Some memories of my father

SCAN0001

 

It is now four weeks since he passed away in the early hours of 11 June. Yet I still find myself dialling his telephone number at least twice a day to exchange some news or to ask for his opinion or advice on some matter.

Three months short of his 85th birthday, he had retired from the civil service 25 years ago after a continuous public service spanning over 40 years. I do remember most of his postings, in particular those at the Customs and the then Water Works Department. He was dedicated to his duties at the Department of Social Services where he spent more than twenty years of his public service.

He was an only child as his elder sister had died at birth. At the tender age of six he was already an orphan when he lost his father who worked as a linotype operator at the government printing press. It was in 1937, two years before the outbreak of World War II. Without a breadwinner at home and inexistent social services life was miserable.

My father was not into politics. He was of the opinion that it would have been much better had I followed in his footsteps! He told me as much in very forceful language many times, in particular on the morrow of Black Monday in October 1979 when standing in the timber balcony of our home in St Paul Street Valletta we could still observe smoke coming out from the gutted Progress Press, home to The Times and The Sunday Times for many years.

He was a civil servant of the old school who took much pride in his work. As a young boy I could observe this at close quarters whenever he took me along. As an account keeper at the Water Works Department in the 1960s he would patiently listen to and address complaints on “errors” in water and electricity bills. Later in the 1980s, he would apply his skills as a welfare officer in the different area offices of the Department of Social Services assisting the elderly and vulnerable who sought the assistance of the state.

In 1977, after taking part in a sympathy strike called by the UĦM in solidarity with bank employees he was transferred to the Bormla Area Office of the Department of Social Services. It was certainly not intended to be a pleasant experience. In fact, he used to recount how in the first weeks after his being transferred to the Bormla Social Services Area Office, various officials of the local Labour Party Club used to turn up at the office “to check” on the progress of the new welfare officer! Subsequently he was transferred to other Area Offices.

My father spent his last weeks in palliative care at the Sir Anthony Mamo Oncology Centre where he was much impressed by the dedicated service of all members of staff, without exception. My family is grateful to them all as their care and dedication ensured that his last days were bearable right to the very end. May he rest in peace.

published in The Malta Independent on Sunday – 10 July 2016

Advertisements

Serqa fid-dawl tax-xemx: min jidher u min ma jidhirx

Two Towers on ITS site

 

It-tender dwar żvilupp turistiku fuq l-art tal-ITS (Institute of Tourism Studies) ilu li għalaq. Ilna nisimgħu li hemm ħadma kbira.

Is-Sunday Times tal-lum f’artiklu ta’ Caroline Muscat tagħtina l-istorja bażika.

L-offerti intefgħu minn Silvio Debono tas-Seabank Group : offra €6.5 miljuni għal art tal-qies ta’ madwar 25,000 metru kwadru (iva: ħamsa u għoxrin elf metru kwadru, qed taqra tajjeb).

Din l-art li l-pjan lokali [North Harbours Local Plan] jiddeskrivi bħala Entertainment Priority Area tiswa’ ferm iktar minn hekk. Ċertament mhux inqas minn €100 miljun. Probabilment viċin il-€120 miljun.

S’issa l-art għadha ma ġietx trasferita imma wieħed mill-ágenti tal-propjetà diġa qiegħed jaċċetta deposits għal appartamenti lussużi li huma ippjanati għaż-żona, inkuż fis-żewġ torrijiet li hemm ippjanati.

Biex Silvio Debono, permezz tal-kumpaniji tiegħu, tefa’ offerta daqshekk baxxa għal art li għandha potenzjal enormi, bil-fors li għandu rasu mistrieħa li mhux ser ikollu diffikultajiet li jinfetħulu l-bibien għal biċċa “business” tajba.

Bil-fors li jitqanqlu suspetti kbar. Dwar min qed jidher u min possibilment ma jidhirx f’din is-serqa. Għax dan mhux “business” imma serq fid-dawl tax-xemx.

Huwa l-kaz ta’ investigazzjoni mhux biss mill-Awditur Ġenerali imma ukoll mill-Kummissarju tal-Pulizija. Illum qabel għada.

Mario de Marco : bejn mistoqsija u tweġiba

Mario de Marco2

Ftit iktar minn xahar ilu Mario de Marco, f’artiklu ippubblikat fuq l-Indipendent , qal li kuljum jistaqsi lilu nnifsu l-mistoqsija “għalfejn qiegħed fil-politika?” It-tweġiba li jagħti fl-istess artiklu kienet (u bla dubju għadha) is-sens ta’ dover li jħoss lejn dawk kollha li jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Hi tweġiba li tpoġġi s-servizz lejn il-komunità u mhux il-gwadann personali bħala l-mira tal-involviment fil-ħajja politika.

Ġimgħa ilu l-Malta Today ippubblikat artiklu ffirmat minn Salvu Balzan li fih qalet li Mario de Marco kellu kuntrattur [Redmap Construction Limited ta’ Pierre Sladden] li kien qed jagħmel xogħol ta’ alterazzjonijiet fi propjetà li hu għandu fin-Naxxar. Dan ix-xogħol, qalet il-Malta Today, ilu sejjer mill-2011 meta Mario de Marco kien Ministru responsabbli (fost affarijiet oħra) għall-MEPA.

Imma, qalet il-Malta Today, kien biss wara li faqqa’ l-iskandlu dwar Adrian Hillman [Managing Director tal-kumpaniji li jippubblikaw il-gazzetti The Times u The Sunday Tmes] li Mario de Marco talab il-kont tax-xogħol mingħand il-kuntrattur.

L-artiklu tal-Malta Today, ippubblikat lejliet id-diskussjoni fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern jimplika li dan ix-xogħol kien meqjus bħala rigal. Kien artiklu li qanqal dubju serju sakemm Mario de Marco ta’ l-ispjegazzjoni tiegħu [fil-media u fil-Parlament] fis-sens li hu kien ilu jitlob kont tax-xogħol u li l-kuntrattur kien qed iwieġeb illi l-kont jinħareġ hekk kif jitlesta x-xogħol.

Xi ftit dubju ser jibqa’ dejjem, imma l-kredibilità ta’ Mario de Marco, fil-fehma tiegħi ixxaqleb il-miżien favur tiegħu.

Dan il-każ juri kemm huwa żbaljat il-Parlament li jħalli fuq l-ixkaffa l-abbozz ta’ liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, abbozz li ilu li ġie ippreżentat u approvat fl-ewwel qari sa mill-14 ta’ Mejju 2014. Meta l-Parlament japprova din il-liġi jkollu l-għodda biex ikunu investigati immedjatament dawn it-tip ta’ stejjer.

Għax filwaqt li tajjeb li tkun ippubblikata l-istorja fil-gazzetti, huwa daqstant ieħor importanti illi jingħataw spjegazzjonijiet minn dawk involuti. Il-mistoqsija trid issir imma għandna dritt ukoll għal risposta ċara. Għax min hu maħmuġ għandu jkun espost, imma min m’huwiex m’għandux ikun imħammeġ għal gwadann politiku tal-mument.

Il-ħmieġ inissel iktar ħmieg

demarco.hillman

 

L-istorja fl-ewwel paġna tal-lum tal-Malta Today hi ovvjament ritaljazzjoni għall-istejjer tal-Panama Papers dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco. B’mod partikolari qed tagħti messaġġ li l-għeruq tal-ħmieġ madwar il-kumpaniji li jippubblikaw it-Times u s-Sunday Times huma mifruxa ferm iktar milli naħsbu.

Il-fattur komuni hu l-kuntrattur Pierre Sladden ta’ Redmap Construction Limited li ħadem fuq il-binja tal-Istamperija l-ġdida fl-Imrieħel. Il-kobba hi imħabbla sewwa u ma noħodhiex bi kbira li għad irridu nisimgħu ħafna iktar. Inkluż iktar ismijiet.

L-istorja tal-lum tiffoka fuq persuni madwar Adrian Hillman u m’hiex biss attakka fuq Mario de Marco imma ukoll attakk fuq uffiċjali oħra tal-kumpaniji li jippubblikaw it-Times u s-Sunday Times, inkluż fuq dak li presentement qed jimla l-post ta’ Adrian Hillman b’mod temporanjament.

Dan hu każ ieħor li bih għal akkużi ta’ irregolaritajiet qed tingħata t-tweġiba: “għax ma tarax x’għamilt int u ta’ madwarek”! Għax b’hekk il-partijiet jibqgħu jitgħajjru u jippruvaw jiġġustifikaw li ma jieħdu l-ebda pass fuq xejn.

Pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar.

 

Joseph frisk bħal ħassa

Lettuce

 

L-Allied Newspapers Limited, il-kumpanija responsabbli għall-pubblikazzjoni tat-Times of Malta u s-Sunday Times of Malta, fid-dawl tal-informazzjoni li ħierġa ftit ftit fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia dwar allegazzjonijiet gravi ta’ tixħim u korrużżjoni ħadu passi immedjati. Infetħet investigazzjoni interna fil-kumpanija biex teżamina l-allegazzjonijiet serji li saru. Il-persuna fit-tmexxija tal-kumpanija li għaliha qed issir referenza, l-Managing Director Adrian Hillman, ħareġ bil-leave, sakemm tkun konkluża l-investigazzjoni u jkunu ikkunsidrati l-konklużjonijiet.

L-allegazzjonijiet dwar tixħim ma jikkonċernawx biss lil min qed jingħad li ġie imxaħħam. Jikkonċernaw ukoll lil min qed jingħad li xaħħam u ċjoe lil Keith Schembri tal-Kasco.

Bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru il-Kasco tgħaddi minn taħt idejħ informazzjoni minn l-iktar sensittiva li tikkonċerna lill-pajjiżna.

Jista’ l-pajjiż jibqgħa immexxi b’dan il-mod: minn persuni li hemm dellijiet kbar dwar l-integrità tagħhom, bil-poter effettiv tal-pajjiż f’idejhom?

Sadanittant Joseph frisk bħal ħassa. Qiesu ma ġara xejn. Għandu fiduċja sħiħa f’Keith tal-Kasco tant li ma jħossx il-ħtieġa li ssir investigazzjoni. Inevitabilment, f’din is-sitwazzjoni tasal għal konklużjoni li Joseph Muscat u Keith Schembri tal-Kasco qed jiddefendu lil xulxin.

Pajjiżna jixraqlu aħjar.

Estremist jew …………….. imdawwar bil-poodles

poodles 2

 

Ġieli qalulna ukoll fundamentalisti. L-aħħar titlu hu estremisti. Hekk irrappurtat it-Times online illum diskors dal-għodu ta’ Joseph Muscat. L-Independent min-naħa l-oħra  uża l-kelma “absolutism”.  Il-Malta Today irrappurtat dak li ntqal b’video li jaqbel ma dak li qalet l-Independent.

Ir-realtà hi li l-valur tal-ekoloġija hu wieħed assolut. Għalhekk din l-opposizzjoni li bdiet u nittama li ma tieqafx.  Il-ħerba ekoloġika madwarna qed tikber kontinwament, għax hawn wisq politiċi irresponsabbli bħal Joseph Muscat jiġru mas-saqajn. Tkun irresponsabbli jekk tħares sal-ponta ta’ mnieħrek. Jekk tħares lejn il-gwadann immedjat u tinjora, jew aħjar tagħlaq għajnejk għall-ħsara irreparabbli li qed tiżviluppa bil-mod u fit-tul.

Il-proposta tal-hekk imsejjaħ kompromess li qed jimbotta ftit ftit Joseph Muscat, fis-sens li jibni biss parti mill-campus tal-“Università” fiz-Zonqor u l-kumplament x’imkien ieħor hi proposta irresponsabbli. Għax jekk Muscat qed jagħraf li hemm validità fl-argument li l-Università għandha titbiegħed miż-Żonqor, din għandha titbiegħed kompletament. Mhux biċċa biss biex taparsi kien qed jisma’.

Tajjeb li l-Gvern jisma’. Imma hu iktar importanti li jagħti każ. Li ma tkunx trid  tisma’ hu ħażin. Imma li tisma’ u ma tagħtix każ hu agħar għax turi li taparsi qed tisma’.

Pajjiżna ma jistax jitlef iktar raba’. Tilef iktar minn biżżejjed tul is-snin. Dak li ntilef ma jistax jinġieb lura.

Ir-raba’ taż-Żonqor m’huwiex biss sors ta’ għajxien għall-bdiewa. Huwa ukoll bejta tal-bijodiversità li qed tinqered ftit ftit.

Li topponi li l-ġungla tal-konkos jibla iktar raba’ m’huwiex estremiżmu. Huwa sens ta’ responsabbiltà kbira favur żvilupp sostenibbli. Għax l-iżvilupp għaqli m’huwiex li tibni iktar imma li tkun kapaċi tutilizza dak li hu diġa mibni biex taqdi l-ħtiġijiet tal-lum.

Dan ma jgħoddx biss għaż-Żonqor imma jgħodd ukoll għall-iskejjel li trid tibni l-Knisja f’Ħal-Ghaxaq. Ankè dawk, m’għandhomx jinbnew. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet oħra, avolja diffiċli.

It-titlu ta’ estrimist fejn jidħol l-ambjent xejn ma jdejjaqni. L-importanti l-konsistenza li min huwa mdawwar bil-poodles m’għandux idea xi tkun.

Il-maltemp li jista’ jkaxkarna

29.12.2014

 

Fit-Times of Malta illum f’artiklu intitolat Malta is vulnerable to a devasting megastorm il-Professur Patrick Schembri jispjega kif mir-riċerka li qed jagħmel mal-kosta Maltija qiegħed bil-mod jiskropri provi dwar maltempati kbar li seħħew fil-gżejjer Maltin eluf ta’ snin ilu. L-artiklu ma jidhirx sħiħ online. Online issibu artiklu fil-qosor intitolat Malta hit by megastorms in the past……..and it can happen again.

Din ir-riċerka hi iffinanzjata mill-European Research Council u fiha qed jieħdu sehem tijm internazzjonali mill-Irlanda (Queen’s University Belfast), mir-Renju Unit (University of Cambridge) u Malta (Universita’ ta’ Malta, Sopratendenza tal-Wirt Kulturali u Heritage Malta).  Il-proġett ta’ studju hu mifrux fuq ħames snin u huwa imsejjaħ “ Fragility and sustainability in restricted island environments: adaptation, culture change and collapse in prehistory.”

Fir-rapport tagħha l-ġurnalista tat-Times Sarah Carabott tgħid dawn il-preċiżi kelmiet :

“Malta has been hit by storms so powerful that traces in the coastal sediment remain till this very day, thousands of years later.

If such inclement weather were to hit again, it could leave its mark on infrastructure around the coastline, including the power station and reverse osmosis plants.”

It-Times tirrapport ukoll il-veduti tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Kelliema għal dawn il-Korporazzjonijiet qalu li l-faċilitajiet in kwistjoni (power station u impjanti tar-reverse osmosis) huma safe. Ġew diżinjati b’mod li jilqgħu anke’ għal l-iktar maltempata qalila, qalu.

 

Ma nafx jekk tiftakrux x’ġara f’Fukushima, l-Ġappun nhar il-11 ta’ Marzu 2011. Il-bini tal-impjant nuklejari  kien b’saħħtu, iddiżinjat għal kontra t-terrimoti. Fil-fatt il-bini ma ġarrabx l-anqas ġirfa bħala riżultat tat-terrimot. Imma mbagħad tħarbat bil-mewġ għoli li ġie iġġenerat bit-tsunami sussegwenti.

Il-ġeologu Ġappuniż Masanobu Shishikura nhar il-11 t’April 2011 kien rappurtat mill-ġurnal Taljan Il Sole 24 Ore li kien ippreveda dan it-tsunami a bażi ta’ oħrajn li seħħew mijjiet ta’ snin ilu bejn 500 u 800 sena ilu.

Dan ifisser illi l-maltempati qliel li seħħew fuq Malta eluf ta’ snin ilu u li dwarhom qed jitkellem il-Professur Schembri m’hemm xejn li jżomm milli jerġgħu jseħħu. Ovvjament tajjeb li l-Korporazzjonijiet jgħidulna kemm aħna ippreparati. Imma probabbilment li m’aħna ippreparati xejn għal diżastru naturali li s’issa m’għandna l-ebda ideja dwar il-qilla tiegħu meta seħħ eluf ta’ snin ilu.

Garanzija biex min seraq, igawdi dak li seraq

Bajja 2.2003 GPullicino jiltaqa' mal-Assocjazzjoni

Fir-ritratt ta’ hawn fuq li hu meħud minn Il-Bajja No.2 ta’ April 2003 jidher George Pullicino, dakinnhar Segretarju Parlamentari, jippoża mal-kumitat inkarigat mill-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa wara waħda mil-laqgħat fejn min seraq l-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa ingħata l-appoġġ mill-politiċi li huma eletti fil-Parlament.

Id-dibattitu fil-pajjiż dwar il-kmamar tal-Aħrax tal-Mellieħa kif ukoll (ftit inqas) dwar dawk fil-Bajja ta’ San Tumas ilu għaddej. Min hu kontra, min hu favur u min jiġi jaqa’ u jqum.

Il-każ huwa wieħed li jattakka s-soċjeta demokratika fl-egħruq tagħha. Għax il-messaġġ ċar li ilu jidwi hu li quddiem il-liġi m’aħniex kollha xorta. Fl-Aħrax tal-Mellieħa (L-Armier, Little Armier, it-Torri l-Abjad) u fil-Bajja ta’ San Tumas il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt (r-Rule of Law) idub u jisparixxi.

Min seraq l-art, bniha bla permess u anke seraq l-elettriku ser ikun ippremjat.

Alternattiva Demokratika biss tkellmet ċar kontra dan l-abbuż. Ftehemu kemm mal-Partit Laburista kif ukoll mal-Partit Nazzjonalista. Fil-Gvern għal 25 sena l-Partit Nazzjonalista ma rnexxilux jerfa’ subgħajh biex iġib sens ta’ ordni. Ipprova darba l-Perit Michael Falzon meta kien Ministru tal-Ippjanar u l-Kabinett bagħtu jixxejjer! Falzon riċentement kiteb fil-gazzetti li dakinnhar tgħallem li l-voti huma iktar importanti mill-prinċipji!

Waqt li l-Perit Michael Falzon ried iwaqqa’ dak li kien illegali, Ministri oħrajn ftehmu ma min b’mod sfaċċat u fid-dawl tax-xemx sfida l-liġi. Dawn dejjem irraġunaw li bl-appoġġ tal-PN u l-PL ħadd ma jista’ għalihom! Fl-aħħar jidher li ser jirnexxilhom.

Il-PN irnexxilu jipproteġihom għal 25 sena sħaħ. Fil-futur qarib il-Labour fil-Gvern jidher li ser jissiġilla din l-sfida kbira għall-liġi u l-ordni fil-pajjiż.

Messaġġ ċar li l-Labour Party ta’ Malta qed jagħti (bl-appoġġ tal-PN). Il-Labour fil-Gvern jiggarantilek li tgawdi dak li sraqt.

Il-lejla fuq Times Talk niddiskuti dan is-suġġett mal-preżentaturi Mark Micallef u Herman Grech u mistednin mill-partiti politiċi l-oħra.

lokalitajiet minn fejn joriginaw dawk li ghandhom il-boathouses f'idejhom 2010

Il-lista ta’ hawn fuq hi estratt minn Il-Bajja Nru 30 ta’ April 2010 u turi l-lokalitajiet fejn joqgħodu dawk li għandhom il-boathouses f’idejhom.

Kif jista’ Karmenu Vella jitfi s-switch?

switching off

 

Karmenu Vella hu ferħan bl-inkarigu li ngħata minn Jean-Claude Juncker. Imma meta tara l-affarijiet sewwa huwa ċar li m’għandux wisq biex jifraħ.

Jiena bħala ambjentalist naħseb li l-proposta ta’ Juncker hi waħda żbaljata u nantiċipa kritika qawwija fil-Parlament Ewropew u fil-kumitati relattivi. Dan diġa jinħass mill-kummenti li qed jinstemgħu fil-kurituri diversi ġo Brussels.

L-ewwel nett l-oqsma ta’ responsabbiltà li Juncker għazel li jgħabbi fuq Karmenu Vella mhux biss huma wisq, imma iktar minn hekk jagħtu l-messaġġ ta’ tnaqqis tal-importanza tal-oqsma kollha: l-ambjent, il-politika marittima kif ukoll is-sajd. L-għażla tar-responsabbiltajiet ta’ Karmenu Vella kienet deċiżjoni politika ta’ Jean-Claude Juncker. Hi għażla li tfisser li dawn it-tlett oqsma ser ikunu emarġinati.  Dan hu messaġġ ħażin li qed jagħti Jean-Claude Juncker.

Hu messaġġ li ma jirriżultax biss mid-daqs tal-portafoll imma ukoll mill-fatt li l-ħidma ta’ Vella biex tasal għad-diskussjoni fil-Kummissjoni trid il-kunsens ta’ wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni prinċipalment fuq kriterji ekonomiċi u ta’ kompetittivita u dan bħala riżultat tal-proposta tal-clustering tar-responsabbiltajiet fil-Kummissjoni. Dan ser ifisser li jista’ jinħonoq il-leħen ambjentali fil-Kummissjoni. Dan ikun pass kbir lura li jieħu lill-Unjoni Ewropeja lura snin kbar.

Kien ikun ħafna iktar għaqli kieku, kif qed tinsisti l-World Wildlife Fund, inħoloq cluster ta’ Kummissarji taħt id-direzzjoni ta’ Viċi President responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli. Imma din donnha li għal Jean-Claude Juncker mhiex materja ta’ importanza.

Karmenu Vella hu bniedem raġjonevoli. Tista’ tiddiskuti miegħu b’faċilita. Filwaqt li dan hu importanti ħafna, mhux biżżejjed.

F’karriera politika ta’ kważi 40 sena Karmenu Vella ftit li xejn kien espost għall-politika ambjentali . Li taqra d-dossiers li jħejjulek fuq materji differenti jista’ jkun ta’ għajnuna imma qatt ma hu ser jirrimedja, f’kamp daqstant vast u kultant ikkumplikat bħalma hu dak ambjentali.

Fuq kollox imbagħad Karmenu Vella jappartjeni lil partit politku li m’għandux kredenzjali ambjentali li qatt jista’ jiftaħar bihom. Għadu ħiereġ minn kampanja elettorali fejn bħala parti mill-Partit Laburista Karmenu Vella ta appoġġ inkundizzjonat lill-kaċċa fir-rebbiegħa u lill-insib, posizzjonijiet li huma dijametrikament opposti għar-responsabbiltajiet li hu propost li jerfa’. Anzi għandu l-inkarigu ċar u speċifiku minn Juncker li jibda l-proċess ta’ reviżjoni u konsolidament tad-Direttivi bażici dwar l-Għasafar u l-Habitats. Safejn naf jiena ma naħsibx li Juncker irid jintroduċi l-kaċċa fir-rebbiegħa fl-Unjoni Ewropeja kollha!

Kif jista’ Karmenu Vella jitfi s-switch  ta’ posizzjonijiet politiċi li m’humiex kompatibbli mal-linja politika ambjentali tal-Unjoni Ewropeja?

Herman Grech tat-Times dan kollu jiddeskrivieh bħala riżultat tas-sens ta’ umoriżmu ta’ Juncker.

Fuq dan il-blog jiena diġa emfasizzajt li hemm dan il-kuntrast inkwetanti bejn ir-responsabbiltajiet assenjati lil uħud mill-Kummissarji (fosthom Karmenu Vella) u l-politika tal-pajjiż li qed jaħtarhom.

Altru li għandu biex jieħu pjaċir Karmenu Vella.

Fiċ-Ċukaj għadhom lura

handcuffs

 

Meta taqra l-artiklu ta’ Ivan Fenech fit-Times tal-lum tirrealizza kemm għadhom lura fiċ-Ċukaj. Qiesu għandhom lin-Nazzjonalisti  fil-Gvern.

Fiċ-Ċukaj għadhom ma rrealizzawx li l-vittmi tad-droga protezzjoni jeħtieġu. Għadhom ma irrealizzawx li lill-vittmi tad-droga mhux lill-pulizija għandhom bżonn ma saqajhom iżda persuni b’impenn soċjali li jgħinuhom ifittxu triq aħjar li ma tagħmillhomx ħsara għal saħħithom.

Fiċ-Ċukaj għadhom jiddistingwu bejn l-alkohol u drogi oħra.

Fiċ-Ċukaj għadhom ma semgħux bil-progress kbir li sar fil-Portugall minn mindu iddikriminalizzaw l-użu tad-droga għal użu personali!

Għaċ-Ċukaj il-ħabs għadu soluzzjoni. Meta fir-realta’ hu parti mill-problema.