Fl-2015, l-ambjent taħt assedju. Fl-2016 l-assedju ikompli.

msida_water. 021015

 

Is-sena 2015 kienet waħda li fiha l-ambjent kien taħt assedju. Assedju li bla dubju ser jintensifika ruħu matul is-sena d-dieħla. Għax ma hemm l-ebda dubju li l-aġenda tal-Labour hi waħda kontra l-ambjent.

Bla dubju mument importanti fl-2015 kien ir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. Referendum li intilef bi sbrixx imma li xorta wassal messaġġ qawwi, prinċipalment minħabba li huwa riżultat li nkiseb minkejja li kemm il-PN kif ukoll il-PL dejjem appoġġaw il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Wara spikka il-każ taż-Żonqor li wassal għal dimostrazzjoni kbira ġol-Belt. Iktar tard il-Gvern ipprova jagħti l-impressjoni li kien qed jagħti kaz u dan billi ċċaqlaq ftit.

Il-qagħda tat-trasport pubbliku matul l-2015 tjibiet ftit imma għadha lura ħafna minn dak li jixraqlu u għandu bżonn dan il-pajjiż. Hi l-unika tama li tista’ tnaqqas il-pressjoni taż-żieda tal-karozzi fit-toroq. Hi l-unika tama għal titjib fil-kwalità tal-arja. Inutli jwaħħlu fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel.

Matul l-2015 l-ilma tax-xita flok ma jinġabar fi bjar li qatt ma saru, baqa’ jintefa’ fit-toroq. Issa li x-xogħol fuq il-mini taħt l-art ġie konkluż il-periklu fit-toroq ser jonqos għax il-parti l-kbira tal-ilma ser jispiċċa l-baħar. Il-flus li intefqgħu fuq dawn il-mini kienu fil-parti l-kbira tagħhom flus moħlija. Kien ikun iktar għaqli kieku intefqgħu biex l-ilma jinġabar flok biex jintrema.

F’nofs dawn l-aħbarijiet negattivi kollha ġiet ippubblikata l-enċiklika ambjentali tal-Papa Franġisku. Fiha tinħass sewwa t-togħma Latino-Amerikana ta’ Leonardo Boff li tenfasizza r-rabta bejn il-faqar u t-tħassir ambjentali. Hemm tama li din l-enċiklika tista’ tkun ta’ siwi biex iktar nies jiftħu għajnejhom.

F’Ġunju l-Kap tal-Opposizzjoni qalilna li l-PN fil-Gvern għamel diversi żbalji ambjentali u li jixtieq li jibda paġna ġdida. Din id-dikjarazzjoni ta’ Busuttil tikkuntrasta ma dak li ntqal fir-rapport tal-PN dwar it-telfa fejn ġie emfasizzat li l-PN kien vittma ta’ sabutaġġ minn dawk maħtura biex imexxu (inkluż ovvjament mill-MEPA).

Il-battalja tat-torrijiet għadha magħna. Preżentement hemm pendenti żewġ applikazzjonijiet f’tas-Sliema, waħda f’Townsquare (38 sular) u oħra f’Fort Cambridge (40 sular). Ir-residenti, li bħal dejjem jispiċċaw iġorru l-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet, huma injorati.

Kellna t-tniġġiż fil-baħar. Diversi inċidenti fil-Port ta’ Marsaxlokk li bihom ġie ikkonfermat, jekk qatt kien hemm ħtieġa ta’ dan, li l-Bajja s-Sabiħa m’għandhiex iktar sabiħa. Dan minħabba li issa l-port sar definittivament wieħed industrijali. L-unika ħaġa li jonqos huwa t-tanker sorġut b’mod permanenti fil-port biex fih jinħażen il-gass.

Nhar is-Sibt jorħos il-prezz tal-petrol u d-diesel. Għal uħud imissu ilu li raħas. Forsi kien ikun aħjar li ma raħas xejn. Hemm bżonn kull mezz possibli biex jonqsu l-karozzi mit-toroq. Il-prezz tal-fuel hu wieħed minn diversi miżuri li jekk użati bil-għaqal jistgħu jagħtu frott. Il-problema imma, sfortunatament hi li ma hemmx volontà politika.

IL-MEPA ser tinqasam. L-ippjanar għalih u l-ambjent għalih. Mhux ser isir wisq ġid b’din il-miżura għax is-saħħa amministrattiva li għandu pajjiż żgħir ġejja miċ-ċokon tiegħu. Meta taqsam l-awtorita f’biċċiet tkun ferm inqas effettiv. Hekk ser jiġri. Il-MEPA ma kienitx qed taħdem sewwa għax ma ħallewiex taħdem sewwa. Għax kienet imxekkla minn bordijiet li jew ma jifhmux inkella b’aġenda moħbija.

Dan hu l-wirt li s-sena 2015 ser tħalli lis-sena 2016. L-unika ħaġa pożittiva hi li bil-mod qed tiżviluppa kuxjenza ambjentali fost il-ġenerazzjonijiet li tielgħin.

Is-sena t-tajba? Forsi.

Birżebbuġa : waħda wara l-oħra

Il-Qajjenza.San Lucjan

 

Il-ħruġ taż-żjut mit-terminal ta’ San Luċjan fil-baħar nhar l-Erbgħa wara nofsinnhar wassal biex għal-darba oħra ġie pprojibit l-għawm f’Birżebbuġa, din id-darba l-Qajjenza viċin fejn sa ftit ilu kellna l-impjant tal-gass.

Din mhiex l-ewwel darba. Xahar ilu kellna l-inċident fil-Port Ħieles fejn inċident ieħor kien wassal biex likwidu f’container jispiċċa l-baħar. Il-Bajja s-Sabiħa kienet damet ġranet magħluqa għall-għawm.

Kull darba li jkollna dawn l-inċidenti jbatu bosta.

L-ewwel ibatu r-residenti ta’ Birżebbuġa li jkunu mċaħħda minn rikrejazzjoni mistħoqqa. Ibatu magħhom dawk li jkunu Birżebbuġa villeġġatura. Ibatu ukoll bosta residenti mid-diversi lokalitajiet fin-nofsinnhar tal-pajjiż li f’Birżebbuġa isibu post fejn jistgħu jqattgħu ftit ħin ta’ mistrieħ.

Ibatu ukoll dawk li l-għixien tagħhom jiddependi mill-baħar inkella mill-ħwienet diversi mxerrdin ma’ Birżebbuġa.

Dawn l-inċidenti għandhom impatt fuq dawn kollha.

F’dan l-istadju ħadd għadu ma jaf eżatt x’ikkawża l-inċident u jiena mhux ser noqgħod nispekula x’setgħet kienet il-kawża. Il-fatti imma huma magħrufa minn kulħadd. Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed tiżdied l-attività industrijali fil-Port ta’ Marsaxlokk. Din l-attività nisslet kritika mhux żgħira tul is-snin, mumenti li għixniehom flimkien, xi drabi ukoll b’opinjonijiet li jikkuntrastaw.

Illum qegħdin f’mument fejn l-attività industrijali li kienet proposta fl-interess ta’ ħidma ekonomika mixtieqa biex tnissel il-ġid qed tagħtina ukoll l-impatti negattivi tagħha. Kulħadd jippreferi kieku l-impatti negattivi ma jiġu qatt. Għalhekk għandna naħdmu.

Jekk bħala pajjiż m’aħniex ser jirnexxielna nassiguraw kontrolli stretti biżżejjed biex dawn l-impatti negattivi jkunu mill-inqas possibli ser ikollna iktar problemi. Wisq nibża’ li bħala riżultat taż-żieda tal-attività industrijali mhux il-bogħod li t-tgawdija tal-baħar f’Birżebbuġa tkun biss attivita’ tal-passat li tista’ issir biss mir-ritratti.

Forsi huwa ukoll il-mument li nifhmu li dawn huma l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħarsien ambjentali adegwat kif ukoll ta’ konċentrazzjoni esagerata ta’ ħidma industrijali fil-Port ta’ Marsaxlokk.

Issa min irid jibqa’ b’rasu fir-ramel affari tiegħu.

ippubblikat fuq iNews il-Gimgħa 24 ta’ Lulju 2015