IVA jew LE għall-iżvilupp?

The Towers Sliema

X’irridu?

Bini fil-għoli, iva jew le?

Bini fl-ODZ, ċertament li le.

Żvilupp mill-ġdid ta’ żoni dilapidati: hemm resistenza qawwja għar-riġenerazzjoni urbana.

Bini fuq il-baħar (land reclamation), ċertament li le.

X’irridu eżattament?

Ħaga li jeħtieġ li tinftiehem sewwa hi li l–art f’Malta hi limitata u allura kull binja żejda tagħmel il-ħsara bla bżonn. Ikun tajjeb kienu naqblu li ż-żoni żviluppati, jew li jistgħu jiġu żviluppati, huma diġa kbar wisq u li jeħtieġ li jibdew jonqsu mhux jiżdiedu.

L-unika ħaġa ċerta hi li hawn ftit iktar minn 70,000 post residenzjali vojt, inkluż dawk użati għall-villeġġatura, li b’mod ġenerali jagħmlu disa’ xhur tas-sena vojta. Din waħedha hi raġuni biżżejjed għal moratorium dwar proġetti kbar residenzjali. Tista’ min-naħa l-oħra tkun ukoll inċentiv għal proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana li permezz tagħhom jinħolqu spazji miftuħa sostanzjali f’żoni residenzjali. Spazji li huma tant meħtieġa biex iż-żoni urbani tagħna li huma mitluqin jingħataw il-ħajja.

Il-bini għoli jista’ jkun aċċettabbli (jew le) skond il-kuntest li fih ikun propost. Importanti li jingħataw piz lill-impatti akkumulati fuq il-komunitajiet tagħna. Għax li jsir żvilupp ta’ bini għoli mingħajr ma jagħti każ bis-serjetà tar-residenti, bħad-diversi torrijiet li qed jinbtu qieshom simboli falliċi mxerrda mal-pajjiż, huwa ta’ ħsara kbira.

Advertisements

Moratorium : fl-interess tagħna lkoll

moratorium

Huwa meħtieġ li jkun hawn moratorium fuq l-iżvilupp ta’ proġetti kbar. Li dan isir, illum qabel għada, hu fl-interess tagħna lkoll.

Meta fl-2006 ġew approvati bl-għaġġla l-pjani lokali ittieħdet deċiżjoni ħażina li għadna nbatu l-konsegwenzi tagħha sal-lum.

Sa nofs l-2006 il-proċess tal-konsiderazzjoni tal-pjani lokali kien miexi bil-mod tant li tnejn biss (minn 7) kienu għadhom ġew approvati. Imma indunaw li kienet ser tidħol fis-seħħ direttiva tal-Unjoni Ewropea imsejħa Strategic Environmental Assessment Directive. Din id-direttiva tesiġi li qabel ma jkun approvat pjan jew programm li jħejji l-qafas ta’ żvilupp għall-futur għandu jkun studjat l-impatt kumulattiv ta’ dak propost.

Studju tal-impatt kumulattiv tal-pjani lokali ma sarx. Li kieku dan l-istudju sar il-pjani lokali kienu jkunu ezaminati dettaljatment. Ir-regolamenti dwar is-suġġett fil-fatt jgħidu li l-iskop hu  li “jipprovdi għal livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent, u li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, billi jiġi żgurat li, skont dawn ir-regolamenti, titwettaq stima ambjentali strateġika dwar ċertu pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.” [ara Regolamenti dwar Stima Ambjentali Strateġika. 549.61] L-iskedi ta’ dawn ir-regolamenti jispjegaw dettaljatament dwar il-kriterji u l-impatti li għandhom ikunu ikkunsidrati.

Biex dan l-istudju ma jsirx il-Gvern u l-MEPA għaġġlu biex fis-sajf tal-2006 jkunu approvati l-pjani lokali li kien baqa’ flimkien mal-eserċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li żied maż-żewġ miljun metru kwadru fiż-żona tal-iżvilupp. B’din l-approvazzjoni ta’ malajr il-Gvern u l-MEPA fl-2006 għamlu għażla ċara li għalihom l-industrija tal-kostruzzjoni tiġi qabel il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.

Għalhekk hemm bżonn il-moratorium, il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll tkun tista’ terġa’ tingħata prijorità.