L-aġenda ta’ Muscat hi kontra l-ambjent

joseph_muscat_in_zonqor

 

Għal min kellu xi dubju, l-każ taż-Żonqor juri ċar kemm il-Gvern immexxi minn Joseph Muscat hu Gvern li jiġi jaqa’ u jqum mill-ambjent.

Il-proposta ta’żvilupp għaż-Żonqor Joseph Muscat għamilha bil-parir stupidu tal-MEPA li insiet li qegħda hemm biex isservi lill-pajjiż u mhux lill-Gvern.

L-aħħar proposta tal-Gvern tagħmel inqas ħsara. Imma xorta tagħmel il-ħsara. Filwaqt li għandna nieħdu in-nifs li ġew salvati 72,000 metru kwadru xorta irridu niftakru li ser ikunu żviluppati 18,000 metru kwadru barra miż-żona tal-iżvilupp.

L-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni li għamel il-Gvern għamlu bil-fors u kontra qalbu. Għamlu għax ġie imġiegħel mill-opinjoni pubblika. Konsultazzjoni li saret wara li d-deċiżjoni kienet diġa lesta.

Dan hu l-metodu ta’ Joseph Muscat. Jgħaffeġ. U jekk ikun hemm min jiftaħ ħalqu jara x’jagħmel, skond kemm tkun kbira l-opposizzjoni għall-ħmerijiet u l-ħsara li jkun qiegħed ifassal.

Għax Joseph Muscat (u l-Gvern tiegħu) jiġi jaqa’ u jqum mill-ambjent. Dik hi l-aġenda tiegħu.

Ma tagħmilx kompromess bi ħwejjeġ ħaddieħor

Zonqor proposal

L-aħbar li parti mill-Università Amerikana taż-Żonqor issa sejra fiż-Żona tal-Baċir numru 1 f’Bormla kienet aħbar tajba. Din kienet deċiżjoni ta’ kuraġġ li għalkemm ġiet tard għandna nkunu kuntenti biha. Hi deċiżjoni li ser tagħmel il-ġid lill-Bormla. Mhux biss għax ser tkompli l-proċess tar-riġenerazzjoni ta’ din il-Belt imma ukoll għax ser tħajjar lil dawk bi propjetà madwar il-baċir biex huma ukoll jipparteċipaw f’dan il-process.

Jibqa’ l-iżvilupp fiż-Żonqor li naqas sostanzjalment minn kif kien propost oriġinalment.

Hu tajjeb li 13,000 metru kwadru ġoż-zona tal-iżvilupp fiż-Żonqor ser jiffurmaw parti mill-proġett. Imma hu ħażin li l-bqija u ċjoe 18,000 metru kwadru ta’ żvilupp ser isiru ODZ, barra miż-żona ta’ żvilupp.

Wieħed għad irid jeżamina b’iktar reqqa l-impatti fuq ir-residenti ta’ Marsaskala b’mod partikolari taż-żona residenzjali (dormitorju) tal-Università. Bla dubju ser ikun hemm impatti mhux mixtieqa fuq ir-residenti ta’ Marsaskala simili ghal dawk li jġarrbu ir-residenti tas-Swieqi mill-istudenti tal-Ingliz.

Tajjeb li l-Gvern iċċaqlaq mill-posizzjoni tiegħu. Semgħa dak li qalet is-soċjetà ċivili. Iżda mhux biżżejjed. Wara kollox ma tagħmilx kompromess bi ħwejjeġ ħaddieħor.

Xejn m’hu xejn, Joe

pot-boiling-stir

L-istejjer fuq il-media l-bieraħ ma naqsux. Kemm fuq il-media stampata kif ukoll fuq dik elettronika.

Iż-Żonqor donnu li jrid jibqa’ fl-aħbarijiet, din id-darba minħabba sejba ta’ droga.

L-istorja fuq l-Independent dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg  hi inkwetanti ħafna, għax tallega li kien hemm abbuż minn persuna vulnerabbli. Hu allegat li persuna marida mentalment ġiet immanipulata biex hi tbiegħ art fil-limiti ta’ Ħad-Dingli. Ian Borg qed jiċħad dak allegat u qed jilmenta li l-istorja hi ġlieda interna f’familja li ma kellux jiddaħħal fiha. Jekk dak li qed jgħid Ian Borg hu korrett, seta qagħad ftit iktar attent Ian Borg biex jevita li jidħol bejn il-basla u qoxritha.

Imma l-istorja tal-ġimgħa naħseb li hi dik dwar il-Ministru Chris Cardona fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia: Economy Minister in the dog-house (actually, the Stable). Partijiet mill-artiklu qieshom script għal film. Il-mistoqsija bażika tibqa’ hemm: jekk il-Ministru Chris Cardona irċeviex riġal ta’ użu b’xejn ta’ flat lussuż f’Portomaso mingħand persuna fin-negozju – anzi, persuna li l-familja tagħha hi involuta fil-power station tal-gass f’Delimara.

Il-ħajja privata ta’ Chris Cardona ma tinteressanix. Dik tinteressa biss liz-zekzika.

Imma hu fl-interess pubbliku li jkun magħruf jekk Ministru rċeviex dawn it-tip ta’ rigali u jekk dan ifissirx li qed jikkomprometti l-uffiċċju politiku li jokkupa.

Imma donnu li xejn m’hu xejn. Kollox jgħaddi. Mhux hekk Joe?

Ir-rapport tal-MEPA dwar iż-Żonqor: kif isiru l-affarijiet kieku jsiru bis-serjetà

iz-zonqor.wied_ilghajn_project_map

Tiftakru dak ir-rapport tal-MEPA dwar iż-Żonqor, fejn awturi fantażma qalu li ż-Żonqor seta jkun ikkunsidrat għall-iżvilupp ta’ Università Amerikana?

Il-konklużjoni ta’ (kważi) kulħadd kienet li ma kien hemm l-ebda serjetà fit-tfassil tar-rapport, u li kien ikun aħjar għall-MEPA u l-kredibilità tagħha kieku qagħdet il-bogħod u ma daħlitx bħal żatat fejn ma kienx postha.

Il-bieraħ fir-Renju Unit wara stħarriġ ta’ sentejn u nofs u nefqa ta’ £stg 20 miljun [għoxrin miljun sterlina] kien ippubblikat rapport imsejjaħ Airports Commission: Final Report. F’dan ir-rapport kummissjoni maħtura mill-Gvern tar-Renju Unit kellha l-inkarigu li teżamina l-kapaċita’ tal-ajruporti li jservu Londra u l-impatti tal-espansjoni potenzjali ta’ tnejn minnhom. Il- kummissjoni kienet mistennija tagħti parir dwar jekk għandux ikun kostruwit it-tielet runway fl-ajruport ta’ Heathrow inkella jekk kellux ikun kostruwit runway addizzjonali fl-ajruport ta’ Gatwick.

Iċ-Ċhairman tal-kummissjoni Sir Howard Davies, fid-daħla għal rapport ta’ 344 paġna jagħmel din id-dikjarazzjoni:

“Il-benefiċċji tal-avjazzjoni jgawdihom kulħadd, filwaqt li l-piż ambjentali tagħhom jintrefgħu mill-ftit. Għal dawk li joqgħodu ħdejhom l-ajruporti huma ġirien storbjużi, b’kilba għal ħafna art.”  

(The considerable benefits of aviation accrue to the many, while the environmental costs are borne by the (relatively) few. For those who live near them airports are noisy neighbours and are greedy for space.)

Essenzjalment dan il-kumment jgħodd għal kull proġett li jkun ippjanat. Għalhekk isiru l-istudji, biex ikunu identifikati l-impatti negattivi tal-proġett bl-iskop li, fejn possibli, dawn ikunu indirizzati. Fejn minkejja kull sforz (ġenwin) l-impatti jibqgħu hemm, wieħed imbagħad ikun irid jara jekk il-proġett ikunx għadu ġustifikabbli.

Ir-rapport jirrakkomanda li jkun ikkunsidrat l-espansjoni tal-ajruport ta’ Heathrow permezz tal-kostruzzjoni tat-tielet runway imma jorbot din ir-rakkomandazzjoni ma’ lista twila ta’ kundizzjonijiet ambjentali.

Il-Gvern (tar-Renju Unit) għad irid jieħu deċiżjoni. Imma l-kontroversja għadha fil-bidu nett. Hemm diversi membri parlamentari tal-Gvern li diġà esprimew ruħhom kontra l-proposta, fosthom numru ta’ MPs prominenti.

Ir-rapport ta’ 344 paġna, li diġa hu voluminuż, hu supplimentat b’numru kbir ta’ rapport tekniċi li jikkunsidraw diversi aspetti tal-impatti ambjentali , soċjali u ekonomiċi. Impatti fuq in-negozju u impatti fuq il-kwalita’ tal-arja. Impatti fuq il-klima, kif ukoll l-impatti fuq ir-residenti lokali. Impatti fuq it-trasport fil-lokalità kif ukoll eżami tal-validità tal-previżjonijiet diversi tat-traffiku tal-ajru ġġenerat. L-impatti fuq l-ekonomija lokali u l-impatti fuq l-ekonomija nazzjonali. L-impiegi w ix-xogħol iġġenerat.  L-impatt fuq il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u “equality impact assessment”.

Dan kollu u iktar hu mfisser f’eluf ta’ paġni biex il-Gvern tar-Renju Unit ikun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata, imma ukoll biex is-soċjeta’ ċivili tkun tista’ tagħmel il-kontrolli neċessarji li l-analiżi qed issir sewwa u b’mod professjonali.

Dan kollu eventwalment ikun segwit ukoll bi studju dwar l-impatti ambjentali (environment impact assessment) skond jekk jintagħżilx Heathrow jew Gatwick.

Ma kienx ħaqqu iż-Żonqor u r-residenti ta’ Marsaskala li l-proġett propost ikun ikkunsidrat ftit fid-dettall, ankè f’dan l-istadju?

Mhux ta’ b’xejn li l-awturi tar-rapport stħaw juru wiċċhom!

The compromise which can never be accepted

iz-Zonqor 2

 

The Prime Minister is seeking a compromise which will allow him to proceed with the rape of  Żonqor. It will be acceptable to all bar the extremists the Prime Minister was reported as saying.

The compromise sought by the Prime Minister will be such that instead of facilitating the rape of 90,000 square metres of agricultural land at Iż-Żonqor, he may opt for a smaller agricultural area to be ruined. That is, instead of placing all the university campus at Iż-Żonqor, only part of it will be so sited, for the time being.

Is this meant to elicit a thank you? Thank You for what?

This is a government which hears but does not listen.  It has certainly heard the public outcry against the development of ODZ land. But it has not listened to,  nor has it apparently understood, the reasons which justify this outcry.

If this were a government which listens, in addition to hearing,  it would understand that the objection runs far deeper and is not limited to the site area. It is an objection in principle to the development of ODZ land.

The proposed compromise is not acceptable as there ought to be no messing about with principles, not even if there is economic gain.  The economic gain indicated is just one side of the equation. It can never justify the environmental and social losses. The only possible solution is to relocate the whole project towards other areas where the economic gains made either create no environmental and social costs or else their magnitude is insignificant. Obviously there will be economic fundamentalists who would always prefer ODZ land as this minimises the financial costs of the project, the only costs which really interest them.

ODZ  means Outside the Development Zone. It is not some flexible boundary that can be adjusted  to suit the whims of the emperor.  The demarcation line between the Development Zone and beyond has been moved quite often in the past.  In the process,  large tracts of agriculture land was devoured by a concrete jungle.

The development of Iż-Żonqor will be an injustice which will shift more resources of the nation to the wealthy, in the process robbing the local farmers of their dignity. The farmers tilling the land at iż-Żonqor have their social and spiritual roots embedded deep in the soil. They are an integral part of the land which they take care of on behalf of all of us Maltese people.

Last week, over 3,000 Maltese citizens gathered in Valletta to protest against the Żonqor project. They did this because they believe that our natural heritage is our common responsibility. Iż-Żonqor is part of our common home on which we all depend physically and emotionally.

Iż-Żonqor is part of the logic of receptivity. It is on loan to the present generation which must pass it on to the next generation. Defending the countryside is our common responsibility which we will shoulder together. On this basis, there is no room for compromise Mr Prime Minister. Focus elsewhere and leave Iż-Żonqor alone.

published in The Malta Independent on Sunday – 28 June 2015

Estremist jew …………….. imdawwar bil-poodles

poodles 2

 

Ġieli qalulna ukoll fundamentalisti. L-aħħar titlu hu estremisti. Hekk irrappurtat it-Times online illum diskors dal-għodu ta’ Joseph Muscat. L-Independent min-naħa l-oħra  uża l-kelma “absolutism”.  Il-Malta Today irrappurtat dak li ntqal b’video li jaqbel ma dak li qalet l-Independent.

Ir-realtà hi li l-valur tal-ekoloġija hu wieħed assolut. Għalhekk din l-opposizzjoni li bdiet u nittama li ma tieqafx.  Il-ħerba ekoloġika madwarna qed tikber kontinwament, għax hawn wisq politiċi irresponsabbli bħal Joseph Muscat jiġru mas-saqajn. Tkun irresponsabbli jekk tħares sal-ponta ta’ mnieħrek. Jekk tħares lejn il-gwadann immedjat u tinjora, jew aħjar tagħlaq għajnejk għall-ħsara irreparabbli li qed tiżviluppa bil-mod u fit-tul.

Il-proposta tal-hekk imsejjaħ kompromess li qed jimbotta ftit ftit Joseph Muscat, fis-sens li jibni biss parti mill-campus tal-“Università” fiz-Zonqor u l-kumplament x’imkien ieħor hi proposta irresponsabbli. Għax jekk Muscat qed jagħraf li hemm validità fl-argument li l-Università għandha titbiegħed miż-Żonqor, din għandha titbiegħed kompletament. Mhux biċċa biss biex taparsi kien qed jisma’.

Tajjeb li l-Gvern jisma’. Imma hu iktar importanti li jagħti każ. Li ma tkunx trid  tisma’ hu ħażin. Imma li tisma’ u ma tagħtix każ hu agħar għax turi li taparsi qed tisma’.

Pajjiżna ma jistax jitlef iktar raba’. Tilef iktar minn biżżejjed tul is-snin. Dak li ntilef ma jistax jinġieb lura.

Ir-raba’ taż-Żonqor m’huwiex biss sors ta’ għajxien għall-bdiewa. Huwa ukoll bejta tal-bijodiversità li qed tinqered ftit ftit.

Li topponi li l-ġungla tal-konkos jibla iktar raba’ m’huwiex estremiżmu. Huwa sens ta’ responsabbiltà kbira favur żvilupp sostenibbli. Għax l-iżvilupp għaqli m’huwiex li tibni iktar imma li tkun kapaċi tutilizza dak li hu diġa mibni biex taqdi l-ħtiġijiet tal-lum.

Dan ma jgħoddx biss għaż-Żonqor imma jgħodd ukoll għall-iskejjel li trid tibni l-Knisja f’Ħal-Ghaxaq. Ankè dawk, m’għandhomx jinbnew. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet oħra, avolja diffiċli.

It-titlu ta’ estrimist fejn jidħol l-ambjent xejn ma jdejjaqni. L-importanti l-konsistenza li min huwa mdawwar bil-poodles m’għandux idea xi tkun.

George Pullicino jistaħba wara Simon : jipprova jibqa’ jgħaddi ż-żmien bin-nies

Pullicino + Zonqor

Il-bierah fiż-Żonqor Marsaskala Simon Busuttil wiegħed  mhux biss li jibqa’ jkun fuq quddiem biex “iħares” iż-Żonqor imma ukoll biex iħares l-ODZ (iż-żona barra mil-linja tal-iżvilupp).

Simon Busuttil qalilna ukoll li “jekk” il-PN għamel xi żbalji ambjentali jiskuża ruħu dwarhom! Għax Simon Busuttil, taf int, għandu dubju dwar jekk il-PN għamilx żbalji ambjentali.

Jekk tħarsu sewwa fir-ritratt fuq il-lemin, fuq wara, fiċ-ċirku aħmar jidher George Pullicino li kien il-Ministru responsabbli biex parti mill-ODZ ma baqgħetx ODZ.

F’Lulju 2006 l-Parlament approva mozzjoni imressqa minn Pullicino biex żewġ miljun metru kwadru ta’ art ODZ ma tibqax ODZ.  Dan kien ifisser li f’diversi lokalitajiet żdiedet l-art li tista’ tinbena. Dan apparti l-introduzzjoni ta’ policies li għamluha possibli biex iktar art fl-ODZ tinbena, bħalma ġara fil-kaz tal-art li fuqha inbnew il-Lidl ta’ Ħal-Safi u Ħal-Luqa.

Dan għandu l-wiċċ jipprotesta! Xejn ma jiddejjaq jipprova jgħaddik biż-żmien.

Għamilt sewwa jiena li ma mortx iż-Żonqor il-bieraħ. Għax minkejja li bla dubju kien hemm diversi persuni ta’ rieda tajba fiż-Żonqor il-bieraħ, il-presenza ta’ persuni bħal George Pullicino (u ta’ oħrajn) twassal messaġġ ċar li dawn jaħsbu li jistgħu jibqgħu jgħaddu ż-żmien bin-nies.

Kif tista’ tkun kredibbli meta fil-Gvern tagħti l-ODZ għall-bini u fl-Opposizzjoni tipprotesta biex l-ODZ ikun protett? Fix-xhur li għaddew diġa fuq dan il-blog tkellimt dwar l-ODZ f’Ħ’Attard fejn ukoll kellna lil David Agius, Membru Parlamentari mill-Opposizzjoni, li kien ivvota favur il-bini tal-ODZ u mbagħad ġie mar-residenti biex jipprotesta kontra d-deċiżjoni tiegħu stess!

Simon Busuttil, iddeċiedi: jekk verament trid tipproteġi l-ODZ, meta ser tressaq mozzjoni fil-Parlament biex tħassar jew tal-inqas tirrevedi dak li għamel George Pullicino bil-mozzjoni approvata mill-Parlament nhar l-Erbgħa 26 ta’ Lulju 2006?

Alternattiva Demokratika fil-Manifest Elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 qalet dan b’mod mill-iktar ċar fil-paġna 82 tal-Manifest Elettorali fis-silta ta’ hawn taħt :

AD rationalisation

Aħjar jagħti każ dak li qallu Mario de Marco

Mario @ Parliament

L-artiklu fuq iNews il-bieraħ bil-kummenti tiegħi dwar l-attività tal-PN li għandha issir iż-Żonqor Marsaskala iktar tard  illum kien riżultat ta’ telefonata li kelli f’12.00pm mingħand Albert Gauci-Cunningham, ġurnalista ta’ Union Press.

Il-kummenti li waslu wara li Albert ippubblika l-artiklu kienu numru kbir. Min jaqbel u min ovvjament ma qabilx.

Dawk li qablu mal-kummenti tiegħi fehmu illi la jiena u l-anqas Alternattiva Demokratika m’aħna ser inħallu l-opportuniżmu politiku ta’ Simon Busuttil jinqeda bina. Għax la f’Simon u l-anqas fil-PN ma’ hemm xi konvinzjoni li għandhom japprezzaw l-ambjent. Anzi, Simon Busttil jidhirlu li l-PN għamel ħafna suċċessi ambjentali!

Ma nafx min qed jagħtih dawn il-pariri!

Kien ikun ħafna iktar għaqli għal Simon Busuttil u għall-Partit Nazzjonalista kieku  jimxi fuq il-parir ta’ Mario de Marco li fissru nhar il-Ħadd li għadda waqt il-Kunsill Ġenerali tal-PN. Għandu bżonn li l-ewwel ħaġa li jagħmel tkun li jara sewwa fejn il-PN fil-Gvern għamel il-ħsara ambjentali: jiġifieri għandu jeżamina ftit il-kuxjenza politika tal-PN. Jipprova jifhem ftit kemm hi kbira l-ħsara li għamel il-PN fil-Gvern lill-ambjent. Din il-ħsara, tmur lil hinn minn dak li bi prudenza kbira qal Mario de Marco. Ma saritx biss f’isem it-tkabbir ekonomiku.

Meta jagħmel hekk, imbagħad, forsi, meta jitkellem dwar l-ambjent ikun xi ftit kredibbli.

Imma jidher li sa ma jasal hemm għad baqa’ ftit mhux ħażin!

 

Lil min tafu tistaqsix għalih

Iz-Zonqor.aerial view

Għada l-Ħadd, fiż-Żonqor, f’Marsaskala, ser jinstemgħu dikjarazzjonijiet dwar kemm il-Partit Nazzjonalista għandu l-ambjent għal qalbu. Forsi ukoll ikollna dikjarazzjonijiet dwar kemm dan il-PN irid u fi ħsiebu jipproteġi ż-żona barra l-linja tal-iżvilupp (l-ODZ).

F’kull rokna ta’ Malta għandna x-xhieda  ta’ kemm, meta kellu l-opportunità, l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mexa mod ieħor. Kemm art ODZ ingħatat ghall-bini.

Il-passat ma jgħaddix, ma jintesiex. Għax għadna nbatu l-konsegwenzi tiegħu.

Il-kredibilità bil-mod biex tiksibha lura.

Il-ġimgħa l-oħra qalulna : “l-ambjent hu l-futur tal-PN.”  Jiġifieri, l-PN għandu quddiemu l-opportunità biex jieħu rikba tajba minn fuq l–ambjent!

Lil min tafu m’hemmx għalfejn tistaqsi għalih.

Titfaċċa l-kuxjenza l-ħadra tal-PN

Environment

Fid-diskussjoni pubblika li għaddejja dwar l-Università taż-Żonqor f’Marsaskala nieħu pjaċir nosserva li ħafna illum qed iqiesu ruħom bħala li huma favur l-ambjent.  Dan irrispettivament mill-passat li ġejjin minnu. Inkluż passat li jikkuntrasta mal-posizzjonijiet li jieħdu llum.

Il-passat għadda, jgħidulek. Spiċċa.

Verissimu. L-passat għadda.

Imma min jinsa’ l-passat ikun qed jikkundanna lilu innifsu biex jerġa’ jgħixu. Għax għandu ħabta kif jirrepeti ruħu dan l-imbierek passat!

Fi ftit kliem hu faċli li l-Partit Nazzjonalista jiskopri kuxjenza ambjentali waqt li qiegħed fl-Opposizzjoni. Ir-realta hi li meta l-iktar kellu bzonnha din il-kuxjenza ambjentali ma kienet tidher imkien!

Opportuniżmu? Ma tarax! Probabbilment li konverzjoni! Din hi r-realta’ tal-ħajja! Il-PN wiċċu u sormu xorta.