrispetta l-liberta’ tal-ħsieb tagħhom. Dan ir-rispett jintwera mhux fil-konfront ta’ min jikkonforma ruħu iżda fil-konfront ta’ min hu kritiku. Għax ngħiduha kif inhi, x’mertu hemm li tirrispetta lil min jaqbel miegħek?  Hemm il-mertu fir-rispett meta dan tesprimieh fil-konfront ta’ min jikkritikak!

Il-kritika b’mod partikolari meta tkun kostruttiva ssaħħaħ kemm lil min jagħmilha kif ukoll lil min għandu l-paċenzja li jiftaħ widnejn u mhux biss jisma’ iżda fuq kollox jagħti kaz. Nikbru meta nikkonfrontaw l-ideat u nevitaw il-paroli vojt u l-insulti fil-konfront ta’ min għandu ideat differenti.

Nies b’moħħ magħluq ser jibqgħu jeżistu. Dawn jikkundannaw lil min ma jaqbilx magħhom għal dik li b’mod dispreggjattiv isejħu l-miżbla tal-istorja. Għalihom għandek valur biss meta taqbel magħhom. Il-bqija m’int xejn.

Dawn huma l-egħruq tar-rewwixta.

Ir-rewwixta hi r-riżultat ta’ Partit li jisma’ imma ma jagħtix każ, b’mod partikolari b’mod repetut.

Kif ngħidu l-ġarra ġejja w sejra fl-aħħar tinkiser.

Lenti fuq ir-rewwixta : 2) Lealta’ tal-lastku

Meta nitkellmu dwar dak li għaddej bħalissa fil-Parlament id-diffikulta għall-pubbliku hi jekk il-Membru Parlamentari jaqbiżx il-linja immaġinarja tal- “lealta’”.

Lejn min għandhom ikunu leali l-Membri tal-Parlament?

Kif nifhimha jiena l-lealta’ tal-Membru Parlamentari dejjem hi lejn dak li jemmen. Li jkun konsistenti miegħu nnifsu u ma dak li tiddettalu l-kuxjenza tiegħu. Imbagħad wara tiġġudika l-istorja.

Hekk għamel il-Membru Parlamentari Għawdxi Kurunat Attard fl-ewwel seduta tal-Parlament fi Frar 1962 meta qasam il-Kamra u abbanduna l-Partit Demokratiku Nazzjonalista (ta’ Herbert Ganado)  u ngħaqad mal-PN ta’ Ġorġ Borg Olivier. Bil-vot tiegħu Borg Olivier fil-Gvern kellu 26 vot minn 50. Mingħajru kellu 25. Mingħajr il-vot ta’ Kurunat Attard  il-Gvern seta’ kellu diffikulta anke’ dwar il-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.  Wara li qasam il-Kamra Kurunat Attard baqa’ jitla’ fil-Parlament elezzjoni wara l-oħra sal-1987 meta ħadet postu fil-Parlament bintu Giovanna Debono. L-istorja tat il-ġudizzju tagħha.

Hekk ukoll għamel Alfred Baldacchino li qasam il-Kamra fl-1974 meta telaq il-PN u ngħaqad mal-Labour. Bil-vot tiegħu il-Gvern Laburista immexxi minn Dom Mintoff kellu 29 vot. Mingħajru kellu 28 minn 55 u ma setax jemenda l-Kostituzzjoni li kif kienet dakinnhar kienet teħtieġ 29 vot favur biex tkun emendata. (L-Ispeaker għalkemm ma kellux vot kien jgħodd bħala membru tal-Kamra. Għalhekk il-maġġoranza rikjesta għall-emendi Kostituzzjonali kienet ta’ nofs 56 li jigi 29. Illum l-Ispeaker m’għadux jingħadd!)

Ġorġ Borg Olivier  laqa’ lill-Kurunat Attard fil-PN. Ma qallux biex ikun leali lejn il-votant u jmur lura fil-Partit Demokratiku Nazzjonalista. Anke Dom Mintoff laqa’ lil Alfred Baldacchino: ma qallux ikun leali lejn il-votanti u jmur lura fil-PN!

Il-lealta’ kif definita fil-Parlament dejjem kienet waħda tal-lastku! Min iġebbed l-iżjed! Kif jaqbel fil-mument.

Il-lealta’ tal-Membru Parlamentari lejn dak li jemmen għandha twasslu biex isostni l-programm elettorali li hu intrabat miegħu waqt il-kampanja elettorali. Huwa dan l-għodda li bih il-Membru Parlamentari jgħarbel lill-Gvern fil-ħidma tiegħu fil-Parlament. Inkluż meta l-Kabinett innifsu jiddevja mill-programm elettorali jew ifittex li jagħmel affarijiet li jkunu inaccettabbli.

Il-Membru Parlamentari huwa obbligat li japoġġa l-programm politiku tal-Partit li f’ismu ġie elett imma għandu ukoll l-obbligu li ma jkunx servili. Il-lealta’ tiegħu m’hiex inkondizzjonata. Irid jimxi m’għajnejh miftuħin beraħ, b’leħen kritiku.

F’dan il-kuntest il-vot ta’ sfiduċja hu miżura estrema li jkun ġustifikat li jintuża biss jekk il-bibien jingħalqu u ma jħallux lill-Membru Parlamentari jagħmel xogħolu.

(darba oħra 3: Il-ġarra ġejja w sejra)

Lenti fuq ir-rewwixta : 1) Il-karrotti

Ir-rewwixta li għaddejja bħalissa fil-Parlament fil-fehma tiegħi taf il-bidu tagħha  lir-rwol sekondarju li għandu l-backbench fuq in-naħa tal-Gvern.

Kellna diversi membri parlamentari li kienu kritiċi tal-Gvern tul din il-leġislatura, b’kull wieħed minnhom iżid id-doża. Jesmond Mugliette, Jean Pierre Farrugia, Robert Arrigo, Jeffrey Pullicino Orlando u dan l-aħħar xhur Franco Debono. Ftit li xejn kien hemm komuni bejniethom. Ilkoll ġejjin minn distretti differenti. Kuntrarjament għal li jiġri fil-Parlament ta’ diversi pajjiżi Ewropej jidher li ma kien hemm l-ebda koordinazzjoni bejniethom. Kulħadd ħadem għal rasu. Li ħadmu flimkien ir-riżultati kienu jkunu differenti u iżjed posittivi.

L-ewwel riflessjoni hi dwar ir-rwol tal-backbench.  Tradizzjonalment dan kien meqjus bħala il-qaddej fidil tal-front bench, iħejji ruħu sa ma jingħoġob biżżejjed biex jieħu promozzjoni ħalli jkun jista’ jservi lit-tmexxija.

Il-ħolqien tal-grad ta’ Assistent Parlamentari, l-ekwivalenti tal-Parliamentary Private Secretary fil-House of Commons, jiena nqiesu f’din id-direzzjoni.  Karrotta u sarima fl-istess ħin tant li kien hemm min ma aċċettax il-ħatra ta’ Assistent Parlamentari.

Karrotti oħra li tqassmu kienu postijiet eżekuttivi bħalma huma c-Chairmanship ta’ Kunsill tax-Xjenza u t-Teknoloġija u c-Chairmanship tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini.

Dan kollu huwa aljenazzjoni mill-funzjoni vera tal-membri parlamentari li hi li jissorveljaw il-ħidma tal-Gvern billi kontinwament jitolbuh jagħti kont ta’ egħmilu.

Dak li għamlu Mugliette, Farrugia, Arrigo, Pullicino Orlando u Debono. Setgħu għamluh aħjar, imma jekk iħarsu lejn il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom ftit li xejn isibu x’jispirhom.

Ir-rewwixta qegħdet il-pedament għal backbench attiv li jirrifjuta li joqgħod kwiet, bil-karrotti jew mingħajrhom.

(darba oħra : 2. Il-lealta’)

Iċ-Chewing Gum fil-Parlament

Smajt b’attenzjoni l-parti l-kbira tad-diskorsi li saru fil-parlament dwar il-liġi tad-divorzju. Għandi rispett kbir lejn dawk il-membri parlamentari kollha li iddikjaraw li ivvutaw LE għax hekk qaltilhom il-kuxjenza. 

Imma fil-waqt li nirrispetta l-għażla tagħhom naħseb li b’din id-dikjarazzjoni li għamlu tefgħu dawl fuq il-kredenzjali demokratiċi tagħhom. Għax fi ftit kliem qalulna li r-referendum għalihom kien ikollu sinifikat BISS li kieku rebaħ il-LE.

Tajjeb li mxew skond il-kuxjenza imma l-kredenzjali demokratiċi tagħhom bħaċ-chewing gum.

“Raise in Honoraria for Cabinet Ministers Uncalled For” AD

Press Release/Stqarrija Stampa 9/6/2011

 Alternattiva Demokratika – The Green Party said that the raise in salaries for Cabinet Ministers, as proposed by the Nationalist Government is uncalled for.

Michael Briguglio, AD Chairperson, said that “it is ironic that whilst workers were given a miserable 1.16 Euro weekly increase in the last budget, and when Malta’s COLA mechanism is not reflecting real cost of living increases, the same Government is giving a 500 Euro weekly increase to Cabinet Ministers.”

“AD agrees with the Labour Party proposal for a Commission to study Ministers’ and MPs’ salaries. However, we also believe that parliament should be reformed in order that it can become a full-time professional institution, and not one made up of part-timers, many of whom consistently fail to attend parliamentary sittings. We believe that salary increases and adjustments of Cabinet Ministers and Members of Parliament should be related to the quality of the work delivered by office holders and MPs.”

 

“Iż-Żieda fil-paga tal-Ministri tal-Kabinett barra minn lokha” AD

Alternattiva Demokratika – The Green Party qal li ż-żieda fil-paga li ingħatat lill-Ministri tal-Kabinett, hekk kif proposta mill-Gvern Nazzjonalista hija barraminnlokha.

Michael Briguglio, iċ-Chairperson tal-AD, qal li “hija ironika li filwaqt li l-ħaddiema ġew mogħtija żieda miżerabbli ta’ €1.16 fil-ġimgħa fl-aħħar budget, u meta l-mekkaniżmu tal-COLA ma jirriflettix il-vera żieda fl-għoli tal-ħajja, l-istess Gvern qed jagħti €500 żieda lill-Ministri tal-Kabinett.”

“L-AD taqbel mal-proposta tal-Partit Laburista biex titwaqqaf Kummissjoni biex tanalizza s-salarji tal-Ministri u tal-Membri Parlamentari.  Iżda aħna nemmnu wkoll li hemm bżonn issir riforma fil-Parlament biex dan isir istituzzjoni professjonali li tiffunżjona fuq bażi full-time minflok ma kif inhu llum magħmulminnparlamentari li jahdmu part-time u li ta’ sikwit jonqsu milli jattendu s-seduti parlamentari.  Aħna nemmnu li żidiet jew bidliet fis-salarji tal-Ministri tal-Kabinett u Membri Parlamentari ghandhom ikunu relatati mal-kwalita u l-livell tax-xogħol li jagħtu dawn l-istess Ministri u Membri Parlamentari.”

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (5) Anke’ Machiavelli kien jistħi

 Meta Lawrence Gonzi għamel il-proposta oriġinali illi d-divorzju jkun soġġett għal referendum huwa iġġustifika ruħu billi qal li l-ebda wieħed mill-partiti fil-Parlament ma kellu l-mandat elettorali fuq il-materja. Kien qal kliem fis-sens li mhux sewwa illi l-Parlament japprova leġislazzjoni li dwarha l-poplu ma kellux ċans jesprimi ruħu.

Il-pjan dakinnhar kien illi jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO, qabel ma din tidħol fis-seħħ kien meħtieġ li jkun hemm referendum biex dak li jkun approva l-Parlament jesprimi ruħu fuqu l-poplu.

Alternattiva Demokratika dakinnhar qalet li ma taqbilx li deċiżjoni dwar drittijiet ċivili jkunu soġġetti għal referendum. Għax dawn huma drittijiet ta’ minoranzi li għandhom ikunu affermati anke’ jekk il-maġġoranza ma tkunx trid.

Lawrence Gonzi dakinhar skandalizza ruħu kif seta’ jkun hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li ma jaqbilx mal-użu tal-għodda demokratika tar-referendum.

Joseph Muscat għamel il-kontijiet u rrealizza li Gonzi kien qed jipprova jaħdmu. Għax ir-referendum li ried Gonzi kien isir biss jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO. Muscat kien jaf li kien hemm numru ta’ Membri Parlamentari Laburisti li kienu kontra l-proposta ta’ JPO u Varist Bartolo. Dan il-fatt kien jassigura li l-pjan ta’ Gonzi jaħdem u r-referendum għalkemm imwiegħed  ma jkunx jista’ jsir.

Il-manuvri interni fil-Partit Laburista wasslu biex minflok ma Gonzi ħadem lil Muscat, għal darba Muscat ħadem lil Gonzi (bil-għajnuna ta’ JPO u Jesmond Mugliette). Għax il-Parlament approva mozzjoni imressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni li l-ewwel immorru għal referendum, u mbagħad, wara, jekk dan ikun approvat, tkun tista’ tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ JPO u Varist Bartolo.

Issa Muscat kien jaħseb li r-referendum m’hux ser jgħaddi . Ta’ l-anqas hekk stqarr f’wieħed mill-edizzjonijiet ta’ Inkontri immexxi min Joe Grima fuq Super One

Issa billi r-referendum approva d-dħul tad-divorzju f’Malta, dak li Gonzi u Muscat ilhom jipposponu irid jiġi ffaċċjat.

Muscat u l-parti l-kbira tal-Opposizzjoni jidher li ser jivvutaw favur (Marie Louis Coleiro ser tastjeni u Adrian Vassallo ser jivvota kontra). Carmelo Abela taż-Zejtun, to his credit iddeċieda li jbaxxi rasu għar-rieda popolari u ser jivvota favur.

Il-backbench tal-Gvern imħawwad. Skond Beppe Fenech Adami qed jitkellem waħdu. Ma jafx x’ser jaqbad jagħmel. Jekk tissejjaħ division l-ewwel isem min-naħa tal-Gvern li jissejjaħ hu dak tal-Onor David Agius. Ikollu jiddeċiedi waħdu x’ser jagħmel. Għax ma jistax jagħmel bħal ta’ qablu. Għax dak li jiġi qablu alfabetikament hu l-MP tal-Labour Carmelo Abela. Għalhekk din il-ġimgħa kiteb fin-Nazzjon u qal li ser jivvota  favur.

Dawk li qed jgħidu li ser jivvutaw kontra qed iwaħħlu fil-kuxjenza. Lil dawn jiena ngħidihom li l-kuxjenza issa ma tidħolx. Il-kuxjenza kellha sehem importanti sakemm il-Parlament iddeċied li jaħsel idejh bħal Ponzu Pilatu u flok ma jieħu deċiżjoni huwa talab lill-poplu jespimi ruħu f’referendum.

Il-kuxjenza kienet importanti nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju.

Imma malli ħareġ ir-riżultat tar-referendum issa m’huwiex iżjed kaz ta’ kuxjenza iżda tal-kredenzjali demokratiċi tal-membri parlamentari. Min m’huwiex lest li jivvota IVA  dwar il-liġi tad-divorzju qed juri disprezz lejn il-volonta tal-poplu u m’huwiex kapaċi jkun rappreżentant tal-poplu fil-Parlament.

L-għażla hi waħda sempliċi jew jivvutaw IVA kif ġew inkarigati jagħmlu mill-poplu permezz tar-referendum inkella jirreżenjaw. L-appoġġ għall-volonta’ popolari trid tkun totali, bla kundizzjoni.  Hekk intqal fl-2003 meta sar ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dakinnhar konna korretti. Hekk ukoll għandu jingħad u jsir illum.

Bil-gabrijoli bil-kuxjenza li qed jagħmlu Gatt, Gonzi u l-bqija naħseb li anke Machiavelli kien jistħi !