Il-PN fis-sqaq tal-fundamentaliżmu

Adrian Delia appunta lilu nnifsu l-gwardjan tal-morali tal-pajjiż. Għalhekk, qal, li l-PN fil-Parlament ser jopponi l-avviż legali li jintroduċi 100 siegħa leave bi ħlas għal dawk li jfittxu trattament tal-IVF barra minn Malta (nisa infertili u lesbjani).

Billi l-liġi tal-IVF presentment fis-seħħ dan ma tippermettieħx Delia qed tniggżu l-kuxjenza u jidhirlu li għal din ir-raġuni għandu jopponi.

Adrian Delia għadu kif ħa ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni. Fl-aħħar leġislatura din il-kostituzzjoni ġiet emendat biex anke id-diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru u l-orientazzjoni sesswali tkun ipprojibita.

Fit-triq li qabad favur il-fundamentaliżmu Delia mhuwiex jirrealizza li qiegħed ikasbar il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li tobbliga anke lilu li jitbiegħed minn kwalunkwe diskriminazzjoni: f’dan il-kuntest id-diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru u l-orientazzjoni sesswali.

Fil-Parlament ftit ġimgħat ilu kellna d-dmugħ tal-kukkudrilli ta’ dawk li iddispjaċihom li kienu astjenew fil-vot dwar id-drittijiet LGBTIQ fil-leġislatura l-oħra fosthom Mario de Marco u Claudette Buttigieg. Nistennew u naraw jekk bidlux il-fehma tagħhom.

S’issa fil-PN qiegħed jinstema leħen wieħed biss favur ir-raġuni : dak ta’ Norman Vella.

Sadanittant il-PN jibqa’ dieħel il-ġewwa fis-sqaq tal-fundamentaliżmu, u minn hemm ser ikunlu diffiċli li joħroġ.

Godfrey Grima u l-Kabinett Nazzjonalista li jmiss

Godfrey Grima

 

Il-Konvenzjoni li l-Partit Nazzjonalista organizza f’dawn il-jiem kien eżerċizzju tajjeb biex il-PN jisma’ ftit.

F’din il-konvenzjoni instemgħu diversi ilħna. Kien hemm l-inċens ta’ nies bħal David Griscti dwar kemm hu iffurtunat il-PN li għandu lil Simon Busuttil. Kien hemm diversi interventi analitiċi bħal dawk tal-Kunsillier ta’ Alternattiva Demokratika fuq Tas-Sliema Michael Briguglio inkella tal-ġurnalista James Debono.

Imma kien hemm ukoll ilħna kritiċi bħal dak ta’ Godfrey Grima.

Minn dak li qrajt, dawk preżenti għall-konvenzjoni ma kellhomx is-sabar li jogħmodu dak li qal Grima. Il-kritika ta’ Godfrey Grima kienet waħda li irreferiet għat-tmexxija ħażina tal-amministrazzjoni immexxija minn Lawrence Gonzi. Jidher li anke Oliver Friggieri irrefera għall-awto-goals tal-amministrazzjoni Gonzi.

Skond l-Orizzont tal-bieraħ, il-kritika ta’ Godfrey Grima nisslet reazzjoni ħażina fost dawk li kienu qed jisimgħu tant li Grima, dejjem skond L-Orizzont, wieġeb hekk: “jiena telliftkom 36,000 vot? Jew min kien qed imexxi tellef lill-PN? Tibqgħux in denial.”

Din iċ-ċaħda li t-tmexxija tal-PN kienet il-kawża ewlenija tat-telfa tal-2013 bl-iżbalji kbar u oxxeni li għamlet, prinċipalment matul id-9 snin ta’ tmexxija ta’ Lawrence Gonzi (2004-2013) insibuha ukoll tidwi fil-blog ta’ Norman Vella li wara li jinsulta lil Grima billi jgħid li kulma hu tajjeb hu biex iservi t-te’ jesklama (b’referenza għal Godfrey Grima u oħrajn) li: “Illum ilkoll nafu kif dawn in-nies daħħlu lill-Gvern Nazzjonalista fil-ħajt.”

Jekk il-Partit Nazzjonalista fi hsiebu jħejji ruħu fuq din il-profondita’ ta’ ħsieb, fil-fehma tiegħi l-Ministri fil-Gvern Nazzjonalista li jmiss għadhom ma tweldux.

Wara l-każ Norman Vella: min qiegħed imexxi l-korp?

Silvio Scerri + Peter Paul Zammit

Li l-Pulizija jinvestigaw suspett ta’  reat hu sewwa.  Imma li wara li teżamina l-affarijiet u ma issib xejn tibqa’ tippersisti mhux sempliċi żball iżda abbuż.

Is-sentenza tal-Maġistrat il-lejla illi ma kien hemm l-ebda suspett raġjonevoli li Norman Vella wettaq xi reat hu ċertifikat ċar li l-Pulizija abbużat mill-poteri tagħha.

Huwa inkwetanti  li l-Pulizja sa dal-għodu, fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, kienu għadhom qed jinvestigaw xi ħaġa li ma kienitx teżisti.

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati hemm bżonn li l-Kummissarju tal-Pulizija jispjega ftit x’ġara. Jeħtieġ li jispjega x’rapporti saru u x’ser jagħmel issa li irriżulta li r-rapporti li l-Pulizija irċeviet mingħand żewġ persuni identifikati  kienu rapporti foloz.

Sfortunatament minn dan il-każ jidher ċar li dan m’huwiex każ ta’ inkompetenza imma iktar każ ta’ abbuż.

Ikun tajjeb jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jirrealizza li b’dan il-każ li sar taħt it-tmexxija tiegħu tal-Korp tal-Pulizija beda jkun ċar li l-korp m’huwiex immexxi sewwa.

Il-mistoqsija li tagħha tinħtieġ tweġiba hi: min qiegħed imexxi l-korp fir-realta’? Żgur li mhux Peter Paul Zammit ! 

Bla dubju l-abbuż ikompli.

Prosit Norman.

Norman Vella : x’inhu jiġri ?

Norman Vella

Jagħmlu sewwa l-Pulizija li jinvestigaw ksur tar-regoli ta’ imġieba f’żona ta’ sigurta’ bħalma hi iż-żona ristretta tal-ajruport.

Iżda x’inhu jiġri eżatt ħadd ma jaf. Għax filwaqt li Norman Vella qal li ġie investgat u interrogat dwar allegat teħid ta’ ritratt fiż-żona ristretta tal-ajruport ma jidher li ġie ippubblikat l-ebda ritratt (s’issa).

Is-sigurta’ fl-ajruport hi materja serja ħafna u għandna nieħdu pjaċir li qed tingħata attenzjoni.

Hu fl-interess ta’ kulħadd li l-każ ikun riżolt malajr.  Jekk il-Pulizija investigaw suspett fondat u dan irriżultalhom għandhom jieħdu passi immedjatament. Jekk le, fiċ-ċirkustanzi għandhom l-obbligu li jispjegaw l-affarijiet kif ġraw.