Il-ONE (illum) jiċċensura lil Alfred Sant

Dal-għodu Alfred Sant indirizza l-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista. Fl-aħbarijiet tal-lejla tal-ONE ma smajt xejn dwar x’qal. Meta fittixt skoprejt għaliex.

Il-Times online dalghodu irrapporta dak li qal Alfred Sant: tkellem dwar il-korruzzjoni, dwar l-abbuż li qed isir minn kumpaniji multinazzjonali mis-sistema tat-tassazzjoni Maltija biex jevutaw it-taxxi f’pajjiżhom u dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima.

Korruzzjoni? Ma tarax! Aqta’!

Meta nara li l-ONE ma jiddejqux jiċċensura anke lil Alfred Sant, xejn ma niskanta li jagħmlu ħilithom biex jippruvaw jiċċensuraw lilna tal-ADPD ukoll.

ONE: ġurnaliżmu tal-ħabbagozz!

Wara d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir

Idealment l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi jingħalqu illum qabel għada. Però hu ovvju li dan mhux ser isir, tal-inqas għalissa.

Sfortunatament dawn kontinwament iqiesu ruħhom li huma l-fuq mil-liġi. Mhumiex sors tal-aħbar, imma magna ta’ propaganda politika.

Jippretendu li għandhom il-kapaċità li jeżerċitaw diskrezzjoni editorjali, meta fir-realtà, t-tnejn li huma kontinwament jipprattikaw ċensura politika: xi drabi bl-iktar mod ovvju, drabi oħra b’mod sottili.

Dan hu l-isfond tal-każ ta’ ADPD deċiż mill-Awtorità tax-Xandir iktar kmieni din il-ġimgħa. Il-konferenza stampa saret nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu, kif norganizzaw kull nhar ta’ Sibt, kemm qabel kif ukoll wara dakinnhar. ONE u NET, bħas-soltu ma xandru xejn. Ġbidnielhom l-attenzjoni dwar dan. ONE injorawna. NET kellmuna u ġiebu skoss skużi, imma immedjatament bdew jiċċaqlqu, probabbilment għax irrealizzaw x’inhu ġej. Bdew jirrappurtaw ftit. Dan kien pass żgħir il-quddiem li seta u għad jista’ jwassal għal soluzzjoni: avolja għadna l-bogħod.

Wara bgħatna l-ilment lill-Awtorità tax-Xandir li semgħet il-każ u ħadet deċiżjoni.

Ir-rappurtaġġ dwar din id-deċiżjon il-bieraħ fuq il-medja kien estensiv. L-emfasi kien ivarja. Tim Diacono tal-Lovin’ Malta immeraviljat li ONE baxxew rashom u obdew l-ordni tal-Awtorità tax-Xandir. Li ma appellawx mid-deċiżjoni hu fatt li issorprenda. Għaliex? Diffiċli tgħid għalissa.

Bertrand Borg mit-Times of Malta min-naħa l-oħra analizza d-deċiżjoni u ppreżenta l-konklużjoni tiegħu li din kienet l-ewwel darba li l-Awtorità tax-Xandir qed tiċċensura stazzjon politiku. Jibni argument validu f’kuntest tad-dikjarazzjoni li għamlet il-Qorti Kostituzzjonali dan l-aħħar (f’kawża tal-PN dwar ix-xandir) fejn bl-iktar mod ċar kienet qalet li l-obbligu tal-imparzjalità mhux biss tax-xandir pubbliku. Hu obbligu ta’ kull mezz ta’ xandir, bla ebda distinzjoni. Dan hu argument li aħna ilna nagħmlu żmien twil.

L-Independent, Malta Today u Newsbook min-naħa l-oħra irrappurtaw l-aħbar tad-deċiżjoni tal-Awtorità b’mod fattwali.

Issa, x’ser jiġri minn hawn il-quddiem?

Jiena nippreferi li NET u ONE jagħrfu r-responsabbiltajiet tagħhom u jonorawhom. Jekk iridu jkellmuna biex flimkien insibu mod prattiku kif dan jista’ jsir jistgħu jikkuntattjawna meta jridu. Imma jekk mhux ser jimxu sewwa mhux ser ikolli triq oħra ħlief li nkompli nħarrax il-battalja biex leħen ADPD jinstema.

Nistennew u naraw.

Inkwetanti li Robert Abela jiltaqa’ ma’ Maġistrat

It-Times online u l-Independent online huma u jirrappurtaw id-diskors ta’ dalgħodu ta’ Robert Abela jirreferu għal laqgħa li Robert Abela qal li kellu ma’ Maġistrat.

L-Independent tgħid hekk: He said that he had the occasion to speak to a magistrate, who told him that the legal framework permits them to give low or high punishments. But, the magistrate said that when they give a high punishment, even though the law allows it, “they appeal and the chances are that the Court of Appeal would reduce the punishment as there are policies or past judgements that militate that punishments not be that high.”

It-Times tgħid hekk: He said that over the past few days he met a magistrate who told him that whenever a tough punishment was handed down, the sentence was inevitably watered down on appeal, with the appeals court citing caselaw.

Newsbook min-naħa l-oħra irrapporta hekk: Hu qal li din il-ġimgħa tkellem ma’ Maġistrat li stqarret miegħu li meta jingħataw pieni ħorox, il-Qorti tal-Appell tnaqqas din il-piena.

Dan il-kumment tal-Prim Ministru Robert Abela jeħtieġ spjegazzjoni immedjata għax hu inkwetanti ħafna. Minn meta l-hawn il-Prim Ministru jiltaqa’ ma’ Maġistrat u jitkellem dwar is-sentenzi? L-affarijiet mhumiex ċari u huma inkwetanti ħafna meta politiku jiltaqa’ ma’ membru tal-ġudikatura.

Min hu jew min hi l-Maġistrat ma nafx imma naħseb li l-Prim Imħallef għandu jara daqsxejn x’ġara.

Anke l-President tar-Repubblika li fost l-inkarigi tiegħu imexxi l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandu l-obbligu li jindaga mingħajr dewmien.

Min qed jiġbed l-ispag?

Hemm mistoqsija li bla dubju tberren f’moħħna aħna u nisimgħu jew x’ħin inkunu qed naqraw rapporti dwar ix-xhieda li qed tinġabar il-Qorti in konnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Lil min qed tipproteġi l-pulizija?

Qed joħroġ messaġġ ċar li f’waqtiet partikulari xi uffiċjali tal-Pulizija u l-kriminali li bħalissa qed ikunu investigati kienu id f’id. Naturalment l-uffiċjali in kwistjoni dan jiċħduh. Imma, sfortunatament għal kulħadd, il-kredibilità tagħhom ilha li spiċċat.

Id-deċiżjoni tal-5 t’Ottubru 2018 tal-Qorti Kostituzzjonali dwar Silvio Valletta, dakinnhar Deputat Kummissarju tal-Pulizija, b’kunflitt ta’ interess minħabba r-responsabbiltajiet politiċi ta’ martu Justyne Caruana (politically exposed person) għamlet l-affarijiet ferm agħar. Fl-2018 il-Qorti Kostituzzjonali kienet aċċettat l-argumenti ta’ tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u ordnat li Silvio Valletta jitbiegħed mill-investigazzjoni dwar l-assassinju.

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet kontra id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona dwar il-possibiltà ta’ ordni separata għall-assassinju ta’ Caruana Galizia, jikber konsiderevolment id-dubju dwar min qiegħed ikun protett mill-Pulizija. Għax kif jista’ jkun li Deputat Kummissarju tal-Pulizija li hu politikament espost jinvestiga politiku ġej mill-istess partit politiku li fih hi attiva martu ukoll Membru tal-Kabinett? Kien fit-8 ta’ Mejju 2016 li din il-gazzetta kienet irrappurtat illi Silvio Valletta kien offrut il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija imma ma aċċettax minħabba li martu Justyne Caruana u l-fatt li “hija Membru tal-Kabinett u persuna prominenti fil-Partit Laburista, seta’ jitfa’ wisq piż u dell fuq l-operat tiegħu kieku aċċetta li jkun fit-tmun tal-Korp.” Dakinnhar iddeċieda tajjeb imma wara insihom id-dellijjiet!

Il-problema tikber konsiderevolment kull meta jissemmgħu dawk li kienu madwar Joseph Muscat, ewlieni fosthom Keith Schembri. Imma hemm oħajn ukoll li kellhom parti importanti fl-iżviluppi ta’ din il-ġimgħa: min jikkonsla u jikkalma u min iwassal il-messaġġi.

Hu magħruf li kemm Chris Cardona kif ukoll Keith Schembri intalbu jwieġbu xi mistoqsijiet mill-Pulizija imma safejn hu magħruf pubblikament s’issa ħadd minnhom mhu qed jiġi investigat.

Jingħad li għad baqa’ informazzjoni sensittiva x’tinkixef.

Irridu nżommu quddiem għajnejna li Daphne kienet stħarrġet u kitbet dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni ewlenin fil-pajjiż tul dawn l-aħħar snin, li minnhom ma kellniex ftit. L-atturi xi drabi huma l-istess. Din il-ġimgħa kellna iktar informazzjoni fuq każ kbir. Hu il-kaz tal-Montenegro li stħarrġet it-Times u li minnu irriżulta li 17 Black ta’ Yorgen Fenech daħħlet madwar ħames miljun euro minn fuq dahar l-Enemalta. Min hemm sħab ma Fenech fis-17 Black u s’issa ma jidhirx?

Ix-xhieda fil-Qorti fil-kaz tal-assassinju qed jindikaw il-possibilità li hemm iżjed minn moħħ wiehed wara dan il-qtil. Yorgen Fenech ilu jinsisti li mhux hu l-moħħ iżda li hemm xi ħaddieħor li hu aqwa minnu.

Ma nagħmlux mod li dawn l-idejn moħbija wara l-qtil għandhom interess ukoll fil-qliegħ mill-Montenegro fejn spiċċa jidher Yorgen Fenech għal darba oħra għalihom hux?

Min qed jiġbed l-ispag f’dan kollu? Meta l-Pulizija jagħmlu investigazzjoni iktar fil-fond forsi jkollna ħjiel. Imma ma jiddependix biss minnhom. Jiddependi ukoll minn min s’issa għadu qiegħed jerfa’ l-piz waħdu u jostor lil ħaddieħor.

Il-kobba hi mħabbla sewwa. L-iskandli wieħed wara l-ieħor ilhom jakkumulaw. Dwar uħud minnhom ma sar xejn u dwar oħrajn tapari sar xi ħaġa. F’dan kollu hemm rwol fundamentali għall-ġurnaliżmu investigattiv li b’responsabbiltà jgħarbel u jfittex il-konnessjonijiet bejn in-numru dejjem jikber ta’ skandli. Il-qtil biex isikket lil min jinvestiga mhuwiex biss delitt kontra l-persuna imma hu ukoll delitt kontra d-demokrazija. Għax l-istampa libera li ma tibżax hi pilastru ewlieni tad-demokrazija tagħna.

L-istess idejn jidhru repetutament. Min hemm mistoħbi warajhom? Min qed jiġbed l-ispag Delimara, il-Montenegro u lura sal-Bidnija?

ippubblikat fuq Illum : Il-Ħadd 21 ta’ Ġunju 2020

Il-gwerra wara l-bieb

 

Fi gwerra, safejn naf jien, jitlef kulħadd. Għax gwerra tfisser li jkunu ngħalqu t-toroq kollha ta’ komunikazzjoni. Tfisser li r-raġuni ma għadx għandha użu.

Dikjarazzjoni ta’ gwerra tfisser li l-forza fiżika jew verbali u l-insulti huma l-għodda preferuti ta’ min ikun għamel din id-dikjarazzjoni.

Dalgħodu t-Times online ħabbritilna dikjarazzjoni ta’ gwerra li għamel il-Kap tal-Opposizzjoni Adrian Delia. Qaltilna t-Times li din id-dikjarazzjoni ta’ gwerra saret kontra dawk li ġew deskritti bħala t-tradituri fil-partit.

Ċertament li din mhiex l-aħjar siegħa tal-Partit Nazzjonalista. Għax li tiddeskrivi lil dawk li ma jaqblux miegħek bħala tradituri hi gravi ħafna u tirrifletti l-livell ta’ diskussjoni interna fil-Partit Nazzjonalista. Tfisser ukoll attitudni intolleranti lejn min għandu opinjoni differenti minnek u għandu l-kuraġġ li jsemma’ leħnu: fil-beraħ meta tollerat jew tollerata u fejn id-demokrazija interna hi mħaddma, bil-moħbi f’ċirkustanzi oħra.

Ma għandi l-ebda dubju li mhux kulħadd fil-Partit Nazzjonalista jixtieq li tibda din il-gwerra għax gwerra, ħerba biss tħalli warajha.

Bħal kulħadd jiena ukoll nisma’ stejjer dwar dak li għaddej. Dwar video clips li ħarġu u qed jiġu ċċirkulati u oħrajn li huma mistennija dalwaqt. Dawn huma affarijiet li ma jagħmlu ġieħ lill-ħadd. Imma jirriflettu l-istat miżerabbli li irriduċiet ruħha fiha kemm il-politika Maltija kif ukoll il-Partit Nazzjonalista.

Kulħadd jixtieq jara żminijiet aħjar fejn ir-raġuni w is-sens komun jitħallew jaħdmu. Ikun forsi l-mument fejn il-poliiku jġib ruħu sewwa, dejjem, kemm mal-ħbieb kif ukoll mal-għedewwa. Inkluż mat-tradituri!

Discount tat-Times bejn il-Lombard u l-Laiki

F’artiklu dalgħodu t-Times of Malta ħabbru li ftehim għall-biegħ tal-ishma fil-bank Malti Lombard Bank Malta plc li kellu l-bank Ċiprijott magħruf bħala Laiki Bank weħel, u li dawk li ssottomettew offerti għal dan il-bejgħ ta’ kważi 50% tal-ishma tal-bank ma jafux x’inhu jiġri.

Fil-gazzetta stampata, t-Times of Malta qaltilna li dawn l-ishma kellhom valur ta’ €100 miljun filwaqt li meta l-artiklu tqiegħed online dan il-valur niżel għal €50 miljun! Imkien ma hemm spjegazzjoni għal dak li ovvjament hu żball tal-gazzetta.

Il-Laiki Bank li ismu propju hu Cyprus Popular Bank Public Co Limited għandu 49.01% tal-ishma tal-Lombard u ċjoe ftit iktar minn 21.65 miljun sehem. Meta wieħed iqies li l-aħħar bejgħ fil-borza ta’ dawn l-ishma kien bil-prezz ta’ €2.20-il sehem, dawn  għandhom valur ta’ madwar €48 miljun, qabel ma jitqies żieda ta’ premium minħabba li l-bejgħ iwassal għal kontroll tal-bank.

Ikun tajjeb li dan il-bejgħ isir bi trasparenza kif jeżiġu l-liġijiet tal-pajjiż.

Ir-rapport ta’ Vanni Bonello u r-reputazzjoni tat-Times u s-Sunday Times

 

Mela l-Allied Newspapers Limited u Adrian Hillman ftehmu. It-Times tgħidlna li laħqu ftehim u li bħala riżultat ta dan il-ftehim ġie fi tmiemu t-tilwim (u kawżi) li kien  hemm bejniethom.

Xfih il-ftehim ma nafux għax din l-informazzjoni nżammet kunfidenzjali.

Dan il-ftehim waslu għalih wara diskussjonijiet fid-dawl tal-investigazzjoni li mexxa l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello u dan wara numru ta stejjer ballegazzjonijiet gravi dwar l-istess Adrian Hillman, Keith il-Kasco Schembri kif ukoll il-kuntrattur Pierre Sladden.

Fl-istejjer kienu issemmew kumpaniji diversi li kien intqal li kienu ġew użati biex jaħbu attivitá illegali diversa.  

Xirriżulta mill-investigazzjoni mhux magħruf għax il-kumpanija Allied Newspapers Limited sissa żammet kollox mistur.

Ma naħsibx li hemm xi obbligu legali li l-Allied Newspapers Limited tippubblika r-rapport tal-inkjesta. Imma żgur li hemm obbligu ta xorta oħra: hu obbligu etiku. Għax kif tista l-Allied Newspapers Limited tkun kredibbli, mil-lum il-quddiem, meta permezz tal-gazzetti tagħha it-Times of Malta u s-Sunday Times of Malta jintalab aċċess għal informazzjoni minn sorsi tal-istat u anke minn sorsi oħra privati fil-kors tal-ġurnaliżmu investigattiv meta hi stess qed iżżomm mistur dak li irriżulta mill-investigazzjoni interna tagħha?

Il-pubbliku għandu dritt li jkun jaf dwar jekk irriżultax li kien hemm it-tixħim u l-korruzzjoni kif ukoll dwar jekk irriżultax jew le li kienet kompromessa l-linja editorjali tal-gazzetti li tippubblika l-Allied Newspapers Limited. Iċċaħdiet ġenerali naħseb li ma jikkonvinċu lil ħadd.

Bla dubju l-Allied Newspapers Limited taħseb li bil-kunfidenzjalitá tista tipproteġi r-reputazzjoni tal-gazzetti tagħha. Wisq nibżali dan mhux il-kaz.