L-Air Malta u ċ-Ċina

Malta-China

 

Il-futur tal-Air Malta hu imċajpar. Ilna ħafna nafuh dan.

Il-froġa tal-Avro RJ70 nafuha. Qabilha, magħha u warajha kien hemm l-ingaġġ ta’ impjegati bl-addoċċ.

Sakemm il-biljetti tal-linji tal-ajru kienu bil-għoli, dan id-difett kien jinħeba, għax minkejja l-abbuż xorta kien hemm il-qliegħ.

Iżda kollox inġabar meta faqqgħet is-sajjetta tal-linji tal-ajru low cost. Bil-miġja ta’ dawn il-linji tal-ajru l-mudell ekonomiku li fuqha kienet mibnija l-Air Malta ma baqax jagħmel sens.

Konsulenti u esperti kellna kemm trid. L-għajnuna tal-istat ġiet ukoll, imma r-riżultati m’humiex eżattament kif kien mixtieq, almenu s’issa.

Huwa f’dan il-kuntest li jagħmel sens li l-Gvern ifittex u jesplora soluzzjonijiet oħra. Jidher li l-Gvern qiegħed jiddiskuti ma kumpanija tal-ajru Ċiniża dwar dan. X’qed jiddiskuti, s’issa mhux magħruf. Negozjati bħal dawn ma jkunux imperċin fil-pubbliku kif qed jippretendu uħud. Huwa normalissimu fid-dinja kummerċjali li tinżamm kunfidenzjalità stretta u dan minħabba li paroli żejda jistgħu jipperikolaw ftehim.

Id-diffikultà li jiena nara mhux daqstant fin-negozjati infushom daqskemm jekk jagħmilx sens strateġiku li wara li Malta rabtet il-karru tagħha maċ-Ċina fil-qasam tal-enerġija torbtu ukoll fil-qasam tal-linja tal-ajru.

Iċ-Ċina għandha l-interessi ġeostrateġiċi tagħha. Jaqblilha li jkollha saqajha fis-sod fl-Unjoni Ewropeja mhux biss għal raġunijiet kummerċjali, iżda ankè għal raġunijiet politiċi. Trid tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-Istati Unit ital-Amerika, fost oħrajn. M’hiex tinvesti f’Malta biss iżda qed iddur l-Unjoni Ewropeja kollha. Imma dawk huma l-interessi taċ-Ċina.

Il-mistoqsija hi jekk Malta jaqblilhiex li tkun tiddependi ż-żejjed miċ-Ċina. Dak li hu fl-interess taċ-Ċina mhux neċessarjament li hu fl-interess ta’ Malta.

Din it-tip ta’ diskussjoni hi nieqsa mid-dibattitu dejjaq u partiġjan li għaddej bħalissa. Għax id-dibattitu partiġjan qed jaħbi l-issues reali li għadna niddiskutu. Bħal dejjem dawn jispiċċaw taħt it-tapit.

ippubblikat fuq iNews: l-Erbgħa 5 t’Awwissu 2015

Advertisements

Ir-riżenja ta’ Warsi ………… kontradizzjonijiet fil-politika barranija

Baroness-Sayeeda-Warsi

 

Ir-riżenja tal-Barunissa Sayeeda Warsi minn Ministru fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit seħħet illum.

Warsi li hi Musulmana ta’ oriġini Pakistana qalet fl-ittra ta’ riżenja tagħha li l-posizzjoni tal-politika tar-Renju Unit dwar Gaża u l-massakru li wettaq l-Iżrael hi waħda li mhiex moralment aċċettabbli.

F’dan l-istadju nagħmel riflessjoni waħda: dak li qed tgħid Warsi japplika ukoll għal diversi pajjiżi, inkluż għal Malta.

Fil-politika barranija tagħna insostnu appoġġ għal soluzzjoni għall-konflitt fil-Lvant Nofsani li għandha tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ stati: wieħed Iżraelit u l-ieħor Palestinjan. Min-naħa l-oħra nagħtu appoġġ lir-refuġjati Palestinjani li ġustament isostnu d-dritt li jirritornaw lura f’arthom li minnha ġew miknusa l-barra mill-qawwa militari Lhudija tul is-snin.

Sfortunatament, filwaqt li dawn huma żewġ posizzjonijiet li jdoqqu għall-widna, huma kontradittorji. L-appoġġ għar-refuġjati Palestinjani u għad-dritt tagħhom li jirritornaw lura f’arthom ifisser li għandhom jieħdu lura l-artijiet li minnhom tkeċċew. Dawn l-artijiet li minnhom tkeċċew illum il-ġurnata jiffurmaw l-istat tal-Iżrael.

Ma tistax għaldaqstant tappoġġa fl-istess ħin l-eżistenza tal-istat tal-Iżrael u d-dritt tal-Palestinjani li jirritornaw lura f’arthom. Jew waħda jew l-oħra.

Il-politika barranija Maltija dwar il-Palestina hi bħal dik tar-Renju Unit: sieq waħda l’hawn u oħra l’hemm.

Natanyahu b’karrotti għal Joseph Muscat

1kg_carrot.Israel

 

F’Ottubru li għadda il-Prim Ministru Joseph Muscat mexxa delegazzjoni Maltija fl-Iżrael. Kien hemm diversi Ministri u tkellmu dwar diversi affarijijiet. Kollha affarijiet important.

Bla dubju tkellmu ukoll dwar l-appoġġ li Malta ilha snin twal tagħti lill-kawża Palestinjana. Appoġġ li ingħata minn diversi Gvernijiet.

Fl-istqarrija li l-Prim Ministru kien għamel fil-Parlament nhar il-21 t’Ottubru 2013 jissemmew ħafna affarijiet interessanti u utli li dwarhom id-delegazzjoni Maltija tkellmet mad-diversi politiċi li ltaqgħet magħhom.

Ma tissemmiex ħaġa waħda: appoġġ politiku lill-istat tal-Iżrael.

Ftit ftit minn Ottbru 2013 lil hawn ħerġin biċċiet ta’ informazzjoni li jindikaw illi għaddej taqlib kbir fil-politika Maltija fil-konfront tal-Iżrael.

Il-Malta Today ippubblikat artiklu minn Jürgen Balzan dwar dan.  Jidher li għaddej argument bejn George Vella  Ministru tal-Affarijiet Barranin li jsostni appoġġ lill-kawża palestinjana u dawk fil-Kabinett li huma iktar prammatiċi u allura jitkellmu b’mod li jidhru bilanċjati, jiġifieri kritiċi nofs kedda  favur tal-qagħda attwali fil-Lvant Nofsani.

Fin-nofs jidher li hemm l-appoġġ għall-kandidatura tal-Iżrael għall-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda. Il-Gvern Malti jidher li qed jikkunsidra li jappoġġa din il-kandidatura.

Nistennew il-karrotti ta’ Natanyahu.

Skiet dwar il-vjolenza fl-Iżrael

Malta-Israel

Jiena waħdi li ma smajt xejn min-naħa tal-Gvern Malti fi kritika għall-vjolenza li l-istat tal-Iżrael qed iwettaq fuq il-poplu Palestinjan?

Ma nagħmlux mod li hemm xi ftehim x’imkien dwar appoġġ reċiproku li permezz tiegħu l-Iżrael wiegħed lill-Gvern Malti vot favur il-kandidatura ta’ Malta għall-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda sakemm il-Gvern Malti ma jikkritikax il-vjolenza tal-istat tal-Iżrael kontra l-poplu Palestinjan?

Min jaf. B’xejn ma niskanta. Il-prinċipji politiċi tal-Gvern Malti dejjem iżidu fl-elastiċita tagħhom. Bħal dejjem, progressiv u moderat!

Bejn ħbieb u interessi.

Malta-China

Il-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, qalulna, għandha għeruq fondi.

Imma l-pajjiżi m’għandhomx ħbieb, iżda għandhom interessi.

Huwa leġittimu li kull pajjiż jagħmel użu mill-politika barranija tiegħu biex iġib il-quddiem l-interessi tiegħu.

Dwar dak li ftehmu Malta u ċ-Ċina f’dawn il-ġranet nafu biss dak li qalulna. Iktar tard inkunu nafu iktar. Mhux bil-fors li nkunu nafu kollox.

L-emfasi tal-Prim Ministru kien fuq dak li ħadet Malta. Qagħad ukoll attent li jgħid li ċ-Ċina mhux daqstant ser tagħtina l-flus iżda ser tinvesti fl-Enemalta.

Iċ-Ċina qed tagħti għax hi konvinta li dan hu l-mod kif iddaħħal saqajha f’pajjiż membru fl-Unjoni Ewropeja.  B’dan il-mod iċ-Ċina tista’ takkwista leħen simpatetiku għaliha fil-Kunsill tal-Ministri u tista’ ukoll takkwista posizzjoni li tagħtiha vantaġġ kummerċjali , jew aħjar li tnaqqsilha l-iżvantaġġi li għandha bħalissa.

Ħaga waħda hi ċara: l-ftehim bejn Malta u ċ-Ċina mhux dwar l-enerġija. L-enerġija hi l-mod kif ser isir il-ħlas għal affarijiet oħra li dwarhom sar ftehim.  Dan mhux neċessarjament tajjeb jew bil-fors ħażin. Dan hu l-mod kif kontinwament jiftehmu l-pajjiżi.

Jekk jaqbel għal Malta hu tajjeb. Jekk ma jaqbilx mhuwiex tajjeb.

Nistennew u naraw.