Bejn il-Berġa ta’ Kastilja u l-Berġa tal-Baviera

auberge_de_castille_fullsizeAuberge de Baviere 2

Il-liġi tal-esproprijazzjoni tagħti l-poter lill-Gvern biex fejn ikun hemm interess pubbliku jieħu art jew propjetà u jagħti kumpens għalihom.

L-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu dwar il-binja f’36 Triq iz-Zekka l-Qadima l-Belt Valletta jenfasizza li ma kien hemm l-ebda interess pubbliku fil-kaz. Allura l-Gvern ma kellu l-ebda awtorità li jixtri ż-żewġ ishma li xtara.

Il-fatt li xtara meta ma kellu l-ebda awtorità jfisser li abbuża mill-poter li tagħtih il-liġi. Għalhekk il-proċess kollu, mill-bidu sal-aħħar, li permezz tiegħu il-Gvern xtara total ta’ nofs il-binja 36 fi Triq iz-Zekka l-Qadima hu abbuż ta’ poter.

Min gawda minn dan l-abbuż?

Kien ikun għaldaqstant ferm iktar korrett kieku Joseph Muscat il-membru parlamentari ħarrek lil Joseph Muscat il-Ministru responsabbli mill-artijiet u jakkużah li l-Gvern tiegħu wettaq abbuż ta’ poter. Abbuż ta’ poter li seħħ bejn il-Berġa ta’ Kastilja, l-uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Berġa tal-Baviera fejn hi amministrata l-propjetà tal-Gvern.

Michael Falzon vittma?

Michael Falzon 5

Qed jingħad li Michael Falzon hu vittma, għax kellu jirriżenja minkejja li ma għamel xejn ħażin. Huwa stess emfasizza li fl-ebda ħin ma ndaħal, la biex saru l-istimi u fl-ebda materja oħra konnessa mal-esproprijazzjoni.

Kull persuna politika f’kariga eżekuttiva trid iġġorr ir-responsabbiltà politika għall-ħidma tad-dipartimenti li jkunu responsabbli għalihom. Spiss insegwu politiċi jiftaħru bil-ħidma tad-dipartimenti differenti. Konferenzi stampa ma jispiċċaw qatt, artikli fl-ewwel paġna tal-gazzetti u xandir ta’ aħbarijiet fuq ir-radju u it-TV. Anke meta l-politiku ma jkun għamel xejn, jippretendi li jieħu l-mertu.

Bl-istess mod li l-politiku jieħu l-mertu meta l-ħidma tagħti riżultati tajbin irid jieħu t-tort meta l-effetti jkunu negattivi.

Il-politiku f’kariga eżekuttiva jkollu l-għajnuna fil-ħidma tiegħu. Din hi l-funzjoni tas-segretarjat privat tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Smajna tul il-ġimgħat li għaddew kif il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom id-dritt li dawk ta’ madwarhom ikunu persuni li huma jkollhom fiduċja fihom. Il-ħatriet ta’ dawn il-persuni qrib il-politiċi spiss jirreferu għalihom bħala trusted persons li jokkupaw positions of trust. Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom bżonn madwarhom lil dawn il-persuni li fihom ikollhom fiduċja, biex ikollhom min jassistihom fit-twettiq tal-missjoni politika tagħhom. Dan jagħmluh billi jgħinu lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari fit-twettiq tal-politika tal-Gvern, iżommuhom infurmati dwar x’ikun qed jiġri fid-Dipartimenti u Awtoritiajiet differenti u jagħtuhom il-pariri meħtieġa dwar dak li jinqala’ minn żmien għal żmien.

Allura l-mistoqsija li teħtieġ tweġiba mhiex jekk Michael Falzon kienx vittma, imma ta’ min kien vittma.

X’għamlu l-persuni ta’ fiduċja madwar Michael Falzon biex jassiguraw ruħhom li kien infurmat sewwa dwar id-deċiżjonijiet li kien mitlub jieħu dwar l-esproprijazzjoni ta’ 36 Triq iz-Zekka l-Qadima l-Belt Valletta? It-tweġiba issibuha fir-rapport tal-Awditur Ġenerali.

Insibu, per eżempju, fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li wieħed mill-impjegati fis-segretarjat privat ta’ Michael Falzon [li minn sorsi oħra jidher li kien magħruf bħala l-King tal-Lands, żagħżugħ ta’ 23 sena] akkumpanja lil Marco Gaffarena f’laqgħat fid-Dipartiment ma’ Direttur Ġenerali u Direttur li issa irriżenjaw. Imkien ma jidher li nżammu minuti ta’ dawn il-laqgħat. Għalhekk mhux magħruf x’intqal u x’ġie diskuss f’dawn il-laqgħat.

Il-persuni ta’ madwarek jistgħu jagħmlulek ġid kbir. Imma jistgħu ukoll ifarrkuk. Skond kemm ikunu kapaċi.

Ikun tajjeb kieku l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jifhmu li filwaqt li huwa sewwa li jkollhom il-persuni tal-fiduċja tagħhom madwarhom dawn għandhom ikunu kapaċi għal xogħolhom. Għax fl-aħħar dak li tiżra’ taħsad.

Imbagħad inutli toqgħod teqred li inti vittma.

Lil Michael Falzon qabżitlu ċ-ċinga

Michael Falzon-Resignation-200116

Wara li ħadet il-ġurament tal-ħatra, Deborah Schembri, Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċess Amministrattiv bdiet fuq nota tajba. Qalet li m’għandniex niżirgħu dubji dwar ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali. Għandna l-obbligu li nitgħallmu minnhom. Huwa kumment f’waqtu u jpatti ftit għall-ħsara istituzzjonali bil-kummenti goffi ta’ Michael Falzon nhar l-Erbgħa hekk kif irriżenja minn Segretarju Parlamentari.

Falzon, li kien ilu jaqla’ ġo fih xhur sħaħ, żbroffa l-bieraħ meta xebbaħ partijiet mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-esproprijazzjoni ta’ 36 Triq iz-Zekka l-Qadima l-Belt Valletta ma’ diskors tal-Kap tal-Opposizzjoni. Falzon soltu jkun meqjus fi kliemu, iżda l-bieraħ qabżitlu ċ-ċinga.

Huwa tajjeb li l-istituzzjonijiet nirrispettawhom. Meta naqblu mal-konklużjonijiet tagħhom ma hemm l-ebda diffikulta biex nuru dan ir-rispett. Ir-rispett reali nuruh meta l-konklużjonijiet ikun iebsa u jesponu d-difetti fit-tħaddim tal-amminstrazzjoni pubblika.

Huwa tajjeb li nifhmu lkoll li din hi l-funzjoni tal-Awditur Ġenerali : li jgħarbel il-ħidma u l-infieq tal-amministrazzjoni pubblika biex jassigura li flusna qed jiġu użati kif inhu xieraq. Il-ħidma tal-Awditur Ġenerali dejjem ser tkun ta’ kontroversja. Ġieli ftit u ġieli ħafna. Bil-fors irid ipoġġi subgħajh fuq il-feriti u d-dnubiet tal-amministrazzjoni pubblika. Jekk ma jagħmilx dan ikun qiegħed hemm għalxejn.

Ikun xieraq li napprezzaw il-ħidma tiegħu għax, kif ngħidu, hi dejjem ħidma għat-telgħa. Għalhekk il-kumment ta’ Deborah Schembri l-bieraħ kif floku. Huwa tajjeb li jkun hemm min jisma’ aħjar x’għandu xi jgħid l-Awditur Ġenerali. Huwa b’hekk li jista’ jkollna amministrazzjoni pubblika li tagħti servizz aħjar, lil kulħadd.