Id-derby ta’ George Abela

Coleiro.Abela.Farrugia

 

F’attivita’ konnessa mal-futbol, George Abela, President Emeritu, tkellem dwar il-valuri.  Qalilna kemm huma importanti l-valuri fis-soċjeta’ Maltija. Qalilna li allaħares il-valuri ma jibqgħux ċentrali għalina.  Imbagħad qiesu ipprova jagħti x’jifhem li l-valuri huma biss dawk insara. Li min ma jħaddanx valuri insara huwa bla valuri.

Meta George Abela kien qed jitkellem fil-Millenium Chapel ġewwa Paceville kien qed jinawgura ġemellaġġ bejn il-Millenium Chapel u l-Youth Football Association. Dakinnhar l-unika futbol li kien interessat fih George Abela kien id-derby ta’ Ħal-Qormi, bejnu u Marie Louise Coleiro-Preca. Abela kien qiegħed iwieġeb żewġ linji mid-diskors tal-President Coleiro-Preca li għamlet f’Jum ir-Repubblika.

Coleiro-Preca nhar it-13 ta’ Diċembru f’diskors ibbażat fuq ix-xogħol u s-solidarjeta’ soċjali bħala pediment essenzjali tar-Repubblika osservat li bħala parti mill-proċess tas-sekularizzazzjoni li Malta għaddejja minnu l-forza organizzattiva tar-reliġjon kattolika qiegħed jiġġenneb. Żiedet tosserva illi irridu noqgħodu attenti li ma nagħmlux l-iżball li seta għamel ħaddieħor li f’dawn iċ-ċirkustanzi min hu qrib il-poter jimponi l-valuri tiegħu. Għax hemm (jew għandu jkun hemm) spazju għal kulħadd.

Osservazzjonijiet f’waqthom għax Malta bħala stat lajk għandha tirrispetta lil kulħadd irrispettivament mill-valuri li jħaddan.

Anniversarji u Polemiċi fl-2014

Dom Mintoff + Arc M. Gonzi

Matul l-2014 Malta tfakkar diversi anniversarji. Magħhom hemm minsuġa polemiċi tal-passat, polemiċi li bil-mod għad jinħallu u jieqfu mill-jkunu sors firda.

Infakkru l-50 anniversarju tal-Indipendenza, meta Malta fl-1964 bdiet tmexxi lilha innifisha. Kienet indipendenza politika immedjata imma ekonomikament Malta kienet għadha dipendenti mill-infieq assoċjat mal-bażi militari. George Borg Olivier ħejja l-pedamenti tal-industrija tal-manufattura u beda jinkoraġixxi t-turiżmu. Wieħed mill-argumenti ewlenin fid-dibattitu politiku dwar l-Indipendenza fis-snin sittin kien dwar jekk kienx essenzjali li l-ewwel il-pajjiż ikun b’saħħtu ekonomikament u dan qabel ma jieħu rajh f’idejh. George Borg Olivier dejjem sostna li ħadd ħlief il-Maltin nfushom m’għandhom l-interess li l-pajjiż jiżviluppa ekonomija b’saħħita. Għaldaqstant għalih kienet meħtieġa l-indipendenza immedjata għax din kien iqiesha bħala ċ-ċavetta jew l-għodda essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku. Id-differenza bejn il-Partiti ewlenin ma kienitx l-Indipendenza imma l-Kostituzzjoni.  Il-partiti ż-żgħar min-naħa l-oħra riedu t-tisħiħ ekonomiku qabel l-Indipendenza.

Diversi kienu l-issues kostituzzjonali ta’ konflitt, ewlenin fosthom is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja u ż-żwieġ ċivili.

George Borg Oliver kien jieħu l-affarijiet bil-mod, fil-waqt li l-ħidma politika tal-Perit  Mintoff kienet karatterizzata mill-għaġġla. Żewġ metodi ta’ ħidma li t-tnejn nisslu bosta diffikultajiet. Il-ħidma bil-mod ittelfek il-paċenzja għax iddum ma tara ir-riżultati. Il-ħidma mgħaġġla iżżejjed min-naħa l-oħra tnissel problemi ta’ żbalji kultant goffi kif ukoll inġustuzzji ma min jinqabad fin-nofs.

Infakkru l-40 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika fl-1974 nhar it-13 ta’ Diċembru fuq proposta ta’ Mintoff bl-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Opposizzjoni. Baqgħu jopponu l-ħolqien tar-Repubblika George Borg Olivier flimkien mal-ħames membri parlamentari ta’ madwaru. George Borg Olivier ried iżomm il-monarkija iżda l-PN fil-Parlament bi ħġaru appoġġa l-ħolqien tar-Repubblika. Fatt dan li bosta ma jagħtuhx il-piż mistħoqq.

Infakkru l-35 anniversarju tal-egħluq tal-bażi militari li seħħet nhar il-31 ta’ Marzu 1979. Dan il-jum għandu sinifikat politiku sostanzjali għax hu l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li ma kienx hawn bażijiet militari ta’ pajjiżi barranin. Kienet aspirazzjoni politika ewlenija tal-Perit Mintoff, bla dubju imsejsa fuq l-osservazzjonijiet u s-sensittivitajiet ta’ tfulitu. Il-fatt li missieru ħadem għal numru ta’ snin mal-Kap Kmandant tal-Forzi Militari Ingliżi f’Malta (Lord Louis Mountbatten) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja bla dubju  kien element ewlieni fid-determinazzjoni tiegħu li jilħaq dan l-iskop. Għalih Malta “ħelset mill-barrani” u minn hawn ir-referenza għal Jum il-Ħelsien. Titlu li jinstema ftit bombastiku għal uħud iżda li fir-realta hu rifless tal-emozzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li ġustament ħolmu li għad jasal il-jum li f’Malta ma jkunx hawn iżjed forzi militari barranin.

Infakkru l-10 anniversarju tat-tisħib tal-Malta fl-Unjoni Ewropeja. L-aħħar kapitlu f’din l-istorja riċenti ta’ ġensna. Kapitlu frisk mimli suċcessi kif ukoll affarijiet li setgħu saru aħjar. Kapitlu li għadu qiegħed jinkiteb.

Dawn l-anniversarji u l-kontroversji assoċjati magħhom inħmew matul dawn l-aħħar 50 sena. Sawru lil ġensna kif inhu illum. Bil-pożittiv, bin-negattiv u bil-preġudizzji kollha immaġinabbli.

Il-ġenerazzjoni tiegħi għexet kull wieħed minn dawn l-avvenimenti. Ma jdejjaqni l-ebda wieħed minnhom. Ma jfissirx li naqbel ma kif żvolġew. Imma kollha huma avvenimenti li huma parti integrali minn ħajti. Għexthom u naf xi jfissru.

Konxju li fil-pajjiż mhux kulħadd jaħsibha b’dan il-mod. Għad hawn min jixtieq iħassar mill-memorja kollettiva wieħed jew iktar minn dawn l-avvenimenti. Ma naħsibx li dan hu possibli. L-iżvilupp paċifiku ta’ dan il-pajjiż ikun possibli jekk ilkoll naċċettaw li pajjiżna għandu is-sura li għandu illum bħala riżultat ta’ diversi ħidmiet li għalihom ikkontribwixxa kulħadd.

Naf li mhux faċli. Imma fiduċjuż li naslu.