“L-iskandlu” ta’ Marsaxlokk : il-proposta oriġinali

Diġa inkiteb ħafna dwar dan l-hekk imsejjaħ “skandlu” ta’ Marsaxlokk.

Fuq il-blog tagħha  Daphne Caruana Galizia nhar il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012 ippubblikat il-pjanta finali li kienet tiddetermina ż-żona ta’ żvilupp f’Marsaxlokk. Il-pjanta ippubblikata hi dik bin-numru 73 u turi l-art ta’ ulied il-Perit Mintoff b’faċċata fuq Triq iż-Żejtun bil-kulur maroon li jindika “terraced development” u quddiemu linja safra li juri li hemmhekk hi proġettata triq. Qed nirriproduċi din il-pjanta hawn fuq. L-art fiċ-ċirku aħmar hi dik tal-aħwa Mintoff.

Din il-pjanta li ġiet ippubblikata kif għidt kienet id-deċiżjoni finali li ttieħdet fl-1989.

Pero, żmien qabel, il-Gvern kien ippubblika proposta ta’ pjanta għal konsultazzjoni pubblika. F’din il-konsultazzjoni l-Gvern permezz tal-Ministru li dak iż-żmien kien responsabbli għall-ippjanar : Il-Perit Michael Falzon, kif ukoll it-Taqsima tal-Ippjanar tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet (Public Works) stieden kummenti, osservazzjonijiet u sottomissjonijiet. Niftakar li kien possibli li jkun propost permezz ta’ formola apposta u siteplan annessa magħha li xi art li ma kienitx inkluża fil-proposti li saru ikunu ikkunsidrati.

Issa araw din il-pjanta ta’ hawn taħt. Din hi l-pjanta oriġinali dwar l-iżvilupp permissibli f’Marsaxlokk. L-art fic-cirku immarkat bl-aħmar  turi l-art propjeta ta’ ulied il-Perit Mintoff. F’din il-pjanta hu ċar li meta l-Gvern fl-1988 ippreżenta l-pjanta li turi l-iżvilupp permissibli f’Marsaxlokk l-art ta’ ulied il-Perit Mintoff kienet eskluża. Kienet eskluża għax it-tekniċi fit-Taqsima tal-Ippjanar kienu tal-fehma li din l-art ma kelliex tkun żviluppata.

Mela dan hu l-punt reali tat-tluq tad-diskussjoni. Xi ħadd wara li ħarġet din il-pjanta iddeċieda li l-art ta’ ulied il-Perit Mintoff kellha tkun żviluppata. M’huwiex xi sigriet li din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kumitat Magħzul tal-Parlament immexxi mill-Ministru ta’ dak iż-żmien il-Perit Michael Falzon.

X’kienu ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni? S’issa ħadd ma jaf.

Nistennew.

Dom u Daphne : l-ewwel miraklu ?

Kellu jkun Dom Mintoff u l-art li nnegozjaw uliedu Yana u Anne biex Daphne tikteb artiklu imqanqal dwar l-ambjent. Dwar art li kellha tibqa’ barra iż-żona ta’ żvilupp imma daħħluha.  Mhux soltu li qalba taħraqha għall-ambjent! Miraklu?

Talbet inkjesta għax hu skandlu kif art li sal-1989 kienet barra miż-żona ta’ żvilupp, mill-1989 il-quddiem setgħet  tinbena. Il-pjanta l-ġdida ta’ kif setgħet tinbena l-art fiha bħal ħotba, qiesha riedu jdaħħlu biss l-art tal-familja tal-Perit.

Naqbel 100% magħha li dik l-art qatt ma messha ġiet permessa li tkun żviluppata. Imma jiena u Daphne motivati minn raġunijiet differenti.

Il-motiv ta’ Daphne hu Mintoff: għaliha dak li għandu x’jaqsam miegħu Mintoff hu kollu ħażin.

Il-motiv tiegħi hu ambjentali: jiena motivat  mill-fatt li m’għandniex bżonn bini ta’ iktar residenzi għax għandna iktar minn biżżejjed. Bħalissa għandna il-fuq minn 70,000 post residenjali vojt u żgur li m’għandniex bżonn iktar.

L-art b’faċċata fuq Triq iż-Żejtun Marsaxlokk daħlet fl-ischeme tal-bini fl-1989. Dakinnhar  iddaħħlu fl-ischeme tal-bini kwantitajiet kbar ta’ artijiet imxerrda ma Malta kollha. Uħud kien jagħmel sens li jidħlu. Oħrajn le. Irrispettivament ta’ min huma. Mhux ta’ ulied il-Perit Mintoff biss. Ta’ l-oħrajn ukoll.

Għalhekk mhux skandlu. Iżda skandli. Plural mhux singular. Jiena u Alternattiva Demokratika interessati fil-plural, mhux fis-singular. Imma Daphne hi interessata biss u esklussivament fuq il-każ ta’ Marsaxlokk. Hekk jidher ta’ l-inqas.

Dawn l-iskandli ma sarux biss fuq art f’Marsaxlokk. L-anqas ma saru biss fl-1989. Saru ukoll taħt id-direzzjoni ta’ George Pullicino fl-2006 b’dak il-proċess magħruf bħala “rationalisation”. Bħala riżultat ta’ dan il-proċess kompliet tiżdied l-art li tista’ tinbena madwar Malta kollha.

Anke dwar dan saret spekulazzjoni.   Anke hawn kien hawn pluralita’ ta’ skandli. Imma dakinhar il-miraklu kien għadu ma sarx. Alternattiva Demokratika u l-għaqdiet ambjentali biss fetħu ħalqhom!

Ħaddiehor żamm għajnejh magħluqa, meta messhom huma miftuħin beraħ il-ħin kollu. It-tnejn li huma.

Imma l-miraklu ta’ kuxjenza ambjentali ta’ Daphne għalissa jidher li hu limitata għal Triq iż-Żejtun Marsaxlokk.

Progress? Ma nafx!

Daphne Caruana Galizia u l-iskandlu ta’ Marsaxlokk

L-istorja interessanti li ħarġet biha Daphne Caruana Galizia permezz ta’ numru ta’ blogposts fuq il-blog tagħha timmerita ftit osservazzjonijiet għax fiha numru ta’ żbalji. Ma nafx min ħa l-iżball, jekk hux l-awtriċi inkella min ta’ l-istorja.

Id-dokument f’forma ta’ kuntratt ippubblikat fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia kmieni nhar it-12 ta’ Settembru juri li  Yana u Anne aħwa Mintoff biegħu lill-kumpanija taċ-Ċaqnu, Ginwi Co Ltd, art f’Marsaxlokk b’faċċata fuq Triq iż-Żejtun  u bil-kejl ta’ 5159.59 metri kwadri.

Din l-art, skond Daphne inbiegħet wara li s-sid oriġinali applika għal permess liema permess ġie rifjutat minħabba li l-art “kienet barra miż-żona ta’ żvilupp”.

Issa jiena fittixt fil-pjan lokali tal-area (Il-Pjan għall-Bajja ta’ Marsaxlokk) u sibt li meta dan ġie approvat fl-1995 l-art in kwistjoni kienet diġa tajba għall-iżvilupp. Mort iktar lura sa meta l-Parlament approva l-Pjan Regolatur Temporanju fl-1989 u sibt li anke dakinnhar din l-art kienet inkluża fiż-żona ta’ żvilupp!

Meta rajt dan ma stajtx nifhem kif meta is-sid oriġinali tal-art ippreżenta applikazzjoni fuq l-art din l-applikazzjoni ġiet rifjutata. Il-blog ta’ Daphne jgħidilna u jfissrilna li l-applikazzjoni PA4509/96 ġiet rifjutata u li r-raġuni li ngħatat kienet li l-art ma kienitx tajba għall-iżvilupp.

Meta tmur fuq is-sit tal-MEPA u tara l-applikazzjoni PA4509/96 issib li l-qies tal-art li fuqha is-sid oriġinali (Anthony Cassar Desain) applika kien ta’ 8,200 metru kwadru (tmient elef u mitejn metru kwadru).  L-applikazzjoni tal-1996 fil-fatt hi deskritta hekk fuq is-sit tal-MEPA:   “Proposal for residential development over an area of 0.82h to include two storey semi-detached units with vast tracts of open space, new roads and community facilities.

Dan ifisser li l-art tal-applikazzjoni tal-1996 kienet ferm ikbar mill-art li inbiegħet lill-aħwa Mintoff u li parti minnha kienet tajba għall-iżvilupp u parti oħra x’aktarx li kienet barra miż-żona tal-iżvilupp.

Tibqa’ parti oħra interessanti mill-istorja.

L-art li l-aħwa Mintoff ser idaħħlu €3,610,529 minn fuqha Daphne Caruana Galizia qaltilna li tagħha ħallsu Lm4,000 (jiġifieri  €9318). Din diffiċli biex titwemmen għax żmien il-bħaħan ilu li spiċċa. Iktar u iktar meta d-deċiżjoni li l-art tkun tajba għall-bini ilha żmien twil li ittieħdet.

Mhux qed ngħid li hu tajjeb li ittieħdet id-deċiżjoni illi din l-art tkun tista’ tinbena, imma għall-korrettezza għandu jingħad li d-deċiżjoni dwarha ittieħdet fl-aħħar tas-snin tmenin. Issa x’ġara dakinnhar u għax daħlet fl-iskema ma nafx.

Il-mistoqsija  dwar dan l-hekk imsejjaħ “skandlu” għaldaqstant hi dwar iċ-ċifri li qed jissemmew u jekk dawn humiex korretti.  In partikolari jekk hux veru li s-sid oriġinali kienx daqshekk baħnan li art tajba għall-bini tal-kejl ta’ 5159.59 metri kwadri  irmieha b’Lm4,000 (€9318).

Min jaf, forsi dan kollu hu faċċata li warajha hemm moħbija affarijiet oħra.

Nistennew u naraw!