Il-Gvern sar agent tal-ispekulazzjoni

X’jiswa’ li nagħmlu l-liġijiet b’ħafna pompa u ftaħir meta l-anqas tilħaq tinxef il-linka li ma jkunux injorati?

Ħafna mill-kritika għall-għoti tal-art lill-Grupp dB ta’ Silvio Debono u issa lill-Grupp Corinthia kienet għax qed iħallsu bil-karawett għal art li tiswa’ miljuni kbar, art li hi tal-pajjiż kollha, għax hi art li hi amministrata mill-Gvern.

Din il-kritika hi ġustifikata kemm fil-konfront tal-Grupp dB kif ukoll fil-konfront tal-Grupp Corinthia, avolja fil-kaz tal-Corinthia l-art diġa kienet f’idejhom.

B’żieda ma dan ser isir ħsara ambjentali kbira. Diġa rajna f’dan il-blog il-ħsara li ser issir bl-approvazzjoni tal-permess tal-Grupp dB.

Issa ma jdumx ma jibda l-proċess tal-applikazzjoni tal-Corinthia. B’żieda mal-ħsara kbira li diġa ser isir bl-applikazzjoni approvata tad-dB (sakemm ma jkunx applikat il-brejk mit-Tribunal tal-Appell) issa ser isir ukoll attakk fuq il-baħar ukoll. Insew li għadhom kemm approvaw fil-Parlament b’vot unanimu  liġi li tipproteġi l-kosta.

Gvern li jgħid ħaġa u jagħmel oħra: il-prijorità tiegħu hi li jinkoraġixxi l-ispekulazzjoni.

Advertisements

L-appell dwar il-permess tad-dB f’Pembroke

 

L-appell kontra l-permess tad-dB biex iħarbat is-sit tal-ITS ġie sottomess.
Ir-raġunijiet għall-appell, fil-qosor huma s-segwenti:

1) Il-kunflitt ta’ interess ta’ Matthew Pace, membru tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar u fl-istess ħin b’interess f’aġenzija tal-propjetá,
2) Il-kunflitt ta’ interess tal-Membru Parlamentari Clayton Bartolo, membru tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar,
3) In-nuqqas ta’ skrutinju tal-presentazzjoni sħiħa minn Jacqueline Gili li twasslet għal-laqgħa tal-Bord bil-jet,
4) Nuqqas ta’ konformitá tal-proposta ta’ żvilupp mal-Height Limitation Adjustment Policy for Hotels,
5) Nuqqas ta’ konformitá tal-proposta ta’ żvilupp mal-Planning Policy Guide on the use and applicability of the Floor Area Ratio (FAR), artiklu 5.9 dwar l-ispejjes konnessi mal-iżvilupp tal-infrastruttura,
6) Nuqqas ta’ konformitá tal-proposta ta’ żvilupp mal-Planning Policy Guide on the use and applicability of the Floor Area Ratio (FAR), u dan dwar diversi dettalji tal-policy kif imfissra dettaljatament fid-dokument tal-appell,
7) Nuqqas ta’ konformitá dwar policies li jikkonċernaw l-impatt viżiv,
8) Hemm appartamenti li huma inqas fid-daqs minn dak stabilit mill-policies tal-ippjanar,
9) is-Social Impact Assessment ma sarx sewwa,
10) L-iżvilupp propost ma jikkonformax ma policies, liġijiet u obbligi internazzjonali dwar il-ħarsien tal-wirt storiku,
11) L-iżvilupp propost jikser diversi policies u liġijiet dwar il-ħarsien tal-kosta,
12) L-iżvilupp propost ma jsegwix policies intenzjonati biex iħarsu l-ispazji miftuħa,
13) L-impatt tat-traffiku mhux ikkunsidrat b’mod adegwat; ma sarux studji neċessarji u kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus,
14) Ma ġietx osservata l-liġi tad-Dimanju Pubbliku u dan dwar il-ħarsien tal-kosta,
15) Nuqqas ta’ konsiderazzjoni u piz mogħti lil materji diversi relevanti dwar ambjent, estetika u sanitá,
16) Nuqqas ta’ development brief u Master Plan,
17) Nuqqas ta’ ħarsien ambjentali dwar protezzjoni ta’ bijodiversitá, flora u fawna fuq l-art u fil-baħar, siti Natura 2000 u Għarq Ħammiem
18) Nuqqas ta’ osservanza ta’ liġijiet diversi dwar tniġġiż u emmissjonijiet kif ukoll dwar skart riżultanti mill-proġett.