Il-Majestà Tiegħu ddejjaq bl-ispanjulett milqut

spanjulett St Edwards

 

Il-Majestà Tiegħu, l-Prim Ministru, iddejjaq li l-ispanjulett milqut waqa’ fl-iskola St Edward’s College fil-Birgu. Dehrlu li dan kien iżżejjed u li kien meħtieġ messaġġ ċar. Minn fejn kien qiegħed ibati fl-Azerbajġan ħabbar fuq Twitter li kien ta’ l-ordni biex l-istaġun jieqaf, minnufih.

Żmien ir-rejjiet u l-irġejjen ilu li spiċċa, imma min jiddeletta bid-deċiżjonijiet arbitrarji, dan, donnu li għadu ma irrealizzahx. Il-Majestà Tiegħu imma hu tal-fehma li x-xewqa tiegħu hi l-liġi. Għalhekk kien ħabbar għal darba tnejn li ser jivvota IVA biex il-qaddejja fidili jagħmlu bħalu.

Għax għamlu bħalu uħud jidhrilhom li ankè huma akkwistaw is-setgħa li jagħmlu li jridu. Għax ankè huma jidhrilhom li għandhom ikunu l-fuq mill-liġi.

Dak li tiżra’ taħsad, Ġuż  …………..

 

L-aħħar ċans? Għandek ċans!

time is running out

Mela l-Kaċċaturi San Umbertu qalu li l-każ tal-ispanjulett li ntlaqat minn żewġ tiri u li waqa’ fil-ground tal-Kulleġġ St Edward’s kien tort ta’żewġt itfal li kellhom senter misruq.

Issa sirna nafu li ser jittella’  l-Qorti persuna ta’ 25 sena li għandu liċenzja tal-kaċċa. Fil-fatt ittella’ żgħażugħ ta’ 21 sena skond kif tirrapporta it-Times online.

Ovvjament il-Kaċċaturi San Umbertu kienu qed jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel. Għax jidher li ma kienu jafu xejn, imma fl-istess ħin riedu jgħidu li min spara ma kienx kaċċatur.

Issa ilna għaddejjin kważi ġimgħatejn b’numru ta’ każi ta’ illegalitajiet li nqabdu u oħrajn li ma nqabdux.

Fosthom insibu s-segwenti :

15 t’April:   Daqquqa maqtula fil-Manikata; kaċċatur min-Naxxar immultat €2,500. qal li ħasibha gamiema;

16 t’April:  Venewwa milqut f’Ħal-Far; kaċċatur jeħel tlett xhur ħabs;

22 t’April:  Daqquqa milquta misjuba fil-Miżieb;

24 t’April:  Żagħżugħ  milqut miċ-ċomb sparat minn kaċċatur f’Pembroke; il-kaċċatur jagħtieh daqqa ta’ ħatra; il-kaċċatur jittella l-Qorti;

25 t’April: il-CABS xhieda ta’ sparar fuq spanjulett ħdejn l-ajruport;

25 t’ April: il-CABS xhieda (b’filmat) ta’ kaċċatur jispara wara l-curfew;

25 t’April:  il-CABS isibu daqquqa feruta oħra moħbija fil-Miżieb;

26 t’April:  gawwi isfar b’feriti biċ-ċomb misjub f’Pembroke;

27 t’April: Spanjulett ferut jaqa’ fil-ground tal-Kulleġġ St Edwards School, il-Birgu;

B’żieda ma dan kien hemm total ta’ 63 każ ta’ użu ta’ tapes b’tisfir irrekordajat tal-għasafar (illegal bird callers) li ġew identifikati mill-CABS.

Dan kellu jkun l-aħħar cans.

Joseph irid idaħħaq

Shot bird. St Edwards 270415

 

Wara l-każ tal-ispanjulett milqut darbtejn li waqa’ fil-ground tal-iskola St Edward’s College fil-Birgu Joseph Muscat għalaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għal din is-sena tlett ijiem qabel ma kien fil-fatt jagħlaq.

Kien ikun aħjar kieku Muscat spjega kif inhu possibli li jkun hemm min jispara lejn l-għasafar (protetti u mhux) fl-abitat u ħdejn skola.

X’kienu qed jagħmlu l-Pulizija biex f’dawn il-ġranet ma qabdu lil ħadd?

Possibli li ma qabdu lil ħadd fl-inħawi?  Possibli li ħadd ma ċempel jilmenta dwar il-kaċċa fl-inħawi fuq 119?

Joseph Muscat irid idaħħaq, bħas-soltu.

Fuq nett fiċ-Ċivil …….. fejn jaħraq ħafna

Xi xhur ilu Alternattiva Demokratika bdiet dibattitu dwar ir-rwol li għandhom l-impjegati fis-settur pubbliku fil-politika.

Id-Direttiva Numru Ħamsa li nħarġet mill-Kap taċ-Ċivil tiddistingwi bejn dawk l-impjegati pubbliċi li jistgħu jieħdu sehem fil-politika u dawk li ma jistgħux.

Dawk fl-iskali ta’ fuq nett ma jistgħux jinvolvu ruħhom fil-politika. Il-loġika wara din ir-regola hi li min hu fil-gradi ta’ fuq fiċ-Ċivil huwa involut sewwa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fl-għoti ta’ pariri li jwasslu għal deċiżjonijiet kif ukoll f’investigazzjonijiet interni li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ natura iebsa. Għalhekk tajjeb li joqgħod il-bogħod mhux biss mill-kunflitt ta’ interess iżda ukoll mill-potenzjal tal-kunflitt ta’ interess.

Jekk dawn ir-regoli japplikaw għal kulħadd, taqbel jew ma taqbilx magħhom tbaxxi rasek.

Imma imbagħad jiġru affarijiet li jġiegħluk taħseb li donnu hemm min għalih hemm regoli oħra. Regoli differenti.

Ma nafx jekk tiftakrux li fil-kampanja referendarja tad-divorzju kien hemm wieħed imlaħħaq fiċ-ċivil li kellu l-grad ta’ Segretarju Permanenti  u kien qed jaqdi doveri ta’ Deputat Segretarju tal-Kabinett. Dan applika u ngħata permess biex jieħu leave bla ħlas biex ikun jista’ jieħu sehem fil-kampanja referendarja. Ingħata permess għax ġie ikkunsidrat li l-kampanja referendarja ma kelliex x’taqsam mal-politika!

Ma nafx b’liema immaġinazzjoni tista’ tasal għal din il-konklużjoni ħlief bir-riga tal-Opus Dei!

Issa għandna oħra. Uffiċjal għoli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ukoll fil-grad ta’ Segretarju Permanenti b’doveri tal-Kap tad-Dipartiment tal-Verifika Interna u Investigazzjonijiet ngħatat permess biex tokkupa l-post ta’ Direttur mhux Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-logħob tal-azzard (gaming). Qed jingħad ukoll li din kienet f’posizzjoni li tagħti pariri u konsulenza lil kumpanija f’din l-industrija dwar ix-xiri ta’ sehem fil-Casino di Venezia fil-Birgu.

Il-loġika ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiena ma nistax nifhimhom. L-intriċċi tal-politika huma meqjusa perikolużi għaċ-Ċivil.  Imma dwar l-intriċċi tal-business donnu li dak ma jimpurtax. Hu biss bil-loġika tal-Opus Dei li forsi jinftehmu dawn l-affarijiet!

Il-Birgu: min ser jagħti każ?

Għall-Gvern ta’ Gonzi naħseb li l-Birgu hu importanti. Mhux biss għax tifforma parti mit-Tieni Distrett Elettorali li minnu Lawrence Gonzi jiġi elett fil-Parlament.

Fil-Birgu m’hemmx biss il-jottijiet. Forsi l-Gvern jinduna li hemm ukoll jgħixu in-nies.

In-nies mhux qegħda hemm biss biex tivvota, meta jiddeċiedi li tissejjaħ elezzjoni. In-nies teħtieġ li tgħix f’ambjent suriet in-nies.

Agħti ħarsa lejn Triq San Lawrenz.  Żmien twil ilu, xi sitta jew seba’ snin ġew mgħoddija xi servizzi  minn din it-triq u allura kellha tinqala’. Is-servizzi jidher li tqegħdu imma t-triq għadha b’wiċċ tal-konkos u mhux faċli li tgħaddi minnha wara li tkun għamlet ħalba xita bħalma għamlet dal-lejl.

Jidher li m’hemmx qbil dwar min ser iħallas. Jekk hux il-Kunsill inkella il-Gvern.

Għaddew  iktar minn 6 snin. Il-Gvern ta’ Gonzi jibqa’ jippika ma’ Kunsill Lokali. Sadanittant in-nies tibqa’ tipprova tuża’ triq imħarbta.

Ma’ Luana Zanella fil-Birgu

     

 

Kont preżenti għaż-żjara ta’ Luana Zanella (Assessur għall-Kultura f’Venezja f’isem Il-Federazione dei Verdi) għand is-Sindku tal-Birgu, l-ħabib tiegħi John Boxall.

 

L-assoċjazzjoni ta’ Venezja mal-Birgu prinċipalment hi permezz tal-Casino di Venzia li 40% minnu hu propjeta’ tal-Comune di Venezia.

 

Wara l-laqgħa akkumpanjajt lil Luana għal dawra bil-mixi mal-Birgu.

 

Apparti li mmeraviljat ruħha bil-veduta tal-Port il-Kbir kienet interessata ħafna li tkun taf kif jgħixu n-nies ġol-Birgu. B’mod partikolari kienet imħassba kif il-lukanda li għad trid tinbena fix-Xatt tal-Birgu ser teffettwa l-ħajja tan-nies li jgħixu immedjatament wara is-sit tal-Lukanda fi Triq San Lawrenz.