L-ispekulaturi tal-art mgħejjuna mill-Gvern: ħa jaħtfu l-baħar ukoll

Qieshom mejtin bil-ġuh. Wara li ħarbtu l-art, issa ser iduru għall-baħar. Għalissa qed jillimitaw ruhom mir-Rikasli saż-Żonqor. Imma wara jibqgħu għaddejjin sa Baħar iċ-Ċagħaq.

Hu ċar daqs il-kristall li l-ispekulaturi tal-art lokali dawwru għajnejhom lejn il-kosta tagħna biex jissodisfaw ir-regħba tagħhom bla qies.

L-informazzjoni li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) identifikat il-kosta bejn ir-Rikażli u iż-Żonqor bħala l-iktar parti tal-kosta li hi addattata għar-riklamazzjoni hi ta’ tħassib kbir. L-ERA qed tgħid li għaliex iż-żona hija diġa’ iddegradata (jiġifieri prattikament mejta), allura ma jimpurtax li tkompli issirilha aktar u aktar ħsara, għax daqslikieku ma baqax tama għal din iż-żona. Hekk qed tgħid l-ERA b’ħafna logħob bil-kliem.

Għalkemm għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni definittiva, l-identifikazzjoni mill-ERA ta’ din iż-żona hija r-riżultat ta’ pressjoni biex jinstab sit adattat għar-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni li jirriżulta minn proġetti fuq skala kbira bħall-mina proposta bejn Malta u Għawdex, kif ukoll il-proġett dB fis-sit tal-ITS u l-proġett Corinthia fuq il-peniżola ta’ Pembroke. Dawn il-proġetti se jipproduċu madwar miljun u nofs metru kubu ta’ skart tal-kostruzzjoni.

Iż-żona matul il-kosta tax-Xgħajra diġà ntużat bħala sit għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni minn proġetti oħra kbar, bħall-proġett mostru tal-MIDI fuq il-peniżola ta’ Tigne. Hi żona li ġiet wkoll effetwat bħala riżultat tal-outfall tad-drenaġġ tul is-snin.

Il-Gvern irċieva madwar għoxrin espressjoni ta’ interess, liema sejħa ħarget mill-Gvern innifsu, għal proġetti li jinvolvu r-riklamazzjoni tal-art f’diversi partijiet tal-kosta. Deċiżjonijiet dwar dawn il-proġetti għadhom pendenti. Huwa magħruf ukoll li fost l-aktar proġetti msemmija huma dawk bejn Portomaso u Baħar iċ-Ċagħaq. Fosthom hemm it-talba riċenti relatata mal-proġett Corinthia fuq il-peniżola ta’ Pembroke kif ukoll iż-żona marbuta ma’ Portomaso li kienet tifforma parti mill-Masterplan ta’ Paceville li illum suppost li ġie skartat.

Sfortunatament il-Gvern huwa favur ir-riklamazzjoni tal-art u għalhekk id-dikjarazzjonijiet minn uffiċjali tal-gvern li jipprovaw jitfgħu l-ballun f’saqajn l-ERA mhux kredibbli.

Alternattiva Demokratika hi kontra l-estensjoni tal-kankru tal-ispekulazzjoni tal-art għal fuq il-baħar tagħna. Tħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu miżuri effettivi biex jipproteġi l-kosta u l-aċċess għaliha. Għad hemm diversi talbiet pendenti minn NGOs ambjentali għall-protezzjoni tal-kosta u dan in konnessjoni mal-implimentazzjoni tal-ligi tad-dimanju pubbliku. Kemm se jdumu fuq l-ixkaffa dawn it-talbiet?

Advertisements