L-inċident fil-kamra tan-nar fis-Salini: dmugħ tal-kukkudrilli

 

L-inċident tal-kamra tan-nar tas-Salini għadu fl-aħbarijiet, mhux biss għax għad hemm il-possibilitá ta’ murtali li ma splodewx li jistgħu jkunu is-sors ta’ periklu. Imma ukoll għax għad hemm in-nies l-isptar, uħud fil-periklu li jitilfu ħajjithom. Fil-ħin li qed nikteb qed titħabbar il-mewt ta’ wieħed minn dawk imweġġgħin gravi.

L-inkjesti għaddejjin u f’xi stadju jkollna rakkomandazzjonijiet dwar x’jeħtieġ li jsir biex ikunu evitati dawn l-inċidenti. Imbagħad ikunu hemm ħafna dmugħ tal-kukkudrilli dwar il-ħtieġa li jittieħdu passi biex tiżdied is-siġurtá.

Tajjeb f’dan il-kuntest li niftakru li ftit ġimgħat ilu l-Qorti tal-Appell, dwar kawża li saret mill-komunitá rurali taż-Żebbiegħ tletin sena ilu, ħassret permess ta’ kamra tan-nar fiż-Żebbiegħ, u dan minħabba li ma kienitx tosserva d-distanzi minimi meħtieġa mill-liġi.

Sfortunatament din id-deċiżjoni tal-Qorti ġiet newtralizzata, għax il-Parlament Malti, bi qbil unanimu, emenda l-liġi biex jagħti lill-Kummissarju tal-Pulizija l-awtoritá li jkun jista’ joħroġ il-permess għall-kamra tan-nar xorta waħda, minkejja li l-qisien minimi ma jkunux osservati.

Hi ipokrezija grassa li, fost dawk li l-iktar marru malajr is-Salini jxerrdu d-dmugħ tal-kukkudrilli, kien hemm dawk li mexxew il-quddiem malajr malajr il-liġi li tagħmilha possibli li l-kmamar tan-nar ikunu iktar viċin in-nies, bil-periklu b’kollox.

Issa, l-qisien minimi kif inhuma, waħedhom m’humiex biżżejjed biex jipproteġu n-nies. Aħseb u ara jekk tagħmilha possibli li dawn jonqsu.

Advertisements