Ir-Rapport tal-AD dwar l-elezzjoni ta’ Marzu 2008

 

 

 

Dal-għodu ġie ppubblikat ir-rapport li jiena flimkien ma Claire Bonello u Kurt Sansone ħejjejna dwar il-mod kif ħadmet Alternattiva Demokratika matul l-elezzjoni tal-2008.

 

Mhux ser noqgħod nikkummenta fuq dak li hemm miktub. Dak jista’ jinqara minn kulħadd li huwa ukoll liberu biex jikkummenta favur jew kontra jew b’żieda ma dak li kkonkludejna fir-rapport.

 

L-opinjoni ta’ kulħadd għandha piż.

 

Dan ir-rapport ġie ippreżentat minni lill-Eżekuttiv ta’ AD nhar l-Erbgħa fil-għaxija li mill-ewwel iddeċieda li għandu jkun pubbliku.

 

 

Għandu jkollna l-umilta’ li neżaminaw bir-reqqa dak li sar u kif dan fil-futur jista’ isir aħjar. Għandu jkollna l-umilta’ li nisimgħu x’għandu xi jgħid ħaddieħor. Għandu jkollna ukoll l-umilta’ li nieħdu l-passi korrettivi meħtieġa.

 

Meta bħal-lum ġimgħa, nhar is-Sibt 14 ta’ Ġunju tiltaqa’ l-Laqgħa Ġenerali tal-AD l-ewwel ser tiddiskuti dan ir-rapport. Imbagħad taħtar it-tim li jrid imexxi lill-AD għas-snin li ġejjin.

 

Minkejja li bil-fors irridu naslu għal konklużjonijiet dwar kif għandna ntejjbu l-operat tal-AD fil-futur f’dan il-mument kritiku huwa ukoll floku ringrazzjament lil Harry Vassallo li tant iddedika minn ħinu w l-enerġija tiegħu matul dawn l-aħħar 18-il sena biex jara l-viżjoni tal-AD tiġi addottata u timxi l-quddiem.

 

Sar ħafna progress. Iżda mhux biżżejjed.

 

Għada jinbena fuq illum.

 

Grazzi.

KONSULTAZZJONI – Agħti l-opinjoni tiegħek

adsmall.gif

L-Eżekuttiv ta’ Alternattiva Demokratika – The Green Party iddeċieda li jaħtar kummissjoni biex teżamina r-riżultat li kisbet l-AD fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa l-oħra. Il-kummissjoni hi mistennija li teżamina l-ħidma u l-mod kif tiffunzjona l-AD u tipproponi tibdil u titjib fejn jirriżulta meħtieġ. Dan in vista ta’ l-isfidi elettorali li jmiss.

Tista’ tibgħat is-sottomissjonijiet tiegħek bl-email: alternattiva2008@yahoogroups.com 

Il-Kummissjoni ser tkun komposta kif ġej :

Il-Perit Carmel Cacopardo (Rapporteur)

Is-Sur Kurt Sansone, gurnalist

Dr. Claire Bonello, Avukat.