Biex leħen l-Alternattiva Demokratika jinstema fuq NET u ONE

Broadcasting Authority-Malta

Alternattiva Demokratika talbet lill-Awtorita’ tax-Xandir biex tassigura li leħen AD jinstema fuq ix-xandir pubbliku viżiv matul il-kampanja elettorali li ser tibda għada. Dwar dan qed nistennew risposta mingħand l-Awtorita’ tax-Xandir forsi ma jibqax ikollna programmi bħal Xarabank li jagħti 50 minuta lill-PN, 50 minuta lill-PL u lill-AD l-mizerja ta’ 8 minuti. Forsi ma nibqgħux bi programmi bħal Dissett li jistieden biss lill-PN u lill-PL u mingħandna jieħu kumment qasir rrekordjat. Jew program bħal Bondi+ li jidhirlu li ġeneralment għandu jinjorana.

Żmien ilu Alternattiva Demokratika kienet għamlet l-istess talba fil-konfront tal-istazzjonijiet l-oħra  tat-TV. L-Awtorita tax-Xandir dakinnhar kienet ħarġet direttiva dwar dak li għandhom jagħmlu l-istazzjonijiet tat-TV inkluż dawk politiċi.

Fil-fatt nhar is-6 ta’ Frar 2012 l-Awtorita’ tax-Xandir kienet iddeċidiet dwar ilment imressaq minn Alternattiva Demokratika billi :

  1. Ikkonkludiet li waqt kampanja elettorali, wara li jkun ħareġ ir-writ,  ta’ l-inqas darba fil-ġimgħa fuq NET TV u ONE TV  fi programmi ta’ diskussjoni li fihom ikun hemm rappreżentanti ta’ partiti oħra għandu jkun mistieden rappreżentant ta’ AD u
  2. L-istazzjonijiet l-oħra kollha għandhom jistiednu rappreżentant ta’ AD kull meta jiddiskutu temi ta’ natura politika jew public policy waqt kampanja elettorali.

Nistennew ħalli naraw kif l-Awtorita’ tax-Xandir ser timplimenta din id-direttiva tagħha fuq in-NET u l-ONE.

Dissett bejn tnejn. Bejn tlieta mnejn safejn?

Broadcasting Authority-Malta

Fil-polemika li għaddejja bħalissa bejn l-Awtorita’ tax-Xandir u l-PBS dwar jekk id-dibattitu għandux ikun bejn tnejn, l-Awtorita’ għal darba oħra qed tinsa li kemm il-PN kif ukoll il-PL għandhom stazzjoni tat-TV kull wieħed li fuqu jistgħu jxandru kemm iridu dibattiti. Għal 24 siegħa sħaħ. Bla waqfien.

L-Awtorita’ tax-Xandir ma tridx tifhem li b’dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet irrendew lill-istazzjon tat-TV pubbliku qiesu pjanu stunat, għax il-leħen ta’ Alternattiva Demokratika jirrifjutaw li jħalluħ jinstema.

Tafu għaliex jagħmlu dan? Għax 4 minn 5 membri tal-Awtorita huma nominati mill-partiti politiċi fil-Parlament, tnejn mill-PN u t-tnejn l-oħra mill-Labour. U biex jassigura ruħu l-Prim Ministru jinnomina c-Chairman, il-ħames membru.

Meta taf li l-partiti fil-parlament għandhom stazzjon tat-TV kull wieħed b’dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet l-Awtorita’ tax-Xandir qed titqazzet.