Għadni kif ktibt lill-Awditur Ġenerali fejn talbtu jinvestiga x’inhu jiġri dwar il-ħlasijiet enormi li qed isiru lill-Ministri u Segretarji parlamentari li jispiċċaw mill-ħatra.
Il-kriterji li qed ikunu applikati m’humiex magħrufa. Ma hemm l-ebda trasparenza dwar x’inhu jiġri.
It-talba li bagħatt hi s-segwenti:
“Nikteb biex nitolbok tinvestiga l-ħlas ta’ “golden handshakes” lill-membri tal-Kabinett li jispiċċaw mill-ħatra. Presentment fl-aħbarijiet hemm il-każ ta’ Justyne Caruana imma għad kif kellna ukoll il-ħlasijiet li saru lil Rosianne Cutajar.
Ma hemm l-ebda trasparenza dwar il-ħlasijiet li saru u li qed isiru lill-Ministri u Segretarji Parlamentari, uħud minnhom għal darba tnejn.
Nitolbok għaldaqstant tinvestiga xi kriterji qed ikunu użati biex isiru dawn il-ħlasijiet kif ukoll li teżamina l-ħtieġa li jkunu introdotti mekkaniżmi effettivi ta’ kontroll u verifika dwar dan il-proċess kollu.”