Iva fil-principju: kontrolli fuq il-finanzjament tal-partiti politiċi

AD.Press Conference 080214

Alternattiva Demokratika taqbel fil-prinċipju mal-proposti fil-White Paper dwar il-finanzjament tal-politika iżda taħseb li bosta mid-dettalji dwar il-proposti li saru għandhom ikunu kkunsidrati mill-ġdid.  Alternattiva Demokratika b’mod konsistenti tul il-25 sena tal-eżistenza tagħha dejjem ħadmet favur ir-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-politika u tal-partiti. Alternattiva Demokratika ser tieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika u għal dan l-iskop ħejjiet dokument bil-proposti tagħha li dwaru tistenna li jkollha diskussjonjijiet mal-Gvern.

M’huwiex għaqli li l-awtorita regolatorja dwar il-partiti politiċi u l-finanzjament tagħhom tkun il-Kummissjoni Elettorali. Alternattiva Demokratika qed tipproponi li r-regolatur ikun il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Kummissjoni Elettorali hi taħt il-kontroll esklussiv tal-partiti politiċi li hemm fil-Parlament iżda l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, meta jinħatar, bil-qbil ta’ żewg terzi tal-membri tal-Parlament, għandu jkun mhux biss persuna ta’ integrita iżda fuq kollox persuna aċċettabbli għal faxxa iktar wiesa’ ta’ nies.

L-White Paper titkellem ukoll dwar ir-reġistrazzjoni tal-Partiti u tidħol f’numru ta’ dettalji dwar kif għandhom ikunu organizzati. Alternattiva Demokratika, filwaqt li taqbel mal-proposta ta’ reġistrazzjoni tal-partiti politiċi jidhrilha li l-White Paper tidħol f’ħafna dettalji żejda. Kien ikun ħafna aħjar kieku illimitat ruħha għall-essenzjali. Hemm qbil li r-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi għandu teżiġi li l-partiti jkunu demokratiċi fil-ħsieb u fil-forma, imma ma hemm l-ebda ħtieġa li din tidħol ukoll fid-dettall ta’ kif taħdem l-organizzazzjoni interna ta’ partit politiku.

Hemm il-periklu  li ma tittieħidx konsiderazzjoni tad-differenzi fid-daqs tal-partiti u allura ukoll fir-riżorsi li dawn għandhom. Filwaqt li Alternattiva Demokratika tifhem u taċċetta li l-kontijiet tal-partiti politiċi għandhom ikunu soġġetti għal verifika, hu innutat li l-White Paper ma tiddistingwix bejn il-partiti l-kbar li għandhom turnover ta’ miljuni fis-sena u Alternattiva Demokratika li t-turnover tagħha ma jaqbiżx il-€15,000 fis-sena.   F’dan ir-rigward Alternattiva Demokratika qed tipproponi li fil-każ ta’ partiti politiċi li t-turnover annwali tagħhom ma jaqbiżx il-€100,000, l-ispejjes konnessi mal-verifika annwali jitħallsu mir-regolatur.

L-qalba tal-proposti fil-White Paper jirrigwardaw id-donazzjonijiet lill-partiti politiċi u kif dawn għandhom ikunu regolati. Alternattiva Demokratika jidhrilha illi l-limiti illi tipproponi l-White Paper huma għoljin wisq. Fil-fehma ta’ Alternattiva Demokratika, filwaqt li donazzjonijiet taħt l-€4,000 fis-sena għandhom jibqgħu protetti bil-kunfidenzjalita’, d-donazzjonijiet bejn l-€4,000 u l-€40,000 fis-sena għandhom ikunu pubbliċi u tingħata informazzjoni dwarhom lir-regolatur. M’ghandux ikunu possibli li donazzjonijiet jaqbżu l-€40,000 fis-sena.

L-White Paper ma titkellimx dwar self mill-partiti politiċi u in partikolari tinjora l-possibilita li s-self jista’ jintuża biex jostor donazzjonijiet u b’hekk ikunu evitati l-proċeduri ta’ trasparenza. Il-White Paper l-anqas ma teżamina l-kontrolli meħtieġa fuq l-attivita’ kummerċjali tal-partiti kif l-anqas ma teżamina kif jista’ jkun hemm iktar kontrolli effettivi dwar l-użu mill-partiti politiċi ta’ propjeta pubblika.

L-ammonti li l-White Paper tistabilixxi bħala l-għola infieq permissibli fil-kampanja elettorali huma għoljin wisq u għandhom jonqsu minn dak propost. Alternattiva Demokratika qed tipproponi illi l-infieq tal-kandidati m’għandux jaqbeż l-€4,000 fil-każ ta’ elezzjoni generali u €20,000 fil-każ tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. L-infieq fil-kaz tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali hu propost li jkun bejn €2,000 u €4,000 skond id-daqs tal-Kunsill.

L-White Paper tinjora l-limitu neċessarju ta’ infieq mill-partiti politiċi fl-elezzjonijiet. Dan m’huwiex aċċettabbli u jeħtieġ li jkun rimedjat meta titfassal il-liġi.

Matul il-gimgħat li ġejjin Alternattiva Demokratika tistenna illi tiddiskuti l-veduti tagħha mal-Gvern.

Advertisements

Tiftakru l-Bank of Vassallo?

Bank of Vassallo

Il-White Paper ippreżentata mill-Gvern il-bieraħ dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi hu pass tajjeb il-quddiem li dwaru Alternattiva Demokratika  tkellmet f’kull programm elettorali tagħha mill-1992 lil hawn.

Naqbel 100% mal-prinċipji ta’ trasparenza u kontabilita’ li l-White Paper tmexxi l-quddiem iżda hemm ħtieġa ta’ diskussjoni fil-fond fuq id-dettalji, ċjoe fuq kif ser titħaddem l-eventwali liġi.

L-ammonti dwar donazzjonijiet li huma proposti fil-White Paper huma għoljin wisq u għandhom jonqsu,  bħalma għandhom jonqsu l-limiti dwar l-infieq permissibli minn kandidati fl-elezzjonijiet diversi. Naħseb li hu esaġerazzjoni illi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jibda ma donazzjoni ta’ €10,000 kif tipproponi l-White Paper. Tajjeb li niftakru li €10,000 huma ftit iktar minn paga minima ta’ persuna waħda għal sena sħiha. L-ammont li jekk jinqabeż ikun hemm notifika dwaru għandu jkun ferm iktar baxx minn hekk. Fil-programm elettorali ta’ Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni ta’ Marzu 2013 ipproponejna li dan it-threshold għandu jkun ta’ €4,000. Jidhirli li dan hu ferm iktar raġjonevoli minn dak li tipproponi l-White Paper.

Il-White Paper ma titkellimx dwar self li l-partiti politiċi jista’ jkollhom minn żmien għal żmien. Konna smajna ftit qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kif il-Partit Nazzjonalista kien issellef madwar kwart ta’ miljun euro mingħand il-Bank of Vassallo. Dakinnhar kien intqal li din kienet transazzjoni kummerċjali u li dan kien self li kien ser jitħallas lura.  Jekk tħallasx lura jew le ma nafx. Imma jibqa’ l-fatt li hu mċajpar fejn qiegħed il-punt ta’ diviżjoni bejn l-attivita’ kummerċjali  u l-ħidma politika tal-partiti politiċi. Il-White Paper m’hi xejn ċara dwar dan.

Hemm imbagħad it-taparsi self li jista’ jsir lill-partiti bħalma ġara fl-Ingilterra xi snin ilu. L-iskandlu fl-Ingilterra dakinnhar kien li dawn ma kienux każijiet ta’ self imma ta’ għotjiet sostanzjali moħbija biex jevitaw li jkunu dikjarati bħala tali. Dwar dan it-tip ta’ logħob il-White Paper hi siekta ukoll.

Fil-White Paper ma hemm l-ebda referenza għall-infieq permissibli mill-partiti politiċi waqt kampanja elettorali.  Nistaqsi: hu aċċettabbli li partit politiku f’Malta jonfoq il-miljuni f’kampanja elettorali? Jiena naħseb li dan it-tip ta’infiq hu esagerazzjoni.  Huwa nuqqas gravi li hu injorat. L- anqas ma huma raġjonevoli il-limiti l-ġodda proposti għal-infieq mill-kandidati.  L-€1,400 limitu tal-lum għal kandidat f’elezzjoni ġenerali hu redikolu u l-parti l-kbira tal-kandidati kienu jinjorawh.  Imma l-€25,000 limitu għal infieq minn kandidat għal elezzjoni ġenerali hu għoli wisq. Mhux għax m’hemmx min diġa jonfoq iktar minn hekk. Imma għax hu esaġerazzjoni li m’għandux ikun permess. L-elezzjoni mhiex battalja ta’ min jonfoq l-iktar, iżda battalja ta’ ideat. Eżerċizzju biex nikkonvinċu lill-elettorat mhux eżerċizzju ta’ l-isbaħ kuluri u parties. Biċ-ċifri proposti għal infieq li jkun permess il-White Paper qed tagħti messaġġ żbaljat.

Il-Kummissjoni Elettorali ma tistax tkun l-aħjar regolatur għax tul is-snin u għal raġunijiet storiċi ukoll ġiet ikkapparata mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista. Fil-Parlament bħalissa qed issir diskussjoni dwar l-istandards ta’ inġieba u etika fil-ħajja pubblika. Dak hu l-forum addattat. Hemmhekk il-Gvern u l-Opposizzjoni qed jaqblu li għandu jkun hemm persuna indipendenti li tissorvelja l-imġieba fil-ħajja pubblika. Tajjeb li l-finanzjament tal-partiti jkun regolat f’dan l-istess qafas.

Il-White Paper titkellem ukoll dwar il-ħtieġa tar-reġistrazzjoni tal-partiti u tipproponi diversi miżuri li bihom għandhom ikunu irregolati l-partiti politiċi. Naħseb illi f’dan il-qasam il-White Paper qed tidħol f’ħafna dettal żejda. Ikun għaqli li wieħed jillimita ruħu għal dak li hu essenzjali.

F’dawn il-ġranet il-Gvern permezz tas-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici ser jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-proposti li saru fil-White Paper. Owen hu persuna li kapaċi tisma’.  Alternattiva Demokratika fi ħsiebha tiltaqa’ miegħu biex twassal proposti dettaljati dwar kif il-finanzjament tal-partiti jista’ jkun regolat b’mod adegwat.

B’hekk nassiguraw li mhux biss nagħmlu pass il-quddiem, iżda li dan il-pass ikun ukoll fis-sod.

ippubblikat fuq iNews l-Erbgħa 5 ta’ Frar 2014