Il-Boathouses tal-Armier

 

Id-deċiżjoni li ħa l-Gvern permezz tal-Korporazzjoni Enemalta li jipprovdi substation tal-elettriku bi spiża ta’ €82,000 u dan biex jaqdi li min b’mod illegali abbuża u qiegħed jokkupa art pubblika fl-Armier hi tal-mistħija .

 

M’huwiex aċċettabbli li min jabbuża u jieħu f’idejh art pubblika ikun ippremjat. Dan m’huwiex kompatibbli mas-saltna tad-dritt (rule of law) f’soċjeta demokratika iżda mal-liġi tal-ġungla. Fejn min għandu s-saħħa jhedded u jimxi.

 

L-anqas m’hi imġieba etika dak li għamel il-Kap tal-PN li kellu laqgħa sigrieta (ma ngħatat l-ebda pubbliċita) mal-assoċjazzjoni ta’ dawk li qed jabbużaw lejliet l-elezzjoni ġenerali bl-intenzjoni speċifika li jserħilhom moħħhom u b’hekk jipprova jieħu il-voti tagħhom.     

 

Il-kosta tal-Armier għandha tittieħed lura mill-Gvern f’isem il-poplu Malti u dan biex titgawda minn kulħadd, u mhux minn dawk li għax abbużaw qed jingħataw il-protezzjoni.

 

Illum qed nikkummenta fuq il-boathouses tal-Armier imma dak li qed ngħid japplika għal dawk ta’ bnadi oħra ukoll, fejn dawn inbnew b’mod illegali. Ma jistax ikun li min jabbuża jiġi ppremjat.

 

Is-skiet tal-MLP fil-kwistjoni kollha għandu tifsira ukoll. Għax hu ukoll għandu responsabbilta’ għal dak li wassal għall-qagħda tal-lum.