L-Unjoni Ewropeja dwar il-politika tal-Ilma f’Malta

River Basin Management Plans

Nhar l-14 ta’ Novembru 2012, ftit iktar minn ħmistax ilu, l-Unjoni Ewropeja ippubblikat rapport dwar il-mixja ta’ Malta biex twettaq l-obbligi tagħha stabiliti fil-Water Framework Directive. Kellna skiet fil-pajjiż dwar dan ir-rapport. Dan ir-rapport tista’ taqrah hawn .

Il-Gvern ma tkellem xejn dwaru. L-anqas l-Awtorita dwar ir-Riżorsi ma qalet xejn. Il-media baqgħet siekta ukoll inkluż dawk li jippużaw tal-indipendenti. Il-ġurnaliżmu investigattiv ma nduna b’xejn.

Il-bieraħ is-Sibt Alternattiva Demokratika organizzajna konferenza stampa li fiha irreferejna għal dan ir-rapport. Ir-rapport hu wieħed tekniku ħafna imma nistgħu niffukaw fuq tlett kummenti li jagħmel.

L-ewwel kumment hu dwar il-boreholes. Fl-2008 sar proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ boreholes. Għaddew iktar minn 4 snin u minkejja li dan hu qasam kruċjali l-Gvern u l-Awtorita’ dwar ir-Riżorsi għadhom mexjin b’mod kajman biex jintroduċu kontrolli dwar l-użu tal-ilma tal-pjan minn dawn il-boreholes. Dan hu qasam li fih kulħadd għadu jagħmel li jrid. Mhux aħna biss qed ngħiduh. Qed qed tgħidu ukoll l-Unjoni Ewropeja.  Fir-rapport li nsemmi hawn fuq l-UE tgħid li m’hemmx monitoraġġ ta’ “private groundwater abstractions”.  Dan hu iktar gravi meta wieħed iżomm quddiem għajnejh illi 45% tal-ilma li nixorbu, imwassal fi djarna mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġej mill-ilma tal-pjan. Jiġifieri l-ilma tal-pjan hu sors strateġiku biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jkollha ilma xi tqassam fid-djar għall-konsum.

Minkejja dan kollu meters ftit li xejn ġew istallati ma dawn il-boreholes. L-anqas l-electronic tracking tal-bowsers għadu ma sar. Sadanittant l-ilma tal-pjan jibqa’ jinbiegħ fil-bowers qiesu m’hu jiġri xejn!

L-Unjoni Ewropeja fir-rapport tagħha tiġbed l-attenzjoni ukoll għall-frammentazzjoni: jiġifieri li l-politika dwar l-ilma hi maqsuma bejn diversi awtoritajiet: l-Awtorita dwar ir-Riżorsi (MRA) u l-Awtorita’ dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Iżżid kumment dwar kumitat Inter-Ministerjali li kellu jitwaqqaf u li ħadd ma jaf jekk dan twaqqaqfx u minn min hu kompost.

Alternattiva Demokratika taqbel li fil-qasam ambjentali (mhux biss dak dwar l-ilma) hemm frammentazzjoni. Dan jista’ jkun rimedjat billi l-MRA u l-MEPA jiġu amalgamati f’Awtorita waħda taħt it-tmexxija ta’ Direttorat Ambjentali b’saħtu.  Il-ħarsien tal-ambjent u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali bħall-ilma jistgħu u ġhandhom isiru aħjar b’awtorita’ konsolidata.

Ir-rapport tal-UE jipponta subgħajh ukoll lejn l-impatt tal-agrikultura fuq ir-riżorsi tal-ilma tal-pajjiz. Dan il-fatt, jempasizza r-rapport, messu wassal għal formolazzjoni ta’ strategija ċara dwar miżuri meħtieġa. Strateġija bħal din tirrikjedi l-parteċipazzjoni tal-komunita’ agrikola fl-istadju tal-formolazzjoni tagħha.

Huwa ċar illi l-fatt li r-regolatur dwar ir-Rizorsi (MRA) u d-Dipartiment tal-Agrikultura huma ir-responsabbilta politika tal-istess Ministeru, dan qiegħed iżomm lir-regolatur mill-jaġixxi b’mod effettiv. Għandu jkun sottolineat illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika żvela li matul l-2009-10 l-agrikultura użat il-fuq minn 28 miljun metru kubu ta’ ilma, li jammonta ghal hafna iktar milli qatt kien stmat. Dan hu kważi id-doppju tal-ilma li tiċċirkola l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Hemm bżonn li l-ilma jittieħed b’iżjed serjeta’. Biex dan isir jeħtieġ li jintrifsu ħafna kallijiet.

Advertisements