L-iskandlu tal-Volkswagen fit-toroq Maltin

BBC.VW cheating

 

In-numru ta’ karozzi fit-toroq tagħna hu wieħed kbir, anzi hu kbir ħafna. It-toroq ma jesgħux daqstant karozzi tant li f’xi ħinijiet dawn ikunu ġġammjati bħalma rajna dal-għodu, issa li reġgħu bdew l-iskejjel. Skond iċ-ċifri uffiċjali, sa l-aħħar ta’ Ġunju fit-toroq tagħna kellna 340,981 karozza, inkluż dawk ta’ użu kummerċjali. Jiġifieri 802 karozza għal kull 1000 ruħ li hawn f’Malta u Għawdex.

Hemm ħtieġa li jonqsu l-karozzi fit-toroq. Dan jista’ jseħħ biss kemm-il darba t-trasport pubbliku jagħmel il-qabża tant meħtieġa fil-kwalità, biex ikun użat iktar u b’hekk joffri alternattiva kredibbli u prattika għall-użu tal-karozzi privati.

Sadanittant bosta jibqgħu jagħmlu użu minn karozzi privati, b’numru li qiegħed dejjem jiżdied u li qed ikompli jħassar il-kwalità tal-arja ta’ pajjiżna. Il-posizzjoni dejjem qed tmur għall-agħar meta uħud minn dawk li jimmanifatturaw il-karozzi, minn fuq, jabbużaw mill-posizzjoni tagħhom.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li l-Iżviżżera waqqfet temporanjament il-bejgħ tal-mudelli tal-karozzi li jaħdmu bid-diesel li tipproduċi l-Volkswagen u li sal-lum hu magħruf li huma effettwati mill-iskandlu tal-emmissjonijiet moħbija. L-iskandlu tal-Volkswagen.

Il-karozzi effettwati, mudelli li jaħdmu bid-diesel li ġew immanifatturati bejn l-2009 u l-2015 huma VW Jetta, Beetle u Golf, il-mudell Passat tal-2014-15, u l-mudell Audi A3 ta’ bejn l-2009 u l-2015. Minn dawn jidher li hemm ħdax-il miljun karozza imxerrda mat-toroq tad-dinja.

F’Malta sadanittant l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għax nhar is-Sibt tħabbar li Transport Malta fl-aħħar bdiet tiċċaqlaq u talbet l-informazzjoni lill-aġenti lokali biex tkun tista’ tagħmel il-verifiki meħtieġa.

X’qed tistenna Trasport Malta biex bħall-Isvizzera temporanjament twaqqaf il-bejgħ ta’ dawn il-karozzi billi żżommilhom il-ħruġ tal-liċenzja? X’qed tistenna Transport Malta biex tissospendi temporanjament il-liċenzji ta’ dawn il-karozzi diġa fit-toroq tagħna u mgħammra b’dan l-apparat li jaħbi t-tniġġiż rejali li jikkawżaw?

It-tniġġiz li qed jikkawzaw dawn il-karozzi huwa wieħed sostanzjali. Skond dak li diġa ntqal fil-media dan it-tniġġiż ivarja bejn 20 darba u 35 darba dak li hu permess.

L-istorja ħarġet fil-media l-ġimgħa l-oħra, imma r-riżultati tat-testijiet li saru ilha magħrufa 18-il xahar. Imma f’dawn it-18-il xahar ma sar xejn la mill-kumpanija Volksvagen u l-anqas mill-Gvern Ġermaniż, bit-tama li l-istorja tintesa.

Minflok, matul dawn it-18-il xahar inbiegħu iktar karozzi. B’hekk żdiedu iktar il-karozzi fit-toroq li jniġġsu ħafna iktar milli hu permess.

Hemm bżonn li Transport Malta tfittex tieħu passi billi tneħħi mit-toroq tagħna dawn il-karozzi li qed iniġgsu ħafna iktar milli hu permissibli. Irid jieqaf ukoll immedjatament il-bejgħ ta’ dawn il-karozzi sakemm isirulhom l-aġġustamenti neċessarji biex it-tniġġis li jikkawzaw jinġieb f’livell aċċettabbli.

Huma f’dawn il-mumenti li jkollna l-provi dwar kemm l-awtoritajiet f’Malta jaħdmu fl-interess tagħna lkoll.

kummentarju imxandar fuq RTK – It-Tnejn 28 ta’ Settembru 2015

L-iskandlu tal-Volkswagen

Volkswagen. Das Cheater

 

Id-dettalji tal-iskandlu tal-Volkswagen  fl-iStati Uniti tal-Amerika għadhom ħerġin. L-istorja kollha, forsi, għadha mhux magħrufa s’issa.

Jidher li dan l-iskandlu jinvolvi madwar nofs miljun karozza li taħdem bid-diesel (qed issemma ukoll iċ-ċifra ferm ikbar ta’ 11-il miljun karozza) kif ukoll żieda ta’ madwar miljun tunellata ta’ emmissjonijiet ta’ NOx li jniġġzu l-arja u li  fil-parti l–kbira tagħhom huma ta’ ħsara għas-saħħa.

Dan jidher li seħħ minħabba li diversi karozzi prodotti mill-kumpanija Volkswagen kellhom apparat elettroniku stallat li kien inaqqas it-tniġġiz meta l-karozzi jkunu qed jiġu ittestjati liema apparat iżda ma kienx jaħdem f’ħin ieħor. Jidher li l-logħba kienet permezz ta’ software li kien istallat biex meta l-karozza tkun qed tiġi misjuqa b’mod normali l-kontrolli tal-emmissjoniiet kienu jintfew awtomatikament b’mod elettroniku. Dawn il-kontrolli iżda, kienu jerġgħu jinxtegħlu awtomatikament meta jkun għaddej xi test tal-emmissjonijiet.

Il-karozzi effettwati, mudelli li jaħdmu bid-diesel li ġew immanifatturati bejn l-2009 u l-2015 jidher li huma VW Jetta, Beetle u Golf, il-mudell Passat tal-2014-15, u l-mudell Audi A3 ta’ bejn l-2009 u l-2015.

Volkswagen qed tikkalkula li dan l-iskandlu ser jiswielha €6.5 biljuni fi ħsarat u possibilment mat-$18-il biljun f’multi fl-iStati Uniti tal-Amerika fejn ġie identifikat dan l-abbuż. Dan aparti multi f’pajjiżi oħra, kif ukoll, possibilment, proċeduri kriminali kontra d-diriġenti tal-kumpanija.

Il-ħsara lir-reputazzjoni tal-kumpanija, ukoll, diġa hi kbira ħafna.

Iktar tard illum, il-Kumitat tal-Ambjent tal-Parlament Ewropew ser jikkonkludi d-diskussjoni dwar abbozz ta’ leġislazzjoni li taġġorna r-regolamenti dwar it-tniġġiz mill-karozzi Euro 5 u Euro 6 applikabbli fl-Unjoni Ewropeja. Fi stqarrija li ħareġ il-bieraħ,  il-kelliemi tal-Ħodor Ewropej Bas Eickhout qal li ilu magħruf li l-manufatturi tal-karozzi fl-Unjoni Ewopeja qed iduru mar-regoli tat-tniġġiz tant li m’humiex josservawhom. L-iskandlu tal-Volkswagen fl-Istati Uniti għandu tiftaħ beraħ għajnejn kulħadd dwar dak li fil-fatt qed jiġri.

Nistennew li nkunu infurmati jekk ġewx mibjugħa minn dawn il-karozzi f’Malta u x’passi ser jittieħdu dwarhom.