Anniversarji u Polemiċi fl-2014

Dom Mintoff + Arc M. Gonzi

Matul l-2014 Malta tfakkar diversi anniversarji. Magħhom hemm minsuġa polemiċi tal-passat, polemiċi li bil-mod għad jinħallu u jieqfu mill-jkunu sors firda.

Infakkru l-50 anniversarju tal-Indipendenza, meta Malta fl-1964 bdiet tmexxi lilha innifisha. Kienet indipendenza politika immedjata imma ekonomikament Malta kienet għadha dipendenti mill-infieq assoċjat mal-bażi militari. George Borg Olivier ħejja l-pedamenti tal-industrija tal-manufattura u beda jinkoraġixxi t-turiżmu. Wieħed mill-argumenti ewlenin fid-dibattitu politiku dwar l-Indipendenza fis-snin sittin kien dwar jekk kienx essenzjali li l-ewwel il-pajjiż ikun b’saħħtu ekonomikament u dan qabel ma jieħu rajh f’idejh. George Borg Olivier dejjem sostna li ħadd ħlief il-Maltin nfushom m’għandhom l-interess li l-pajjiż jiżviluppa ekonomija b’saħħita. Għaldaqstant għalih kienet meħtieġa l-indipendenza immedjata għax din kien iqiesha bħala ċ-ċavetta jew l-għodda essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku. Id-differenza bejn il-Partiti ewlenin ma kienitx l-Indipendenza imma l-Kostituzzjoni.  Il-partiti ż-żgħar min-naħa l-oħra riedu t-tisħiħ ekonomiku qabel l-Indipendenza.

Diversi kienu l-issues kostituzzjonali ta’ konflitt, ewlenin fosthom is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja u ż-żwieġ ċivili.

George Borg Oliver kien jieħu l-affarijiet bil-mod, fil-waqt li l-ħidma politika tal-Perit  Mintoff kienet karatterizzata mill-għaġġla. Żewġ metodi ta’ ħidma li t-tnejn nisslu bosta diffikultajiet. Il-ħidma bil-mod ittelfek il-paċenzja għax iddum ma tara ir-riżultati. Il-ħidma mgħaġġla iżżejjed min-naħa l-oħra tnissel problemi ta’ żbalji kultant goffi kif ukoll inġustuzzji ma min jinqabad fin-nofs.

Infakkru l-40 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika fl-1974 nhar it-13 ta’ Diċembru fuq proposta ta’ Mintoff bl-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Opposizzjoni. Baqgħu jopponu l-ħolqien tar-Repubblika George Borg Olivier flimkien mal-ħames membri parlamentari ta’ madwaru. George Borg Olivier ried iżomm il-monarkija iżda l-PN fil-Parlament bi ħġaru appoġġa l-ħolqien tar-Repubblika. Fatt dan li bosta ma jagħtuhx il-piż mistħoqq.

Infakkru l-35 anniversarju tal-egħluq tal-bażi militari li seħħet nhar il-31 ta’ Marzu 1979. Dan il-jum għandu sinifikat politiku sostanzjali għax hu l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li ma kienx hawn bażijiet militari ta’ pajjiżi barranin. Kienet aspirazzjoni politika ewlenija tal-Perit Mintoff, bla dubju imsejsa fuq l-osservazzjonijiet u s-sensittivitajiet ta’ tfulitu. Il-fatt li missieru ħadem għal numru ta’ snin mal-Kap Kmandant tal-Forzi Militari Ingliżi f’Malta (Lord Louis Mountbatten) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja bla dubju  kien element ewlieni fid-determinazzjoni tiegħu li jilħaq dan l-iskop. Għalih Malta “ħelset mill-barrani” u minn hawn ir-referenza għal Jum il-Ħelsien. Titlu li jinstema ftit bombastiku għal uħud iżda li fir-realta hu rifless tal-emozzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li ġustament ħolmu li għad jasal il-jum li f’Malta ma jkunx hawn iżjed forzi militari barranin.

Infakkru l-10 anniversarju tat-tisħib tal-Malta fl-Unjoni Ewropeja. L-aħħar kapitlu f’din l-istorja riċenti ta’ ġensna. Kapitlu frisk mimli suċcessi kif ukoll affarijiet li setgħu saru aħjar. Kapitlu li għadu qiegħed jinkiteb.

Dawn l-anniversarji u l-kontroversji assoċjati magħhom inħmew matul dawn l-aħħar 50 sena. Sawru lil ġensna kif inhu illum. Bil-pożittiv, bin-negattiv u bil-preġudizzji kollha immaġinabbli.

Il-ġenerazzjoni tiegħi għexet kull wieħed minn dawn l-avvenimenti. Ma jdejjaqni l-ebda wieħed minnhom. Ma jfissirx li naqbel ma kif żvolġew. Imma kollha huma avvenimenti li huma parti integrali minn ħajti. Għexthom u naf xi jfissru.

Konxju li fil-pajjiż mhux kulħadd jaħsibha b’dan il-mod. Għad hawn min jixtieq iħassar mill-memorja kollettiva wieħed jew iktar minn dawn l-avvenimenti. Ma naħsibx li dan hu possibli. L-iżvilupp paċifiku ta’ dan il-pajjiż ikun possibli jekk ilkoll naċċettaw li pajjiżna għandu is-sura li għandu illum bħala riżultat ta’ diversi ħidmiet li għalihom ikkontribwixxa kulħadd.

Naf li mhux faċli. Imma fiduċjuż li naslu.

Mera mera fuq il-ħajt …… liema hi l-ikbar festa tgħid ?

 mirror

 

 

 

Il-PN u l-PL ser jibqgħu jilgħabu bil-festi. Liema hi l-ikbar waħda ?

 

Id-diviżjoni tas-snin sittin iridu jibqgħu jkaxkruha warajhom fis-seklu 2000.  Għax l-egħruq tal-polemika preżenti dwar il-31 ta’ Marzu jmorru lura sas-snin 60 bid-dibattiti jaħarqu dwar l-indipendenza, il-kif u l-meta.

 

Dakinnhar kien jingħad mill-Partit Laburista illi l-indipendenza politika tal-1964 ma kienitx ta’ valur sakemm tibqa’ bażi militari. Issa jekk irridu inkunu onesti għandna ngħidu li filwaqt li hemm ħafna li anke dakinnhar li qablu illi Malta kellha twarrab id-dipendenza tagħha fuq il-bażi militari dan ftit kien possibli sakemm tħejjew il-pedamenti ta’ ekonomija ibbażata fuq it-turiżmu u l-manifattura. Il-Gvern ta’ George Borg Olivier  għażel il-politika tal-gradwalita’ : ħaġa ħaġa. Il-Partit Laburista ried mod ieħor.

 

Billi l-gvernijiet ta’ qabel l-1964 ftit kellhom l-opportunita li jippjanaw transizzjoni għall-ekonomija Maltija minn waħda bbażata fuq in-nefqa militari għal waħda li ma tiddependix minnha dan ma kienx possibli. L-għażla li kellu l-Gvern ta’ George Borg Olivier kienet li jew jieħu l-ewwel pass (bl-indipendenza politika) inkella jistenna għal meta jkun ħejja l-ekonomija għal qabża ikbar. Il-konsegwenza li qasam il-passi wieħed wieħed kienet illi kien il-Gvern tal-Maltin stess li seta’ jippjana u jimplimenta t-transizzjoni. 

 

Li Malta setgħet tgħaddi mingħajr il-presenza militari Ingliża kien pass importanti, imma naħseb li l-Partit Labuirista jesaġera meta jiddeskrivieħ bħala Jum il-Ħelsien. Ir-realta hi li l-PL ħoloq mit dwar dan il-jum biex jibbilanċja l-21 ta’ Settembru fil-psikolġija tal-Laburist. Mit li għadu ħaj u naħseb li ser jibqa’ ftit ieħor, sakemm l-irjus sħan tas-snin sittin u tas-snin sebgħin jikkalmaw. Imbagħad forsi jkun possibli li kif issuggerixxa Lino Spiteri il-bieraħ fit-Times u Frank Portelli   nhar il-Ħadd fil-Malta Today bil-kalma nagħżlu jum wieħed bħala l-Jum Nazzjonali : Jum il-Vitorja. Jew is-7 ta’ Ġunju !

 

Forsi dakinnhar inkunu qrobna li nirrispettaw lil xulxin ftit iktar. Illum dan jidher ftit il-bogħod.