Il-permess tal-Mistra Village: ftit riflessjonijiet

Mistra Village proposed development

L-approvazzjoni għall-ħruġ ta’ permess finali biex dak li kien il-Mistra Village ikun żviluppat m’hu xejn ġdid. Bħalu kellna u ser ikollna bil-gzuz.

Imma hemm numru ta’ affarijiet li ġraw li ta’ min jaħseb ftit dwarhom.

L-ewwel nett insellem lil Simone Mizzi minn Din l-Art Ħelwa u Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar li ippresentaw il-każ f’isem is-soċjeta’ ċivili. Li ma rnexxilhomx jikkonvinċu maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA mhux tort tagħhom. L-approvazzjoni tal-permess hi kaġun tal-fatt li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA jaħsbuha b’mod differenti.

Kien hemm wieħed mill-membri tal-Bord li ddejjaq bil-kummenti li kienu għaddejjin u ħin minnhom żbroffa u qal li kulħadd irid jifhem li l-Bord tal-MEPA kif kostitwit illum għandu fuq spallejh obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ qabel.

Issa huwa veru li kien hemm outline permit, jiġifieri permess fil-prinċipju. Imma hu veru ukoll li fil-passat kien hemm ċirkustanzi li fihom il-Bord tal-MEPA xorta ma approvax permess ta’ żvilupp minkejja l-eżistenza ta’ outline permit. Hekk kien ġara fil-każ ta’ żvilupp mill-ġdid (redevelopment) tal-fabbrika tas-7 Up f’Santa Venera. Minkejja l-outline permit il-Bord tal-MEPA dakinnhar immexxi minn Austin Walker kien irrifjuta li joħroġ permess ta’ żvilupp.

Punt ieħor huma l-veduti li jikkuntrastaw fi ħdan il-PN. Ir-rapprezentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA ippropona li l-iżvilupp propost jitnaqqas u dan biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti. Dan jikkuntrasta mal-presenza tal-President tal-PN Dr Ann Fenech fil-kwalita’ tagħha ta’ konsulent legali tal-iżviluppaturi mill-Kuwait. Mhux biċċa tiegħi min ikunu l-konsulenti legali tal-iżviluppaturi. Imma huwa importanti li ninnotaw li President tal-Eżekuttiv tal-PN  xejn ma iddejqet li tagħti messaġġ li jikkuntrasta b’mod negattiv mal-posizzjoni li ħa r-rappresentant tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA.

Dan iġibni għall-aħħar osservazzjoni. Iż-żewġ partiti fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, it-tnejn li huma, kull wieħed bil-mod tiegħu, fittxew li jaġevolaw l-industrija tal-bini.

Tul is-snin il-PN ipprova jitħabbeb maż-żewġ naħat, kemm mal-industrija tal-bini kif ukoll mal-ambjentalisti. Ir-riżultat hu li m’għandu kredibilita’ ma ħadd għax ma tistax togħġob lil kulħadd.

Il-Labour hu iktar ċar: l-industrija tal-bini għalih hi mutur importanti għall-ekonomija. U ħalef li jagħtiha l-għajnuna kollha possibli. Hekk qed jagħmel. Qed jimxi ma dak li wiegħed.  Il-permess tal-Mistra Village hu wieħed li bħalu għad irridu naraw ħafna oħra.

Nipprotestaw? Iva mela le.  Huwa tajjeb li nuru li ma naqblux ma dawn id-deċiżjonijiet. Imma kien ikun aħjar li iktar nies fehmu x’wegħdu l-PN u l-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali. Kieku forsi kien ikun hemm bżonn ta’ inqas protesti.

Imma għal bosta dan it-tip ta’ “żvilupp” ma kienx konsiderazzjoni importanti qabel l-elezzjoni! Huwa biss issa li qed jirrealizzaw li wara kollox dan il-bini b’mod goff ser jeffettwalhom il-kwalita’ ta’ ħajjithom.

Imma issa l-froġa lesta.

Advertisements