Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Labour iridu jagħtu premju lil min seraq art fl-Aħrax tal-Mellieħa biex fuqha għandu dik li tissejjaħ boathouse.
Fil-fatt dawk li għandhom boathouse fl-Aħrax tal-Mellieħa (fl-Armier, Little Armier u t-Torri l-Abjad) isejħu lilhom infushom is-sidien tal-boathouses, meta fil-fatt ma għandhom xejn li hu tagħhom għax l-art li fuqha huma mibnija l-boathouse hi tal-Gvern.
Ilhom snin twal jokkupaw din l-art u qiesu ma ġara xejn.
Aqraw ftit il-magazine Mill-Bajja li jippubblikaw dawn is-sidien tal-boathouses u issiru taf bi “ftehim” li għamlu mal-Gvern li jagħtihom l-art biex il-boathouses li għandhom illum ikunu jistgħu jibnuhom aħjar. Il-Gvern permezz ta’ ittra iffirmata mill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg nhar it-3 t’April 2003 wiegħed lil dawn is-“sidien tal-boathouses” 230 tomna art (jiġifieri 26,000 metru kwadru) li għaliha jħallsu €366,000 fis-sena!
Il-Labour wegħdu li huma jirrispettaw dan il-ftehim.
Il-PN u l-Labour għamlu dan il-pajjiż wieħed tal-cowboys. Qed jgħidu “aħtaf li tista’, u mbagħad b’xi mod nirranġaw” !
F’Alternattiva Demokratiku ma naqblux ma dan. Meħtieġ li l-iktar kmieni possibli li l-art ħdejn il-baħar ikun jista’ jgawwdiha kulħadd, u mhux dawk li ħatfuha f’idejhom bil-barka tal-PN u tal-Labour.
Min ma jridx jagħti premju lil min seraq l-art fl-Aħrax tal-Mellieħa għaldaqstant għandu biss għażla waħda x’jagħmel: Alternattiva Demokratika.