Il-Freeport : tagħlima kbira

BBugia. two Mayors

Jekk Simon Busuttil  inħasad, jiena xejn ma kont sorpriż bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa ma jaqbilx li l-Port Ħieles jibqa’ jespandi fid-direzzjoni ta’ Birżebbuġa. Dan għaliex osservajt id-deċiżjoni tinbena biċċa biċċa. Kultant b’sogru kbir għal dawk involuti.

Forsi l-iktar mument kritiku kien meta l-Bord tal-MEPA kien iddiskuta emenda għall-permess ambjentali tal-Port Ħieles u dan il-Bord kien ivvota fil-maġġoranza kbir tiegħu favur din l-emenda. Ħlief tlieta: iż-żewġ membri Parlamentari (Joe Sammut u Ryan Callus) u r-rappreżentant tal-NGOs ambjentali Alex Vella tar-Ramblers Association.

L-emenda kienet biex ikun permess fil-Port Ħieles xogħol żgħir ta’ tiswija ta’ vapuri u oilrigs! Il-Kunsill ta’ Birżebbuġa dakinnhar kien għamel lobbying qawwi kontra l-emenda, imma din xorta kienet approvata mill-Bord tal-MEPA.

Imma wara l-laqgħa tal-Bord tal-MEPA qamu l-irwiefen kollha. Ir-residenti semmgħu leħinhom b’mod mill-iktar ċar u irnexxielhom joħolqu diskussjoni mqanqla anke fil-Partit Laburista tant li wasslu lil Joseph Muscat biex b’mod ċar jgħid fil-pubbliku illi hu ma kienx jaqbel mad-deċiżjoni li kien ħa l-Bord tal-MEPA. Kien iddikjara publikament li kien jaqbel mal-vot kontra (fil-Bord tal-MEPA) tal-Membru Parlamentari Laburista Joe Sammut, inċidentalment li jirrappreżenta lid-Distrett li minnu jifforma parti Birżebbuġa fil-Parlament. Eventwalment minħabba r-reażżjoni pubblika l-Port Ħieles ma baqax jinsisti għall-permess li kien kiseb għal xogħol ta’ tiswijiet minuri fuq vapuri u oilrigs.

Wara dan l-inċident jidher li kompla id-dibattitu fil-Partit Laburista li wassal għad-deċiżjoni li n-nies f’Birżebbuġa jixirqilhom li jkunu mħarsa mill-impatti tal-Port Ħieles ħafna iktar milli kienu sal-lum.

Jiena naħseb li dan huwa punt importanti ħafna u l-mertu għalih huwa prinċipalment tal-Kunsilliera Laburisti fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa: fuq quddiem nett is-Sindku tal-lum, Kevin Barun, imma ukoll Joseph Farrugia ir-Ricky li bħala l-ewwel Sindku ta’ Birżebbuġa ħejja t-triq illi wasslet għal din id-deċiżjoni.

Imma issa huwa importanti li din ma tkunx biss rebħa ta’ Birżebbuġa. L-effetti tagħha jeħtieg li jinfirxu billi minnha l-Partit Laburista jieħu tagħlima kbira: il-konsiderazzjoni tal-impatti fuq in-nies ta’ kull proġett ta’ żvilupp (hi x’inhi n-natura tiegħu) hija fundamentali daqs, jekk mhux iktar, mill-konsiderazzjonijiet ekonomiċi.

Ikun tajjeb li naraw jekk u kif din it-tagħlima ser tkun applikata tul ix-xhur li ġejjin. Taqbida bejn is-saħħa tan-nies u s-saħħa tal-flus.

ippubblikat ukoll fuq iNews : l-Erbgħa 27 ta’ Lulju 2016

Meta l-MEPA tiftaħ għajnejha

freeport.aerial viw

 

Il-bieraħ kont preżenti għal-laqgħa tal-Bord tal-MEPA fejn fost affarijiet oħra ġew diskussi żewġ applikazzjonijiet dwar il-Port Ħieles. Kont qed nassisti lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Waħda minn dawn l-applikazzjonijiet kienet biex isir xogħol ta’ dredging ħdejn il-moll tal-Port Ħieles l-iktar viċin tar-residenti ta’ Birżebbuġa (West Quay ta’ Terminal 1). L-oħra kienet dwar l-istallazzjoni ta’ krejnijiet ġodda ta’ għoli ta’ 140 metru.

Il-krejnijiet  il-ġodda għall-ewwel kienu destinati biex jitqegħdu fuq il-West Quay ta’ Terminal 1 ukoll. Imma wara li l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u bosta residenti oġġezzjonaw għal dan, il-MEPA insistiet mal-Port Ħieles li post il-krejnijiet kellu jinbidel għax dak propost ma kienx aċċettabbli.

Il-maniġment tal-Port Ħieles aċċetta li l-krejnijiet jitqegħdu iktar il-bogħod mir-residenzi f’Birżebbuġa.

Bħala riżultat ta’ dan, il-konsegwenza logika kienet waħda ovvja : jekk il-krejniet ma kienux ser jitqegħdu fil-West Quay ta’ Terminal 1 xi ħtieġa kien għad baqa’ li jsir ix-xogħol tad–dredging?  Ir-residenti  kellhom id-dritt li jkollhom insurance minn attività fil-Port Ħieles li toħloqilhom inkonvenjent.  Dan il-permess li kienu qed jitolbu l-Port Ħieles ma kienx hemm iktar bżonnu.

Jiena ma ridtx nemmen lil widnejja iktar tard meta b’vot unanimu l-Bord tal-MEPA iddeċieda favur Birżebbuġa meta qal le għal iktar xogħol ta’ dredging fil-Port Ħieles. Flimkien miegħi taw kontribut kbir fid-diskussjoni s-Sindku ta’ Birżebbuġa Kevin Barun, il-predeċessur tiegħu r-“Ricky” Joseph Farrugia u l-Onor. Marlene Farrugia u John Grech mill-għaqda ambjentali Birżebbuġa Environmental Action Group.

L-applikazzjoni dwar il-krejnijiet waqfet ukoll u dan minħabba li hemm bżonn li l-parir tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili jkun wieħed ċar. S’issa jidher li dawn qed iduru mal-lewża għax il-krejnijiet huma għoljin wisq u x’aktarx li jinfdu l-flightpath riżervat għall-ajruplani. Jekk dan hu hekk jista’ jkun ta’ periklu.

Jiena għalija din kienet esperjenza ġdida. Ma nafx lill-MEPA taħdem b’dan il-mod. Is-soltu tibqa’ għaddejja qiesha romblu minn fuq id-drittijiet tar-residenti. Jidher li l-bieraħ il-MEPA fetħet għajnejha beraħ.

Nittama li ma tagħlaqhomx iktar. Għax meta l-MEPA tiftaħ għajnejha hemm ċans tajjeb li dan jirrifletti ruħu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għalina lkoll.

Mhux biss f’Birżebbuġa, iżda kullimkien.

Birżebbuġa u l-Port Ħieles

birzebbuga.jpg

  Flimkien mal-Inġinier Dr Patrick Attard, kandidat tal-Alternattiva fuq il-5 u it-12-il Distrett kelli laqgħa mas-Sindku ta’ Birżebbuġa Joseph Farrugia biex iddiskutejna l-estensjoni ta’ mollijiet tal-Port Ħieles kif proposti fl-applikazzjonijiet mal-MEPA bir-referenzi PA 3368/06 and PA 4819/07. Tal-ewwel ġja ġiet approvata filwaqt li t-tieni waħda għada pendenti. Il-baħar madwar il-Bajja is-Sabiħa f’Birżebbuġa għandu funzjoni doppja. Kemm dik kummerċjali konnessa mal-operazzjoni tal-Port Ħieles kif ukoll jintuża għall-għawm. L-operazzjoni tal-Port Ħieles hi importanti għall-ekonomija tal-pajjiż u tajjeb li tkun kontinwament imsaħħa. Iżda ma nistgħux ninjoraw li n-nies tuża ukoll l-inħawi għall-għawm, u ilha tagħmel hekk għal ħafna snin, ferm qabel ma beda jopera l-Freeport.

Il-baħar fil-Port ta’ Marsaxlokk huwa imniġġes tant li huwa nieqes mill-ħajja marittima.

L-Alternattiva Demokratika ser isegwi l-iżviluppi konnessi mal-estensjoni tal-Port Ħieles u fil-ġimgħat li ġejjin tara x’inizzjattivi tista’ tieħu biex fil-Port Ħieles u l-Awtorita’ Marittima tkun imxettla kultura ta’ Responsabbilta Soċjali (CSR) konessa ma amministrazzjoni aħjar tal-Portijiet tagħna li tirrifletti l-użu kultant konfliġġenti tagħhom.