Il-ġrieden f’Xarabank

Peppi Azzopardo

Xarabank il-bieraħ kien programm dwar il-ġrieden, wisgħat u xi cockroach. Dwar nies li jibżgħu minnhom u li permezz ta’ ipnożi ġew meħlusa minn dawn il-biżgħat.

Meta fil-pajjiż għaddejja din il-kontroversja kollha dwar Konrad Mizzi u l-imġieba suspettuża tiegħu kont nistenna li Xarabank jitkellem dwar ġrieden oħra.

 

F’Birżebbuġa, issa l-pass li jmiss.

Noise Report 2015.draft

 

Nigel Mifsud, il-bieraħ, fuq TVM, spjega f’rapport konċiż u informattiv, kif issa, hemm il-provi li l-kontributur ewlieni għat-tniġġiż mill-ħsejjes f’Birżebbuġa hu l-Port Ħieles.

Biex inkun preċiż ir-rapport dwar l-impatti tal-ħsejjes mill-Port Ħieles fuq Birżebbuġa għadu mhux lest għal kollox. L-istudju lest u l-ewwel abbozz tar-rapport ġie diskuss. Jonqos issa li jsiru l-aħħar irtokki biex ikun konkluż ir-rapport finali.

Li sar l-istudju huwa importanti ħafna. Għax issa hemm il-provi li dak li ilhom jgħidu r-residenti hu minnu. Huwa ukoll ikkwantifikat.

Imma tajjeb li nifhmu li biex l-istudju sar kien hemm ħtieġa ta’ ħafna ħidma. Minnu innifsu kien ukoll proċess edukattiv li fih imxew flimkien il-MEPA, l-Port Ħieles u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Kienet triq twila, għax għal bidu mhux kulħadd kien konvint li dik kienet it-triq. Anke matul it-triq kien hemm min ġieli qata’ qalbu. Imma fl-aħħar wasalna. U biex wasalna għandhom mertu diversi persuni.

Dan hu awgurju tajjeb fi tmiem din is-sena. Li bil-paċenzja hu possibli li tasal.

Issa irridu bl-istess ħeġġa nagħmlu l-passi li jmiss: li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-ħoss jonqos.

Għax, kif dejjem ngħid: hu tajjeb li l-Port Ħieles jagħti kontribut għall-ekonomija tal-pajjiz. Dan il-kontribut, iżda, m’għandux inaqqas il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Hi rebħa kbira, mhux biss għal Birżebbuġa, li wasalna sa hawn. Inħarsu l-quddiem b’kuraġġ. I

ppubblikat ukoll fuq iNews : l-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2015

 

TVam : bejn PL u PN

TVam

Il-bieraħ ipprotesta l-PN għax id-diskussjoni fuq TVam kienet żbilanċjata kontra tiegħu billi fiha ħadu sehem Janice Bartolo, ġurnalista ta’ ONE kif ukoll Jes Saliba mill-RTK.

Illum kien imiss lill-PL li jilmenta mill-iżbilanċ għax din id-darba fid-diskussjoni ħadu sehem Dione Borg mill-media tal-PN u Karl Wright mill-RTK.

Tad-daħq jew tal-biki meta dawn għandhom kemm it-TV kif ukoll ir-radio?

Għal Alternattiva Demokratika biss ma jsibux ħin u spazju.

 

L-idejaliżmu ta’ Marlene

Marlene Farrugia2

L-intervista ta’ Marlene fuq Reporter ta’ nhar it-Tnejn li għadda hi xhieda tal-idealiżmu tagħha.

Baqgħet tittama li l-partit li f’ismu ġiet eletta fil-Parlament jiftaħ għajnejh u jirrealizza illi għandu programm elettorali li wiegħed li jwettaq. Tħoss li l-iktar rabta importanti tagħha hi mal-programm elettorali u mhux mal-partit li bosta drabi jidher li nesa’ dak li wiegħed.

Għalhekk għażlet li tkun indipendenti. Tinsisti li hi baqgħet lealissima lejn dak li ġie imwiegħed biex inkisbu il-voti fl-elezzjoni ġenerali. Huwa dan li jimmotiva l-ħidma tagħha, għax, għaliha, l-lejaltà lejn l-idejal fil-politika tiġi qabel il-lejaltà lejn il-partit. Għax il-partit mhux qiegħed hemm biex jistaħbew warajh!

Fuq quddiem fil-lista tad-diżappunti ta’ Marlene hemm in-nuqqas ta’ trasparenza fil-ħidma tal-Gvern. Hemm ukoll il-privatizzazzjoni tal-Enemalta b’sehem fiha issa f’idejn is-Shanghai Electric Power (ksur sfaċċat ta’ wegħda elettorali Laburista), n-nuqqas ta’ politika ambjentali sura u bosta affarijiet oħra.

Marlene vuċi fid-deżert?  Ma jidhirx li kien hemm wisq appoġġ għall-posizzjoni tagħha fil-grupp parlamentari laburista għax bosta kienu dawk li beżgħu mir-riperkussjonijiet fuq il-karriera politika tagħhom kieku għażlu li jlissnu kelma. Dan minkejja li l-grupp parlamentari laburista ġie imġenneb diversi drabi: kien isir jaf b’diversi deċiżjonijiet mill-gazzetti.

Quddiem dawn l-affarijiet kollha, hu ta’ sodisfazzjon li Marlene għadha titbaqbaq favur l-idejal : li sservi lin-nies, dejjem b’konsistenza mal-programm elettorali li tpoġġa quddiem l-elettorat f’Marzu 2013.

Marthese u l-ispaghetti

Marthese Portelli + spaghetti

Marthese Portelli l-kelliema tal-PN dwar l-ambjent tidher inkwetata ħafna li l-impatt tal-Università Amerikana fiż-Żonqor ser ikun fuq il-prezz tal-għaġin. Hekk qalet il-bieraħ f’Xarabank!

Din jidher li hi l-politika ambjentali ġdida tal-PN.

Tal-biki! B’dan it-tip ta’ kelliema naħseb li l-Kabinett Nazzjonalista li jmiss għad irid jitwieled! 

TimesTalk u l-Koalizzjoni

new-identity.jpg

TimesTalk nhar it-Tlieta li għaddew reġa’ qajjem mill-mewt l-idea ta’ koalizzjoni  f’Malta billi lejn l-aħħar tal-programm staqsa lill-Kap tal-Opposizzjoni jekk jeskludix (fil-futur) koalizzjoni ma’ Alternattiva Demokratika.

Simon Busuttil, ġustament, wieġeb li ma jeskludix.

Dal-għodu Arnold Cassola ikkummenta mat-Times li dan hu kollu ħolm (pie in the sky) ! U hekk hu.

Għad baqa’ tlett snin sal-elezzjoni ġenerali u sa dakinnhar min jaf kemm jinbidlu affarijiet. Kemm għad isiru kalkoli u paroli.

Jekk għadx ikun hemm min ikun imħajjar jikkunsidra koalizzjoni jiddependi minn kif ser tittrasforma ruħha l-politika Maltija minn issa sa tlett snin oħra. Tista’ tinbidel ftit jew inkella ħafna, u tista’ tibqa’ kif inhi! Ilkoll nafu li kif qal darba Harold Wilson, Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Ingliz: fil-politika anke ġimgħa hu żmien twil ħafna. Aħseb u ara tlett snin!

Mela meta tiġi naraw.  Din ukoll kienet is-sustanza tal-kummenti tal-Professur Henry Frendo lit-Times dal-għodu.

Sadanittant nibqgħu iffukati fuq il-11 t’April. L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-ewwel referendum abrogattiv biex tispiċċa darba għal dejjem il-kaċċa fir-rebbiegħa.

 

Xarabank u r-referendum dwar il-kaċċa : dawk li għadhom ma ddeċidewx jekk jivvutawx

Xarabank

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar ġie ippubblikat is-survey li ikkummissjona Xarabank dwar kif jaħsbuha l-votanti Maltin fuq ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Ir-rapport jikkonkludi li 14.3% qalu li għadhom ma iddeċidewx jekk hux ser jivvutaw.

Meta iktar kmieni fis-survey dawn kienu mistoqsija x’inhi l-opinjoni tagħhom dwar il-kaċċa, dawn, fil-maġġoranza tagħhom qalu li ma jaqblux mal-kaċċa. Għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex jivvutaw skond dak li jemmnu.

Xarabank.dont know

Xarabank u r-referendum dwar il-kaċċa : il-vot tan-Nisa

Xarabank

 

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Frar ġie ippubblikat is-survey li ikkummissjona Xarabank dwar kif jaħsbuha l-votanti Maltin fuq ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Ir-rapport jikkonkludi li l-maġġoranza kbira tan-nisa (62%) ma jaqblux mal-kaċċa, filwaqt li maġġoranza żgħira tal-irġiel jaqblu (52.8%).

Xarabank.female vote

 

80.4% deċiżi li jivvutaw

Xarabank Survey

In-nies, bil-mod qed tifhem li l-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tispiċċa darba għal dejjem.

Is-survey ta’ Xarabank ippubblikat il-bieraħ juri appoġġ li qed jiżdied. 44.7% jgħidu LE u 35.7% jgħidu IVA. Għad baqa xahrejn u l-affarijiet jistgħu jkomplu jinbidlu.

Survey ta’ dan ix-xorta huwa ritratt validu fil-mument li ittieħed. Huwa ritratt tal-opinjoni tan-nies kif qed tiżviluppa f’din il-kampanja dwar dan ir-referendum abrogattiv.

Meta tqabblu mas-survey pubblikat mill-Malta Today nhar il-Ħadd li għadda is-survey ta’ Xarabank juri ċaqlieq fil-fehma tan-nies. Qed jonqsu dawk li lesti jappoġġaw il-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan jista’ jkun li jfisser li n-nies qed issegwi id-dibattitu b’attenzjoni u qed tirreagixxi għal dak li qed tisma’.

Punt ieħor posittiv ħafna li jirriżulta minn dan is-survey hu li avolja għad baqa’ xahrejn 80.4% tal-votanti huma deċiżi li jmorru jivvutaw. Dan ukoll huwa żieda fuq dak li kien ikkonkluda is-survey tal-Malta Today. Jidher ċar li l-Maltin iridu jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jeffettwawhom.

 

Toni Abela f’Xarabank

Toni Abela

Waqt Xarabank tal-bieraħ il-Ġimgħa suppost li ġie diskuss il-każ Manwel Mallia.

Għal diversi drabi waqt il-programm Toni Abela Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għoġbu jsemmi dak li ktibt jiena dwar il-każ. Għandu kull dritt li jagħmel dan, għax dak li nikteb jiena fuq dan il-blog huwa pubbliku u kulħadd għandu dritt jikkummenta u jikkritika dak li nikteb dwaru.

Minn dak li qal Toni Abela kien ovvju li qed jirreferi għall post intitolat Lil hinn minn Manwel Mallia.

Toni Abela ikkwota ftit b’mod żbaljat mill-post tiegħi tant li min semgħu seta fehem li jiena għidt affarijiet ħafna differenti minn dak li fil-fatt għidt.

Naħseb li tajjeb illi nfakkar illi dwar il-każ ktibt mat-13-il post fuq dan il-blog. Repetutament argumentajt li kien ikun għaqli għal Manwel Mallia kieku irreżenja mill-ewwel ma sbieħ l-20 ta’ Novembru 2014, mhux għax għamel xi ħaġa ħażina imma biex jerfa’ ir-responsabbilta’ politika għall-persuni ta’ fiduċja (persons of trust) li kellu madwaru. Hekk jagħmlu l-politiċi serji.

Il-Partit Laburista permezz tal-mexxej tiegħu żbalja meta dam biex iddeċieda x’għandu jagħmel. Għax il-konklużjoni tal-inkjesta mit-tlett imħallfin ma iddeterminatx ir-responsabbilta politika. Fiċ-ċirkustanzi imma l-inkjesta ħasset il-ħtieġa li tfakkar kemm lill-PN kif ukoll lill-PL li għandhom ħabta kif meta jkunu fl-Opposizzjoni jitkellmu favur il-ħtieġa li jqegħdu fil-prattika kultura ta’ responsabbilta politika imma hekk kif ikunu fil-Gvern jinsew kollox. Dwar dan Toni Abela ġustament qal waqt Xarabank li l-inkjesta ġibdet widnejn iż-żewġ partiti.

Fil-waqt li l-Gvern dam ħafna biex iddeċieda, huwa tajjeb li nirrikonoxxu illi d-deċiżjoni li Manwel Mallia jispiċċa minn Ministru kienet deċiżjoni tajba. Imma l-fatt li damet ħafna ma ittieħdet kien żball li kompla għamel il-ħsara lill-politika f’Malta.

M’għandix dubju li Toni Abela jaqbel ma dan ukoll. Imma dan x’naħseb jien!