Kulħadd irid jiekol !

Mario @ Parliament

 

L-aħbar li Mario de Marco, bħala avukat, qed jassisti waħda mill-kumpaniji tal-iGaming li l-ġimgħa l-oħra kellhom il-liċenzja tagħhom sospiża terġa’ tipponta lejn waħda mill-problemi fil-politika Maltija. Il-Membri Parlamentari Maltin  huma part-timers u jridu jibqgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom sakemm għadhom Membri tal-Parlament. Dan jiftaħ beraħ id-diskussjoni dwar il-konflitt ta’ interess potenzjali li għandu l-Membru Parlamentari Malti f’din is-sitwazzjoni.

Ovvjament, kulħadd irid jgħix, kulħadd irid jiekol!

Il-GRECO [il-grupp ta’ stati kontra l-korruzzjoni fil-Kunsill tal-Ewropa] jgħid hekk dwar il-Membri Parlamentari part-time ta’ Malta fl-aħħar rapport tiegħu li ġie ppubblikat f’Ġunju li għadda:

“Parliamentarians, in Malta are generally part-time legislators who also maintain their private practices. The potential for a conflict of interest due to the personal and professional networks and business links built across Malta, make maintaining decisionmaking independence, and being able to publically demonstrate this independence, a live issue.” (Fourth Evaluation report – 2014)

Sadanittant f’Malta, għoxrin xahar ilu kien konkluż rapport imħejji minn kumitat kompost mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Ewlieni, intitolat Recommended Remuneration Mechanism for Holders of Political Office. F’dan ir-rapport hemm diversi proposti li wasal iż-żmien li niddiskutuhom bis-serjetà. Dawn il-proposti jinkludu dawk dwar il-possibilità li l-Membri Parlamentari Maltin jibdew jaħdmu full-time fil-Parlament.

Ma jagħmilx sens li l-Membru Parlamentari Malti fil-għaxija jikkritika lill-Awtorità (hi liema hi) dwar kif din qed taħdem u fil-għodu fil-Qorti jassisti lil min jikkontesta l-mod kif tkun ħadmet l-istess awtorità. Il-Membru Parlamentari għandu juri b’mod ċar li hu legislatur indipendenti. Għax sakemm jibqa’ part-timer dejjem ser ikun hemm dubju raġjonevoli li ta’ l-inqas xi drabi huwa jkun immotivat mill-interessi tal-klijenti tiegħu iktar minn kull ħaġa oħra.

Advertisements

Riforma fil-ħidma tal-Parlament

parlament ta' Malta

Ir-rapport li l-Prim Ministru talab lill-Kumitat magħmul mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Prinċipali issa huwa magħruf. Mhux kollu hu magħruf,  iżda biċċiet minnu. Dawk il-biċċiet li min irrapporta dwarhom dehrlu li kienu importanti.

Fir-rapporti ppubblikati spikkaw is-salarji proposti għall-politiċi. Dak kien li l-Prim Ministru talab lill-Kumitat biex jirrapporta dwaru. Imma l-Kumitat magħmul mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Prinċipali ma waqafx hawn. Eżamina ukoll il-ħidma tal-Parlament u irrakkomanda riforma dwar kif jaħdem il-Parlament. Fosthom li l-membri tal-Parlament ikunu possibilment full-timers u dan billi jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għall-ħidma Parlamentari.

Hekk jaħdmu l-parti l-kbira tal-Parlamenti tad-dinja demokratika. Għax il-membru parlamentari mhux qiegħed hemm biss biex jagħmel xi mistoqsija parlamentari jew biex jieħu sehem f’dibattitu dwar xi liġi.  Qiegħed hemm ukoll biex jgħarbel il-ħidma tal-Gvern. U meta nitkellem dwar il-Gvern m’għandix f’moħħi biss il-Ministri jew is-Segretarji Parlamentari, imma ukoll kif joperaw id-Dipartimenti tal-Gvern u l-Awtoritajiet differenti.

Hija responsabbiltà tal-membri kollha tal-Parlament li kontinwament jeżaminaw il-ħidma kollha tal-Gvern u fl-interess ta’ dawk li eleġġewhom ifittxu li din il-ħidma tkun l-aħjar possibli. Dan jgħodd kemm għall-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern kif ukoll għal dawk fuq in-naħa tal-Opposizzjoni.  Dan l-eżami tal-ħidma tal-Gvern ma jsirx biżżejjed għax il-Membri tal-Parlament, billi jridu jlaħħqu ukoll ma xogħol ieħor m’għandhomx biżżejjed ħin biex jagħmlu dak li ġew eletti għalih.

Ir-rapport li l-Prim Ministru talab lill-Ombudsman, lill-Awditur Ġenerali u lill-Kummissarju Elettorali Prinċipali jeħtieġ li jkun eżaminat fit-totalità tiegħu. Huwa bla dubju kontroversjali imma jeħtieġ diskussjoni matura.

 

ippubblikat fuq iNews il-Ħamis 8 ta’ Jannar 2015

 

Mistoqsija lil Joseph u lil Simon

Muscat + Busuttil

 

 

Id-dibattitu pubbliku dwar l-onorarja, salarji u r-riforma meħtieġa dwar kif jaħdem il-Parlament ġie kontaminat minn kummenti immirati biex joqtlu diskussjoni serja.

Il-PN għadu mixgħuf bħala riżultat tal-mod dilettantesk kif żviluppa “l-iskandlu tal-€500 fil-ġimgħa”. Għalhekk il-PN qed jitkellem dwar “żieda ta’ €1000 fil-ġimgħa ” fis-salarju tal-Prim Ministru. F’moħħ il-partitarju jeħtieġ li jikkanċellaw skandlu b’ieħor.

Iżda l-każ hu ferm differenti milli qed jgħid il-PN u l-kelliema tiegħu. Dak li setà kien qabża fil-kwalità tad-dibattitu politiku fil-pajjiż spiċċa f’dibattitu kontaminat. Kontaminazzjoni li għaliha l-PN ingħataw għajnuna utli minn Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’April 2013 beda fuq nota pożittiva. Flok ma ħa d-deċiżjoni bejn l-erba’ ħitan ta’ Kastilja talab rapport indipendenti.   Qabbad tlieta min-nies rispettati minn kulħadd, avolja mhux kulħadd qabel li l-ħatra tagħhom kien kostituzzjonalment pass għaqli.  Dan l-ewwel pass kien pożittiv ħafna u kien jagħti x’jifhem li  d-diskussjoni politika, wara kollox, ankè f’Malta tista’ tkun ibbażata fuq ir-raġuni. Muscat kif aġixxa kien qed iwassal il-messaġġ li ankè f’Malta jista’ jkollna diskussjoni matura.

Meta Muscat talab ir-rapport ħafna fehmu li huwa ried f’idejh proposta li toriġina minn sorsi indipendenti u fdati u li għax toriġina minn dawn is-sorsi kienet tagħlef diskussjoni serja. Il-konklużjoni tad-diskussjoni setgħet kienet fil-linja tar-rapport inkella xi ħaġa oħra differenti. Imma bla dubju l-iskop kien wieħed ta’ diskussjoni serja fuq proposta ġejja minn sorsi serji u fdati.

Ir-rapport tlesta u wasal fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat fl-ewwel ġranet tal-2014, sena ilu. Imbagħad ………………… skiet taqtgħu b’sikkina. Bla dubju Joseph Muscat  qara r-rapport u ħakk rasu. Imma baqa’ sieket sa mal-Malta Independent ippubblikaw il-konklużjonijiet tar-rapport dwar is-salarji. Wara dan l-Independent ippubblikaw dettalji oħra li jirriżultaw mir-rapport.

L-iktar inkwetanti kien il-pubblikazzjoni tal-kumment ta’ Joseph Muscat li hu ma jaqbilx mar-rakkomandazzjonijiet li r-rapport mitlub minnu wasal għalihom. Qal ukoll li hu ma jridx żieda fis-salarju la issa, la fi tmiem il-leġislatura u l-anqas wara.

X’ġara? Ovvju ħafna għalija x’ġara. Meta Joseph Muscat qara r-rapport ikkonkluda mill-ewwel li t-tweġiba politika tal-partit l-ieħor kienet ser tkun bl-istess linġwaġġ li hu (Muscat) iffaċċja lil Lawrence Gonzi fil-leġislatura l-oħra. Mediċina morra ħafna li ma ħasibx fiha qabel ma talab ir-rapport, għax kif żviluppaw l-affarijiet naħseb li din ir-reazzjoni kienet sfortunatament waħda inevitabbli.

Fid-dawl ta’ dan Joseph Muscat ipprova jiddistakka ruħu mir-rakkomandazzjonijiet dwar is-salarji. Dan kien attentat ftit tard biex joqtol id-diskussjoni qabel ma tibda. Imma d-diskussjoni diffiċli toqtolha u bi żball tattiku bħal dan inqas għandu ċans.

Ir-rapport li ħejjew l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Ewlieni huwa dak l-eżerċizzju serju li talab il-Prim Ministru f’April 2013. Bla dubju huwa kontroversjali mhux ftit. Imma jekk irridu diskussjoni matura, dan ir-rapport ipoġġi quddiemna r-rejaltajiet li jeħtieġ illi niffaċċjaw. Huwa bażi tajba għal diskussjoni.

Hi ħasra li dan id-dibattitu ġie kontaminat.

Il-mistoqsija lil Joseph u lil Simon hi waħda: il-politika ġdida għal meta?

In-nuqqas ta’ serjeta: tal-Gvern u l-Opposizzjoni

honoraria campaign

 

Ir-reazzjonijiet tal-Gvern u l-Opposizzjoni għar-rapport  intitolat Recommended Remuneration for Holders of Political Office f’pajjiż demokratku huma tal-mistħija.

Il-Gvern permezz tal-Prim Ministru li ikkummissjona r-rapport qal li ma jaqbilx mas-salarji proposti. Lest jiddiskuti kollox, barra s-salarji.

L-Opposizzjoni min-naħa tagħha qed tagħmel żewġ kundizzjonijiet biex tiddiskuti r-rapport: li Joseph jammetti li l-kampanja li għamel kontra l-onorarja kienet waħda “ipokrita” u li qatt ma huma lesti li jaċċettaw żieda ta’ €1,000 fil-ġimgħa għall-Prim Ministru.

Dawn bis-serjeta’ jew?

Fl-opinjoni tiegħi l-parti tas-salarji fir-rapport tal-Ombudsman/Awditur Ġenerali/Kummissarju Elettorali Ewlieni hi l-inqas parti importanti tar-rapport.

Hi iktar importanti l-parti li titkellem dwar il-ħtieġa ta’ riforma tal-Parlament. Li l-Parlament ikun full-time u li l-ħinijiet tal-Parlament ikunu tali li ma jkunux skomdi għall-familji (family friendly).

Ir-rapport huwa meħtieġ li nħarsu lejħ bħala dokument sħiħ bid-diversi proposti tiegħu marbutin flimkien waħda ma l-oħra. Ma nistgħux niddiskutuh bil-biċċiet. Min jaqta’ min hawn u min jaqta’ min hemm.

Għandna bżonn ftit iktar serjeta. Neħtieġu diskussjoni matura. Imma wisq naħseb li ser nibqgħu nittewbu.