Minbarra Eva Peron, hemm ukoll Caucescu u Marcos

Imelda Marcos + Ronald Reagan

 

Hemm min qed jiddejjaq li semmejt lil Eva Peron bħala eżempju fejn mart mexxej politiku nagħtat rwol politiku.

Mhiex l-unika eżempju.

Hemm ukoll Elena Caucescu tar-Rumanija u Imelda Marcos tal-Filippini.

Min irid jista’ jiftaħ widnejh u jisma’. Meta l-Prim Ministru ma jkunx jista’ jirrappreżenta lill-pajjiż, il-mara tiegħu m’għandhiex tkun is-sostitut tiegħu. Is-sostitut tiegħu għandu jkun politiku ieħor. Jekk dan ma jsirx ħadd m’għandu jieħu għalih jekk isir xebħ ma Juan Domingo Peron, Nicolai Caucescu u Ferdinand Marcos.

Fuq il-passi ta’ Eva Peron

Il-logħob bil-kliem, tal-Gvern u tal-Prim Ministru Joseph Muscat, dwar diversi issues legali u kostituzzjonali jixħtu dell fuq il-kredenzjali demokratiċi tal-Partit Laburista. Inbidlu diversi liġijiet biex ikun possibli li Membri Parlamentari jinħatru fuq diversi bordijiet, inkluż dawk ta’ xi awtoritajiet. Din l-azzjoni imminat il-proċess demokratiku għax biha l-Membru Parlamentari flok ma jaqdi dmiru biex jgħarbel il-ħidma tal-Gvern sar parti minn din l-istess ħidma. Dak mhux ix-xogħol tal-Membru tal-Parlament.

Il-Membri Parlamentari li nħatru fuq dawn il-Bordijiet qegħdin f’posizzjoni li ma jistgħux jaqdu d-dmirijiet tagħhom fil-Parlament b’mod adegwat. Kien ikun aktar għaqli li l-Parlament ħoloq l-għodda neċessarja biex ikun jista’ jissorvelja aħjar il-ħidma tal-Gvern.

F’dan is-sens Joseph Muscat qed jimxi fuq l-eżempju ta’ Lawrence Gonzi meta dan, fil-legislatura l-oħra (2008-13), ħoloq il-kariga ta’ Assistenti Parlamentari u ipprova jaħtar lil kull Membru Parlamentari fil-backbench f’xi kariga. Dan għamlu għal raġuni waħda: biex ikollhom x’jagħmlu u b’hekk ikun inqas possibli li jikkonfoffaw jew ilabalbu kontra l-Gvern.

Il-Prim Ministru qiegħed ukoll jilgħab bil-kliem dwar it-talba għal referendum abrogattiv liema talba diga ġiet ippreżentata. Filli jgħid li r-referendum abrogattiv isir jekk hemm il-firem rikjesti mill-liġi u filli jagħti x’jifhem li lest li jikkunsidra talba għal tnaqqis fl-applikabilita tal-provedimenti tal-liġi dwar ir-referendum abrogattiv. Dan il-logħob bil-kliem da parti tal-Prim Ministru hu ta’ ħsara ghall-proċess demokratiku.

Il-Prim Ministru ddeċieda ukoll minn jeddu li jaqbad u jgħaddi responsabbiltajiet fil-qasam soċjali lill-uffiċċju tal-President tar-Repubblika. Dan qed jagħmlu meta l-Kostituzzjoni hi siekta dwar dan, kif ukoll mingħajr ma kien hemm il-possibilita li jesprimi ruħu l-Parlament dwar il-materja.

Hu opportun li nagħtu każ ukoll li mart il-Prim Ministru qed tingħata ukoll rwol politiku fid-delegazzjonijiet governattivi Maltin barra minn Malta. Huwa biss f’pajjiżi fejn m’hemmx demokrazija jew inkella fejn id-demokrazija hi dgħajfa li l-Prim Ministru jagixxi b’dan il-mod. F’demokrazija mart il-Prim Ministru m’għandha l-ebda rwol għax meta l-Prim Ministru jkun għal xi raġuni indispost hemm id-Deputat Prim Ministru jew xi membru ieħor tal-Kabinett li għandu  jaġixxi minn floku. Hekk ikun xieraq għax il-Ministri jirrappreżentaw lill-poplu li eleġġihom. Iżda mart il-Prim Ministru ma tirrappreżenta lil ħadd.  Juan Domingo Peron kien jagħmel hekk: kien jibgħat lil Eva biex tirrappreżentah!