Lejn politika marittima integrata

MaltaFish1

Huwa tajjeb li f’dawn il-jiem diversi esponenti tal-Gvern tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ politika marittima integrata. Kliem f’dan is-sens intqal fil-kuntest tal-Jum Marittimu imfakkar b’attivitajiet diversi inkluż biż-żjara tal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi w is-Sajd Maria Damanaki.

Hu floku li Malta bħala Gżira tagħti iktar importanza lill-baħar ta’ madwarna. Imma huwa daqstant importanti li nifhmu illi hu meħtieġ li jkun hemm politika marittima integrata fuq livell Mediterranu. L-istess bħalma l-Unjoni Ewropea tfittex li tintegra l-ħidma tagħha fid-Danubju, fil-Baltiku u riċentement fl-Atlantiku permezz ta’ makrostrateġija għal dawn ir-reġjuni huwa meħtieġ ukoll li l-ħidma fil-Mediterran tkun iktar integrata b’użu iktar iffukat tar-riżorsi allokati.

Huwa f’dan il-kuntest li fil-ġranet li għaddew għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika tlabt li l-MEUSAC jiddiskuti din il-materja. Għax filwaqt li Malta tagħmel sewwa li tfassal u tiddiskuti politika marittima integrata hu meħtieġ li din il-politika tirrispondi għal dak li qed jiġri madwarna.

Fost l-issues injorati tul is-snin u li dwarhom ktibt diversi drabi hemm dak tal-kriminalita’ organizzata Taljana u l-mod kif tul is-snin għerrqet fil-Mediterran mat-42 vapur bi skart tossiku u jew nukleari. L-impatt ta’ dan hu enormi.

Tajjeb li niftakru li madwar 60% tal-ilma li nixorbu jiġi mill-baħar. Il-baħar jipprovdi l-għejxien tas-sajjieda tagħna. Hu parti importanti ukoll mill-prodott turistiku ta’ Malta.

Ghalhekk hu xieraq li nagħtu iktar importanza lill-issues marittimi. Hi opportunita unika biex ikunu integrati flimkien il-politika ambjentali u l-politika ekonomika. B’dan il-mod pajjiżna jista’ jibbenefika bil-bosta minn dik li tissejjaħ il-blue economy.

Advertisements