Għall-MEPA, “l-iżvilupp” dejjem ġie qabel ir-residenti

MEPA_building

 

Fil-fehma tiegħi, għall-MEPA, r-residenti m’għandhom l-ebda importanza. Anzi, ħafna drabi l-attitudni hi li r-residenti qegħdin fin-nofs, joħolqu ostaklu għal dak li uħud isejħulu żvilupp.

Eżempji għandna kemm irridu. Il-power station ta’ Delimara, darbtejn. Kemm dik tal-BWSC kif ukoll tal-gass. L-iżvilupp massiċċ residenzjali ta’ Fort Cambridge, Pender Gardens, u l-Ponta ta’ Tigne (Tal-MIDI). Kollha kemm huma żvilupp insensittiv li ġie jaqa’ u jqum mir-residenti. Dan kollu hu mifrux fuq bordijiet differenti tul is-snin.

Hemm ukoll il-Port Ħieles li hu viċin wisq taż-żona residenzjali ta’ Birżebbuġa. Tant li l-istorbju tal-ħidma fit-terminal tal-Port Ħieles tinstema minn diversi partijiet ta’ Birżebbuġa. Bħalma jhezzez kull m’hemm id-dredging li jsir f’kull ħin tal-ġurnata, bla rispett lejn ħadd.

Il-bieraħ quddiem il-Bord tal-MEPA kien hemm laqgħa oħra imqanqla dwar waħda mill-applikazzjonijiet li għadhom pendenti dwar il-Port Ħieles. Kont hemm nassisti lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Diversi membri tal-Bord tal-MEPA għadhom ma jistgħux jifhmu għaliex kull min hu assoċjat ma’ Birżebbuġa ma tantx għandu opinjoni tajba tal-MEPA. Ilkoll niftakru kif f’April tal-2014 il-Bord tal-MEPA b’maġġoranza kbira kien approva emenda għall-permess ambjentali tat-terminal tal-Port Ħieles biex jippermetti tiswijiet fuq oil rigs u vapuri fil-Port Ħieles . Kien biss wara li qamu r-residenti ta’ Birżebbuġa li l-Gvern ġie f’sensieh u li l-management tat-terminal tal-Port Ħieles irtira mill-posizzjoni tiegħu billi rrinunzja għall-emendi li kienu għadhom kif ġew approvati.

Dan kollu hu diffiċli li jintesa għax l-istess nies li ħadu dawn id-deċiżjonijiet għadhom hemm. L-hekk imsejjaħ żvilupp dejjem ingħata prijorità.  Għax r-residenti m’humiex meqjusa importanti.

Sadanittant il-bieraħ il-Bord tal-MEPA, wara li sema’ l-ilmenti kontra l-mod kif ftit ftit l-iżvilupp tal-Port Ħieles qed joħnoq lill-Birżebbuġa,  ma ħax deċizjoni għalissa u talab iktar informazzjoni. Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Anke l-Bord ta’ qablu ġieli għamel hekk. Issa naraw xi jmiss!

Advertisements

Kastilja bir-remote control tal-MEPA

MEPA + gov logo

 

Il-MEPA u Kastilja huma ħaġa waħda,  qalilna l-kelliemi tal-PN Ryan Callus. Dan il-kumment qalu b’referenza għax-xhieda tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttiġieg fil-Parlament [Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp] dwar l-Università fiż-Żonqor u kif huwa ġie mqabbad iħejji r-rapport dwar kemm kienet addattata jew le l-art fiż-Żonqor għall-ħsieb li kellu l-Gvern.

L-Onorevoli Ryan Callus hu korrett. Li ma qalx Ryan Callus kien li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma bidilx il-liġi (s’issa) imma għamel użu minn dak li sab.

Nistieden lil Ryan Callus biex jgħarbel ftit il-ħidma tal-MEPA tul is-snin. Meta jagħmel dan ikollu idea ħafna iktar ċara tal-ħsara kbira li saret mill-partit tiegħu fil-Gvern meta ħoloq strutturi u għamel ħatriet li kienu jippermettu ndħil kontinwu min-naħa tal-Gvern. Fil-fatt il-Gvern ilu ħafna jindaħal lill-MEPA f’dak kollu li tagħmel! Xi drabi dan kien ovvju iktar minn oħrajn tant li kien hemm żmien li l-MEPA kien qiesha qed titmexxa bir-remote control mill-uffiċċju tal-Ministru jew minn Kastilja. Dan kien possibli prinċipalment għax dawk maħtura biex imexxu ma kienux il-persuni addattati.

Ma nafx jekk Ryan Callus iqiesx dan bħala żball da parti tal-Gvern immexxi mill-PN, inkella sabutaġġ da parti tal-PN fil-mod kif kienu (u għadhom) jaħdmu l-istituzzjonijiet.

Fuq dan il-blog jista’ isib artikli kemm irid dwar is-suġġett biex jekk ikun irid l-Onorevoli Callus jiffriska ftit il-memorja tiegħu u ta’ sħabu.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Alternattiva Demokratika ipproponiet miżura li tista’ tnaqqas dan l-indħil billi żżid il-possibilità li jinħatru persuni aħjar minn dawk li nħatru s’issa kemm fuq il-Bord tal-MEPA kif ukoll bħala l-uffiċjali ewlenin tagħha. Dan ikun jista’ isir billi b’liġi tingħata setgħa lill-Parlament [permezz tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp] biex dan ikun jista’ jgħarbel fil-pubbliku l-ħatriet li jkun ser jagħmel il-Gvern. U jekk ma jaqbilx ikun jista’ jinblokka dawn il-ħatriet.

Jekk irid jista’ jaqra l-proposta tal-2013 hawn.  Għax Alternattiva Demokratika mhux tikkritika biss imma tagħmel (u għamlet) proposti konkreti ukoll.

Il-bikja tal-kukkudrill tkompli ………… dwar l-art f’Ħ’Attard

crocodile tears3

 

L-art fi Triq Dun Mikiel Xerri  u Triq Dun Ġwann Theuma f’Ħ‘Attard tista’ tinbena u dan grazzi għal deċiżjoni tal-Parlament fl-2006 li għamilha tajba għall-bini. Mhux din l-art biss. Hemm ukoll artijiet oħra, diversi, li huma mxerrda ma Malta kollha.

Issa s-sidien tal-art għaddejjin bl-applikazzjoni tagħhom mal-MEPA biex jaraw li jkunu jistgħu jibnu l-iktar possibli fuq din l-art.

Sadanittant ikollna Membri tal-Parlament li jiġu jagħtu l-appoġġ lir-residenti li ma jaqblux ma dan l-iżvilupp. Ma jgħidulhomx lir-residenti li huma kienu jiffurmaw parti minn dak il-Parlament li approva dan l-iżvilupp fil-prinċipju.

Illum il-Bord tal-MEPA iddeċieda li jirrifjuta l-applikazzjoni tas-sidien. Imma kien ċar li dawn għandhom dritt li jerġgħu japplikaw. Kull ma ġara hu li d-deċiżjoni forsi tittieħed darba oħra, fix-xhur li ġejjin.

Il-dmugħ tal-kukkudrill, iżda, jkompli.

Smajna illum lill-Onorevoli David Agius jispjega lill-Bord tal-MEPA kemm huwa kien kontra li din l–art tista’ tinbena. Kieku seta, qal, ivvota kontra. Imma ma setax! Anzi. Qal li issa lest li jippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex din l-art ma tinbeniex.

Ovvjament b’dan il-bluff kollu l-Onorevoli David Agius kien qed jilgħab għall-gallarija. Għax jibqa’ l-fatt illi ma jista’ jiċħdu ħadd illi fis-siegħa tal-prova, fl-2006, l-Onorevoli David Agius  kien jifforma parti mill-grupp parlamentari li appoġġa l-proposta li l-art f’Ħ’Attard b’faċċata fuq Triq Dun Mikiel Scerri u Triq Dun Ġwann Theuma tkun tista’ tkun żviluppata.

Id-dmugħ tal-kukkudrilli illum ma jibdilx id-deċiżjoni tal-bieraħ.

 

Fil-Port Ħieles ……………. issa x’imiss?

freeport.aerial viw

 

Kienet aħbar tajba dal-għodu li l-permess ambjentali tal-Port Ħieles inbidel biex ġie kif kien qabel ma ħolmu bit-tiswija tal-oil rigs u l-vapuri.

Il-MEPA ġimgħat ilu ħadu d-deċiżjoni li jpoġġu l-vantaġġ kummerċjali tal-Port Ħieles qabel dak li xtaqu r-residenti. Hekk iddeċidew. Ippruvaw ukoll kważi jgħadduna biż-żmien waqt il-laqgħa tal-Bord tal-MEPA meta l-każ kien qed jiġi ikkunsidrat.

Tlett membri tal-Bord tal-MEPA dakinnhar fehmu lin-nies u ivvutaw kontra l-permess ambjentali li kien jippermetti t-tiswijiet tal-oil rigs u l-vapuri. Insellmilhom. Lil Alex Vella mir-Ramblers li jwassal fuq il-Bord tal-MEPA il-leħen tal-għaqdiet ambjentali. Lil Ryan Callus (PN) u Joe Sammut (PL) li ukoll taw l-appoġġ tagħhom lir-residenti ta’ Birżebbuġa.

Ankè Joseph Muscat, Prim Ministru, dakinnhar kien iddikjara li d-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA ma kienitx aċċettabbli. Muscat, dakinnhar kien assoċja ruħu mal-posizzjoni li kien ħa Joe Sammut, membru Parlamentari Laburista fuq il-Bord tal-MEPA li kien ivvota kontra l-permess.

U issa?

Tajjeb li nirrejalizzaw li l-permess ġie irtirat fuq talba tal-Port Ħieles stess li irrealizza li ma setax jibqa’ jaħdem kontra l-volonta tar-residenti.

Jiġifieri l-MEPA m’għandha l-ebda mertu f’dak li qed jiġri. Li kien għal MEPA l-permess għadu hemm kif iddeċidew oriġinalment.

Jiena m’hu ser nitlob ir-riżenja ta’ ħadd. Billi m’għandhomx żejt f’wiċċhom, għalxejn nitlob li jirreżenjaw. Imma hu xieraq li l-Gvern jeżamina ftit x’tip ta’nies qed jaħtar fuq il-Bordijiet. Dan hu eżempju ċar li l-membri tal-Bord tal-MEPA, bl-eċċezzjoni ta’ Falzon, Callus u Sammut jiġu jaqgħu u jqumu min-nies. Tajjeb li jibqgħu jinħatru dawn it-tip ta’ nies? Naħseb li le. Iktar ma jwarrbu malajr, aħjar għal kulħadd.

_______________

Biex tara l-istorja kollha kif żviluppat ara l-blogposts segwenti fuq dan il-blog:

4 t’April 2014: Tarżna żgħira f’Birżebbuġa.

5 t’April 2014 : Oil rigs f’Birżebbuġa: Gvern li jipprova jgħaddik biż-żmien.

1 ta’ Mejju 2014: It-Tarżna fil-Port Ħieles.

It-Tarżna fil-Port Ħieles

freeport.aerial viw

Il-bieraħ għan-nom tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ippreżentajt appell mid-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA li l-permess ambjentali tal-Port Ħieles jkun jinkludi d-dritt li jsiru tiswijiet ta’ vapuri u oil-rigs.

Huwa tajjeb li mhux biss il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ma jaqbilx ma dan. Il-Gvern ukoll, madwar 4 ġimgħat ilu, permezz tal-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll iddikjara li ma jaqbilx.

Billi d-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA ma tirrispettax lin-nies mhux biżżejjed li l-Gvern jgħid li ma jaqbilx ma din id-deċiżjoni. Għandu ukoll l-obbligu li jipprova jara għaliex ħatar Bord li fid-deċiżjonijiet tiegħu ma jagħtix piż lill-aspirazzjonijiet u x-xewqat tan-nies.

Il-Port Ħieles anke għall-attivita’ ta’ kuljum tiegħu qiegħed viċin wisq tar-residenzi f’Birżebbuġa.

Tiswija ta’ vapuri u oil-rigs jonqos!

Minn Birżebbuġa sal-Isla: r-residenti jeħtieġu l-protezzjoni

oil rig

Alternattiva Demokratika semgħet l-ilmenti tar-residenti tal-Isla (prinċipalment dawk fi Triq is-Sur) dwar l-istorbju kontinwu pero’ prinċipalment bil-lejl bħala riżultat tal-oil rigs li qed isirulhom tiswijiet fit-Tarżna ta’ Palumbo. Ir-residenti tal-Isla tul Triq is-Sur sal-Ponta tal-Isla qed jgħaddu iljieli sħaħ bla mistrieħ minħabba l-istorbju prinċipalment iġġenerat minn xogħolijiet fuq dawn l-oil rigs.

Min ħa din id-deċiżjoni li jsir dan ix-xogħol mingħajr ma qabel eżamina l-konsegwenzi fuq ir-residenti?

It-Tarżna tul l-istorja  tagħha mhux l-ewwel darba li rritat lir-residenti kemm bi storbju kif ukoll bl-impatt tal-grit blasting.”   Il-fatt li t-Tarżna ta’ Palumbo  tmiss ma żona residenzjali titfa fuqha l-obbligu li tqis sewwa qabel ma tieħu deċiżjonijiet ta’ dawn it-tip. X’inhu jagħmel id-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA biex jipproteġi l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tal-Isla? Kellu jkun id-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA li jissorvelja u jieħu passi immedjati hekk kif ikun meħtieġ biex ikun provdut ħarsien mit-tniġġiż ikkażat mill-ħsejjes.

Jidher, sfortunatament, li d-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA m’huwiex sensittiv għall-ħtieġijiet tar-residenti. Mhux biss għal dawk tal-Isla. Il-ġimgħa l-oħra rajna kif l-istess Direttorat tal-Ambjent irrakkomanda lill-Bord tal-MEPA biex l-istess attivita ta’ tiswijiet ta’ oil rigs tkun permessa fil-Port ta’ Marsaxlokk, mal-mollijiet tal-Port Ħieles. Għalkemm il-Bord tal-MEPA approva l-permess għal dawn l-attivitajiet fil-Port Ħieles kien ta’ sodisfazzjon li r-rapprezentant tal-għaqdiet ambjentali fuq il-Bord tal-MEPA ingħata l-appoġġ mir-rappreżentanti tal-Parlament fuq dan il-Bord fil-vot kontra dan il-permess.

Alternattiva Demokratika tinnota li l-ġimgħa l-oħra l-Gvern iddisassoċja ruħu mill-permess għat-tiswija tal-oil rigs fil-Port Ħieles. Ikun ferm għaqli kieku l-Gvern jikkommetti ruħu li din it-tip ta’ attivita’ ma issir ħdejn l-ebda żona residenzjali f’Malta jew Għawdex.

Nistennew li l-Gvern jieħu posizzjoni ċara f’qasir żmien għax ir-residenti ta’ kull parti ta’ Malta jeħtieġu din il-protezzjoni. Mhux biss dawk ta’ Birżebbuġa u l-Isla, imma f’kull rokna ta’ dawn il-gżejjer.

Oil rigs f’Birżebbuġa: Gvern li jipprova jgħaddik biż-żmien

freeport.aerial viw

Mela l-gvern sema’ l-karba tal-poplu ta’ Birżebbuga dwar it-trasformazzjoni tal-Port Ħieles f’Tarżna żgħira. Jekk dan hu hekk tajjeb hafna.

Imma eżattament il-Gvern x’qiegħed jgħid?

L-istqarrija sħiħa tal-Gvern tgħid hekk:

Il-Gvern se jappella mid-deċiżjoni tal-MEPA dwar manutenzjoni fil-Freeport Il-Gvern ma jaqbilx u qed joġġezzjona għall-ħruġ ta’ permess sabiex fil-Freeport isiru operazzjonijiet ta’ manutenzjoni ta’ riggijiet taż-żejt għal perjodu ta’ sena.   Il-pożizzjoni tal-Gvern hija riflessa mill-vot kontra tar-rappreżentant tal-Prim Ministru fuq il-board tal-MEPA, l-Avukat Joseph Sammut. Il-Gvern, għalhekk inkariga lill-Uffiċċju tal-Avukat Generali sabiex minn issa, jekk tali permess joħroġ, jappella kontra dan il-permess. Permessi simili ħarġu fil-passat għal żmien qasir biex isiru xogħlijiet fuq proġetti speċifiċi ħafna. Il-Gvern ma jaqbilx li din is-sistema tiġi mibdula u li l-Freeport jingħata permess miftuħ għal dawn ix-xogħlijiet.

Aqraw sewwa dak li tgħid l-istqarrija. L-ewwel net din tgħid li l-Gvern ma jaqbilx li ħareġ permess għal perjodu ta’ sena. Imbagħad jgħid li fil-passat ħarġu permessi għal żmien qasir u li l-Gvern ma jaqbilx li din is-sistema tiġi mibdula.

Dan kollu jfisser illi m’hu veru xejn li l-Gvern sema’ dak li qed jgħidu n-nies ta’ Birżebbuġa. Pjuttost li jrid jgħaddihom biż-żmien għax jippreferi li joħroġ permess għal żmien qasir.

Issa jekk il-permess joħroġ għal żmien qasir jew għal żmien twil fil-prattika x’differenza hemm?

Gvern li jisma? Pjuttost Gvern li jipprova jgħaddik biż-żmien!

 

 

Tarżna żgħira f’Birżebbuġa

freeport.aerial viw

 

Il-Bord tal-MEPA il-bieraħ approva tibdil fil-permess ambjentali tat-Terminal tal-Port Ħieles b’mod li dan jista’ jiżviluppa f’Tarzna żgħira.

Sal-lum kien possibli illi jekk vapur li jġorr il-containers tiżviluppalu ħsara din setgħet tissewwa fil-Port Ħieles stess. Din ma kienitx xi ħaġa ta’ kuljum. Kienet ukoll proċedura raġjonevoli.

Imma issa jridu jiftħu l-ħidma tal-Port Ħieles biex fih jissewwew oil rigs u vapuri. Tiswijiet żgħar iva. Imma dawn mhux posthom hemm għax il-Port Ħieles huwa viċin ħafna ta’ żona residenzjali.

Kif ikkwotani tajjeb l-Independent online, il-funzjoni tal-Port Ħieles hu it-trasbord tal-containers, u dawn ma jiġux fuq ir-riggijiet!

Dan mhux il-mod kif tkun ittrattata Birżebbuġa. Kif qal wieħed mir-residenti ta’ Birżebbuġa, ikkwotat kemm mill-Independent kif ukoll mill-maltarightnow.com “Ġimgħa ilu għamiltulna l-bomba tal-gass u issa għamiltulna s-sulfarina biex tqabbduha. Ħarrbattulna l-kwalita’ tal-ħajja f’Birżebbuga u se tagħmlulna Tarzna oħra f’Birżebbuga.”

Kummenti iżjed mhux meħtieġa da parti tiegħi.

Il-MEPA u l-froġa tal-Mistra Village

froga

Il-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar David Pace f’rapport li ġie ippubblikat il-bierah it-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2013 fi ftit kliem jgħid li l-permessi għall-iżvilupp mill-ġdid tal-Mistra Village huma froġa oħra tal-MEPA. Dan jagħmlu wara li mexxa investigazzjoni fuq talba ta’ Din l-Art Ħelwa.

Il-frejjeġ fil-MEPA li kienu jsiru taħt Lawrence Gonzi, George Pullicino u Mario Demarco għadhom qed isiru taħt Joseph Muscat u Michael Farrugia.

Hu ġustifikat, jgħidilna l-Kummissarju tal-Ambjent u l-Ippjanar, li l-permessi għall-iżvilupp tal-Mistra Village jkunu irtirati.

Ir-rapport li tistgħu taqrawh fuq is-sit elettroniku ta’ Din l-Art Ħelwa jagħti raġunijiet dettaljati biex jispjega għaliex il-Kummissarju David Pace wasal għal din il-konklużjoni. Ir-rapport jispjega xi tħalla barra fil-konsiderazzjonijiet li għamel id-Direttorat tal-Ippjanar u jgħid li l-Bord tal-MEPA kien iggwidat ħażin mill-Major Projects Unit tal-istess MEPA. Il-Bord tal-MEPA ngħata informazzjoni nieqsa u informazzjoni żbaljata.

F’pajjiż ċivilizzat il-Bord tal-MEPA kien jirreżenja en bloc wara deċiżjoni bħal din.

Darba waħda hekk kien sar meta l-Perit Joseph Falzon kien ħareġ rapport dwar il-permess abbużiv tal-LIDL ta’ Ħal-Safi fuq talba għal investigazzjoni li dakinnhar kienet saret minn Alternattiva Demokratika . Dakinnhar 6 minn 7 membri tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp li approvat il-permess kienu irriżenjaw lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2008.

Ma nafx kemm il-wieħed jew waħda mill-membri tal-Bord tal-MEPA għandhom il-kuraġġ li jammettu li għamlu żball u li għandhom iħallsu tiegħu billi jirreżenjaw.

Nistennew u naraw.

Il-permess tal-Mistra Village: ftit riflessjonijiet

Mistra Village proposed development

L-approvazzjoni għall-ħruġ ta’ permess finali biex dak li kien il-Mistra Village ikun żviluppat m’hu xejn ġdid. Bħalu kellna u ser ikollna bil-gzuz.

Imma hemm numru ta’ affarijiet li ġraw li ta’ min jaħseb ftit dwarhom.

L-ewwel nett insellem lil Simone Mizzi minn Din l-Art Ħelwa u Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar li ippresentaw il-każ f’isem is-soċjeta’ ċivili. Li ma rnexxilhomx jikkonvinċu maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA mhux tort tagħhom. L-approvazzjoni tal-permess hi kaġun tal-fatt li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA jaħsbuha b’mod differenti.

Kien hemm wieħed mill-membri tal-Bord li ddejjaq bil-kummenti li kienu għaddejjin u ħin minnhom żbroffa u qal li kulħadd irid jifhem li l-Bord tal-MEPA kif kostitwit illum għandu fuq spallejh obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ qabel.

Issa huwa veru li kien hemm outline permit, jiġifieri permess fil-prinċipju. Imma hu veru ukoll li fil-passat kien hemm ċirkustanzi li fihom il-Bord tal-MEPA xorta ma approvax permess ta’ żvilupp minkejja l-eżistenza ta’ outline permit. Hekk kien ġara fil-każ ta’ żvilupp mill-ġdid (redevelopment) tal-fabbrika tas-7 Up f’Santa Venera. Minkejja l-outline permit il-Bord tal-MEPA dakinnhar immexxi minn Austin Walker kien irrifjuta li joħroġ permess ta’ żvilupp.

Punt ieħor huma l-veduti li jikkuntrastaw fi ħdan il-PN. Ir-rapprezentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA ippropona li l-iżvilupp propost jitnaqqas u dan biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti. Dan jikkuntrasta mal-presenza tal-President tal-PN Dr Ann Fenech fil-kwalita’ tagħha ta’ konsulent legali tal-iżviluppaturi mill-Kuwait. Mhux biċċa tiegħi min ikunu l-konsulenti legali tal-iżviluppaturi. Imma huwa importanti li ninnotaw li President tal-Eżekuttiv tal-PN  xejn ma iddejqet li tagħti messaġġ li jikkuntrasta b’mod negattiv mal-posizzjoni li ħa r-rappresentant tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA.

Dan iġibni għall-aħħar osservazzjoni. Iż-żewġ partiti fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, it-tnejn li huma, kull wieħed bil-mod tiegħu, fittxew li jaġevolaw l-industrija tal-bini.

Tul is-snin il-PN ipprova jitħabbeb maż-żewġ naħat, kemm mal-industrija tal-bini kif ukoll mal-ambjentalisti. Ir-riżultat hu li m’għandu kredibilita’ ma ħadd għax ma tistax togħġob lil kulħadd.

Il-Labour hu iktar ċar: l-industrija tal-bini għalih hi mutur importanti għall-ekonomija. U ħalef li jagħtiha l-għajnuna kollha possibli. Hekk qed jagħmel. Qed jimxi ma dak li wiegħed.  Il-permess tal-Mistra Village hu wieħed li bħalu għad irridu naraw ħafna oħra.

Nipprotestaw? Iva mela le.  Huwa tajjeb li nuru li ma naqblux ma dawn id-deċiżjonijiet. Imma kien ikun aħjar li iktar nies fehmu x’wegħdu l-PN u l-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali. Kieku forsi kien ikun hemm bżonn ta’ inqas protesti.

Imma għal bosta dan it-tip ta’ “żvilupp” ma kienx konsiderazzjoni importanti qabel l-elezzjoni! Huwa biss issa li qed jirrealizzaw li wara kollox dan il-bini b’mod goff ser jeffettwalhom il-kwalita’ ta’ ħajjithom.

Imma issa l-froġa lesta.