Wara l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa …………..

 

Il-Gvern ta’ Robert Abela hu irresponsabbli li fetaħ l-istaġun tal-kaċċa.

B’dan il-pass qed tkun mhedda l-kredibilità tal-miżuri tajba kollha li ttieħdu s’issa biex ikun evitat it-tixrid tal-coronavirus. Il-Pulizija li ser ikollhom jagħmlu r-ronda kontra l-abbuzi tal-kaċċaturi (madwar 40 pulizija) ser jittieħdu minn fuq xogħol ieħor li hu essenzjali, ewlieni fosthom dak li jkunu sorveljati dawk li qegħdin kwarantina.

Mela kulħadd ingħata l-parir biex nibqgħu ġewwa, sakemm ma jkunx hemm il-bżonn li noħorġu. Allura dan mhux qżież li qed jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’dan il-mument partikolari?

Kif issa nippretendu li l-bqija jsegwu d-direttivi tad-Dipartment tas-Saħħa u jibqgħu ġewwa?

Mbagħad, wara kollox, jekk ma jkun ġara xejn li joħorġu l-kaċċaturi fil-kampanja x’iżommna jekk noħorgu aħna, l-bqija, dawk li ma naqblux mal-kaċċa fir-rebbiegħa? Xi jżommna milli noħorġu tlieta tlieta bid-distanza ta’ żewġ metri l-bogħod minn xulxin biex nammiraw is-sbuħija tal-kampanja? Inkunu qed insegwu id-direttivi tad-Dipartiment tas-Saħħa. Mhux hekk?

Hekk donnu jrid Robert Abela.

Silvio Schembri: bżonn li jifhem li ħadd ma hu għar-rimi

Il-Ministru Silvio Schembri, l-bieraħ, fil-Parlament, kien qed jitkellem fuq il-ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li qed jaħdmu f’Malta u li tilfu jew ser jitilfu l-impieg tagħhom riżultat dirett tal-impatt tal-mixja tal-coronavirus. Tkellem b’nuqqas ta’ rispett lejn min ta’ servizz u kontribut lejn l-ekonomija Maltija tul is-snin. Minn Ministru mill-Partit tal-Laburista, il-partit tal-ħaddiema, kont nistenna mod ieħor!

Fl-istess nifs li qiegħed jitkellem b’dan il-mod, Silvio Schembri qiegħed jinsa’ li anke is-servizz li qiegħed jagħtina bħalissa id-Dipartiment tas-Saħħa f’Malta huwa dipendenti ukoll fuq numru mdaqqas ta’ ħaddiema ta’ nazzjonalità barranija li flimkien mal-ħaddiema Maltin qed jagħtu servizz impekkabbli u b’dedikazzjoni kbira: mingħajrhom id-Dipartiment tas-Saħħa bla dubju ma jkunx dak li hu. Dan jgħodd għal kull wieħed u waħda minnhom, irrispettivament mix-xogħol li qiegħed u qegħda tagħmel. Għandna nkunu grati lejn kull wieħed u waħda minnhom u mhux nitkellmu b’dak it-ton ta’ tmaqdir.

Ir-rispett lejn ix-xogħol u min jagħmlu għandu jintwera dejjem u f’kull ħin u jmur lil hinn min-nazzjonalità jew mill-kulur tal-ġilda tagħhom.

Hu tal-mistħija li Silvio Schembri jitkellem b’dak il-mod. Pajjiżna ma jarmix lil min taħ servizz. In-nies mhumiex bħal-lumija, tagħsar u tarmi meta taħseb li ma jkollokx bżonnhom.

F’pajjiż li jirrispetta lilu innifsu, Silvio Schembri kien ikollu jwarrab immedjatament. F’partit li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala Laburista, kont naħseb li ma hemmx post għal nies b’dawn l-ideat. Għax ħadd ma hu għar-rimi, l-anqas il-ħaddiema barranin.

B’min jaħseb li ser terġa’ tinbena l-ekonomija Maltija, wara li tgħaddi din il-kriżi?

Time 2BFrank

In-negozjati dwar il-bejgħ/kiri tal-isptar St Philip’s ftit li xejn hu magħruf dwarhom. Għax saru fil-kwiet u ħlief lejn l-aħħar ftit li xejn kien hemm paroli dwarhom. Hu diffiċli ħafna li issib informazzjoni. Imma ftit sibt ukoll.

Nhar l-4 t’Ottubru 2012  t-Tribunal Għat-Talbiet iż-Żgħar taħt id-direzzjoni tad-Dottoressa Yana Micallef Stafrace tat deċiżjoni fit-talba numru 1515/2010 bejn żewġ kumpaniji: Icon Studios Limited (C 26538) u Golden Shepherd Group Limited (C 14949). Ta’ l-ewwel kienet rappreżentata mill-Avukat Ġeġe Gatt iben Austin Gatt. Tat-tieni rappreżentata mis-CEO tal-Isptar St Philip’s, t-Tabib Frank Portelli.

Il-każ kien dwar ammont żgħir (€1663.80) li Ġeġe ried lill-Frank iħallas ta’ xogħol fuq website li kien għamillu wara li kienu iltaqgħu u ftehmu dwar dan fil-Lukanda Westin Dragonara nhar it-23 ta’ Diċembru 2009! Id-deċiżjoni kienet favur Ġege. Frank kien ordnat iħallas l-€1663,80 bl-interessi.

Ta’ interess fid-deċiżjoni hemm dan il-paragrafu enumerat bin-numru 7 :

“Wasalna fl-1 ta’ Marzu 2010 ……………… u Dr. Portelli qed isemmi n-negozjati li kellu mal-Gvern li kienu ilhom għaddejjin għal-18-il xahar u li kien għadu jittama f’konkluzjoni.”

Mela issa nafu li in-negozjati bdew madwar sitt xhur wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2008 u 18-il xahar wara (f’Marzu 2010) kienu għadhom għaddejjin.

In-negozjati bdew sitt xhur wara l-elezzjoni tal-2008.

Nafu x’kien l-impenn ta’ Frank fl-2008 f’Villa Arrigo jassisti lil Gonzi fil-ġirja tiegħu wara n-nagħaġ li intilfu!

Fid-dawl ta’ dan kolli l-Gvern għandu obbligu ikbar li jwieġeb ħafna mistoqsijijiet dwar l-isptar St Philips. Hemm bżonn ta’ tweġibiet ċari dwar kemm l-isptar St Philips jaqdi l-ħtiġijiet tad-Dipartiment tas-Saħħa u kemm ġew meqjusa sewwa l-alternattivi.

Fl-assenza ta’ tweġibiet ħadd m’għandu jagħti tort lill-ħadd li jikkonkludi li l-ftehim li jidher li huwa konkluż huwa ħlas minn fondi pubbliċi għall-ħidma f’Villa Arrigo fl-interess tal-Partit Nazzjonalista lejlet l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2008.

L-Awditur Ġenerali għandu jeżamina sew x’ġara.

Il-Parlament għandu bżonn jistenbaħ ftit!

Its time 2BFrank.