Malta: Repubblika tal-Banana fil-Mediterran

The Banana Republic of Malta

Bil-mod il-mod qiegħed jidher ċar it-twemmin politiku tal-Partit Laburista ta’ Joseph.

Alfred Sant għaddielu partit li ried jittrasforma lil Malta bħala Svizzera fil-Mediterran. Joseph jidher li hu iffukat biex jittrasforma lil din ir-Repubblika bħala r-Repubblika tal-Banana fil-Mediterran. Anzi, fl-Unjoni Ewropeja.

Ir-Repubblika tal-Banana oriġinali għandha l-oriġini tagħha fl-Amerika Ċentrali u hi deskritta fil-kitba tal-awtur Amerikan O.Henry biex jiddiskrivi r-Repubblika fittizija ta’ Anchuria fil-ktieb tiegħu Cabbages and Kings, ġabra ta’ novelli ispirati mill-perjodu li hu għex fil-Honduras, maħrub mill-ġustizzja Amerikana in konnessjoni ma’ frodi ta’ bank.

Fil-politika d-deskrizzjoni Repubblika tal-Banana tfisser li fit-tmexxija tal-pajjiż l-interessi privati ta’ dawk li jmexxu u ta’ madwarhom jiġu qabel il-ġid komuni. Terminu li intuża spiss dwar diversi pajjiżi fl-Amerika Latina u Ċentrali.

Fir-Repubblika tal-Banana l-Prim Ministru jikri lilu innifsu bħala Prim Ministru l-karozza privata tiegħu stess. Kif qed jagħmel Joseph Muscat.

Fir-Repubblika tal-Banana fl-ewwel jum tas-setgħa jixkupa lil kulħadd mit-tmexxija tad-Dipartimenti tal-Gvern. Qiesu sar kolp ta’ stat. Kif għamel Joseph Muscat. Inkluż fl-Armata ta’ Malta.

Issa għandna l-aħħar waħda.

Fir-Repubblika tal-Banana meta tinqabad tmexxi Lukanda illegali bħal-Lukanda Damiani f’Buġibba qiesu ma ġara xejn. Jekk inti Direttur tal-Awtorita’ tat-Trasport  tista’ tibqa’ hemm bħala Direttur għax l-etika fit-tmexxija tal-korpi pubbliċi hi biss materja ta’ interess akkademiku.

Repubblika tal-Banana  …………….. fil-Mediterran. L-aħjar fl-Ewropa!

Dawl li jniġġes

143_ahraxmellieha.jpg

mill-Aħrax tal-Mellieħa bil-lejl dan tara

Il-Birdlife għadha kif ippubblikat rapport dwar it-tniġġis ikkawżat mid-dawl u kif dan jeffettwa għasafar li jbejtu f’Malta. Ir-rapport huwa intitolat Light Pollution and its effect on Yelkouan Shearwaters in Malta; causes and solutions. Dan ir-rapport huwa parti minn proġett iffinanzjat mill-EU biex tkun imħarsa l-Garnija u fejn din tbejjet, magħruf bħala l-Rdum tal-Madonna fl-Aħrax tal-Mellieħa.

It-tniġġis kawżat mid-dawl huwa problema fiż-żoni madwar il-kosta u jeffettwa lill-għasafar li jtiru l-iktar bil-lejl. Dan it-tnġġis mid-dawl ma jeffettwax biss lill-għasafar. Minbarra ħlejjaq oħra jeffettwa ukoll lilna.

Fid-dwal mixgħula bil-lejl għandna ħafna ħela. Ir-rapport jirrakkomanda x’miżuri jistgħu jittieħdu biex dan it-tniġġis mid-dawl ikun ikkontrolat u possibilment eliminat.

It-tip ta’ fittings għad-dwal użati fit-toroq jista’ jnaqqas ħafna din il-problema ta’ tniġġis u dan billi jidderiġi d-dawl lejn fejn hu meħtieġ. F’ċerti toroq hemm dawl żejjed.

L-istudju jiffoka fuq il-kolonja tal-garnija fl-Aħrax tal-Mellieħa u jikkonkudi li l-garnija li tbejjet hawn hi efettwata mit-tniġġis tad-dawl li qed joriġina minn Buġibba, l-Mellieħa, il-Campsite fl-Aħrax stess, iċ-Ċirkewwa u l-Għadira.

Ir-rapport fih lista ta’ rakkomandazzjonijiet li jinkludu mod kif jitnaqqas it-tniġġis mid-dawl kkawżata mid-dwal fit-toroq, mal-bajjiet, mal-lukandi u anke dak madwar bini pubbliku, bħas-swar u l-knejjes.