Ir-rapport dwar il-Mistra

mistra.jpg

Ir-rapport tal-Audit Officer tal-MEPA dwar il-każ tal-Mistra li l-Prim Ministru ippubblika iktar kmieni llum ma ħasadnix. Bħalu rajt bosta oħrajn.

Huwa posittiv u ta’ inkoraġġiment li l-Prim Ministru aġixxa mill-ewwel billi ppubblika r-rapport kif ukoll billi rrinforza r-rakkomandazzjonijiet tal-Perit Joe Falzon, l-Audit Officer. Li kieku l-predeċessur tiegħu b’responsabbilta politika għall-MEPA mexa l-istess fil-passat ricenti is-sitwazzjoni fil-MEPA illum kienet tkun ħafna aħjar milli hi.

Ir-rapport tal-Audit Officer iżda m’hiex l-aħħar kelma dwar il-każ. Hemm l-investigazzjonijiet tal-pulizija li għad iridu jkunu konklużi. Hemm ukoll ir-rwol tal-Awtorita tat-Turiżmu (MTA) li jrid ikun iċċarat. Għandu jkun issottolineat li l-MTA għandha esperti fil-qasam tal-Ippjanar impjegati tagħha u ma nistax nifhem kif tasal biex ma tagħtix piż xieraq lill-konsiderazzjonijet ambjentali fil-proġetti li tagħti appoġġ.

Il-Kummissjoni li ħarġet il-permess ilha li rriżenjat. Issa naħseb li wasal il-ħin li jirreżenja ukoll min għamel pressjoni fuq membri tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp biex jinħareġ permess illegali (ara hawn).