It-Triq Tal-Għadira

ghadira-nature-reserve

 

Il-Gvern permezz tal-Ministru tat-Trasport Austin Gatt ħabbar il-ħsiebijiet tiegħu dwar il-kostruzzjoni ta’ triq ġdida fl-Għadira wara r-riżerva naturali kif ukoll wara l-villaġġ tad-Daniżi.

 

Intqal li saret konsultazzjoni mal-Birdlife u mal-Management tal-villaġġ Daniż. Tajjeb li saret konsultazzjoni magħhom, imma mal-pubbliku f’Malta s’issa għadha ma saret l-ebda konsultazzjoni. L-ambjent f’Malta la hu tal-Birdlife u l-anqas tal-Management tal-villaġġ Daniż iżda tal-poplu Malti.

 

Li kieku ma tkellmux il-gazzetti ħadd ma kien ikun jaf x’inhu għaddej.

 

 

It-triq kif proposta mill-Gvern ma tistax issir għax tmur kontra l-provedimenti tal-Habitats Directive tal-Unjoni Ewropea. Taħt il-provedimenti ta’ din id-direttiva ir-riżerva naturali tal-Għadira hi diġa dikjarata Special Area of Conservation (SAC). Fl-inħawi tal-SAC ma jista’ jsir xejn li jista’ jkollu impatt fuq l-area protetta. Triq ewlenija bħal dik proposta bil-movimenti u d-dwal li jkollha ser teffettwa l-funzjoni tal-SAC.

 

L-Unjoni Ewropea ma tagħtix fondi għal proġetti li jeffettwaw SACs. Jiġifieri jekk id-Direttorat tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA jagħmel dmiru u jipproteġi r-riżerva tal-Għadira t-triq ma ssirx. Jekk min-naħa l-oħra  d-Direttorat tal-Ambjent jagħlaq għajnejh u ma jagħmel xejn, jinstab mod kif l-Unjoni Ewropea tkun infurmata dwar x’qiegħed jiġri f’dan il-pajjiż li fih “bil-kliem” l-ambjent jingħata importanza kbira.

 

 

Jekk tintmiss it-triq eżistenti tal-Għadira, fi ġranet ta’ maltemp, meta jaħkem il-Grigal, dak kollu li hemm fir-riżerva jitkaxkar. Hi it-triq eżistenti li qed tipproteġi r-riżerva.

 

Hemm imbagħad l-effett fuq il-villaġġ tad-Daniżi. Dan inbena bħala faċilita turistika għall-kwiet, f’atmosfera rurali. Il-bini ta’ triq prinċipali kważi ħajt ma ħajt mal-villaġġ ser teqred l-identita ta’ dan il-villaġġ.

 

Hemm ħafna affarijiet oħra x’jingħadu dwar din it-triq pero’ naħseb li dan t’hawn fuq hu l-iktar importanti għalissa.

 

 

Advertisements

Dawl li jniġġes

143_ahraxmellieha.jpg

mill-Aħrax tal-Mellieħa bil-lejl dan tara

Il-Birdlife għadha kif ippubblikat rapport dwar it-tniġġis ikkawżat mid-dawl u kif dan jeffettwa għasafar li jbejtu f’Malta. Ir-rapport huwa intitolat Light Pollution and its effect on Yelkouan Shearwaters in Malta; causes and solutions. Dan ir-rapport huwa parti minn proġett iffinanzjat mill-EU biex tkun imħarsa l-Garnija u fejn din tbejjet, magħruf bħala l-Rdum tal-Madonna fl-Aħrax tal-Mellieħa.

It-tniġġis kawżat mid-dawl huwa problema fiż-żoni madwar il-kosta u jeffettwa lill-għasafar li jtiru l-iktar bil-lejl. Dan it-tnġġis mid-dawl ma jeffettwax biss lill-għasafar. Minbarra ħlejjaq oħra jeffettwa ukoll lilna.

Fid-dwal mixgħula bil-lejl għandna ħafna ħela. Ir-rapport jirrakkomanda x’miżuri jistgħu jittieħdu biex dan it-tniġġis mid-dawl ikun ikkontrolat u possibilment eliminat.

It-tip ta’ fittings għad-dwal użati fit-toroq jista’ jnaqqas ħafna din il-problema ta’ tniġġis u dan billi jidderiġi d-dawl lejn fejn hu meħtieġ. F’ċerti toroq hemm dawl żejjed.

L-istudju jiffoka fuq il-kolonja tal-garnija fl-Aħrax tal-Mellieħa u jikkonkudi li l-garnija li tbejjet hawn hi efettwata mit-tniġġis tad-dawl li qed joriġina minn Buġibba, l-Mellieħa, il-Campsite fl-Aħrax stess, iċ-Ċirkewwa u l-Għadira.

Ir-rapport fih lista ta’ rakkomandazzjonijiet li jinkludu mod kif jitnaqqas it-tniġġis mid-dawl kkawżata mid-dwal fit-toroq, mal-bajjiet, mal-lukandi u anke dak madwar bini pubbliku, bħas-swar u l-knejjes.